Legislature:
Category:
Reset
Active:

Carers Allowance jew Carers Grant – Pensjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32473, jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna li jkollha 15-il kontribuzzjoni mħallsa u qed tirċievi l-Carers Allowance, iżda qabel ma bdiet tirċievi din l-allowance ma kinitx f’impjieg, tkunx intitolata għall-pensjoni kontributorja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi sabiex persuna tikkwalifika għall-Pensjoni Minima Nazzjonali, waħda mill-kundizzjonijiet statutorji hija dik li trid tkun ħallset mhux anqas  minn 156 kontribuzzjoni tas-Sigurta` Soċjali.  Dan minbarra kundizzjonijiet oħrajn, fosthom li l-persuna irid ikollha mill-anqas medja ta’ 20 kontribuzzjoni kull sena minn meta tkun għalqet 18-il sena sal-eta’ tal-irtirar.  Alternattivament sabiex persuna tikkwalifika għal Pensjoni taż-Żewġ terzi ridotta, trid tkun ħallset mill-anqas 10 snin ta’ kontribuzzjonijiet.

Bormla - Proġett tal-Housing

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29688, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-housing f’Bormla?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla bħalissa jinsab soġġett għal sospensjoni temporanja tax-xogħlijiet. Qabel din is-sospensjoni, ix-xogħlijiet kienu għaddejjin skont l-iskeda pjanata u l-ispeċifikazzjonijiet mitluba. Fil-mument li twaqqaf ix-xogħol, il-proġett kien jinsab f’fażi avvanzata, b’xogħlijiet ta’ tlestija għaddejjin fil-blokok residenzjali u fl-ispazji komuni. B’mod ġenerali, kien inkiseb progress sostanzjali fuq il-maġġor parti tas-sit qabel is-sospensjoni temporanja. Inżid li x-xogħlijiet mistennija jerġgħu jitkomplew fi ftit ġranet oħra.

Klabbs sportivi - Titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32180, 32438, 32602, 32876 u 33118 u jipprovdi lista ta’ kemm-il klabb sportiv preżentement għandu titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li preżentament hemm 114-il klabb b’titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports.

Proprjetajiet - Spezzjonijiet għal under declaration

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32888 u jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq proprjetajiet li nxtraw biex jaraw li ma kienx hemm under declaration mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien hemm persuni li nstabu li kellhom under declaration u li ma jirriflettix il-piż attwali matul l-istess perjodu?  Jista’ jgħid ukoll kemm inġabru taxxi b’dan il-mod matul l-istess perjodu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ħaddiema full-time u part-time skont ir-rata tat-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32823 u 33121 u jippreżenta tabella li tindika n-numru ta’: i.    ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs); ii.    ċittadini tal-Unjoni Ewropea mhux Maltin u iii.    ċittadini Maltin, separati f’żewġ kategoriji: full-time employed u part-time employed? Għal kull kategorija, jista’ wkoll jindika kemm minnhom jaqgħu taħt dawn ir-rati tat-taxxa: i.    0% taxxa; ii.    15% taxxa; iii.    25% taxxa u iv.    35% taxxa?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinħadem.

Distribuzzjoni tal-pagi skont il-grupp ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32822 u 33120 u jippreżenta tabella dettaljata li tindika n-numru ta’ ħaddiema full-time li jaqilgħu pagi gross bejn it-€12,000 u l-€150,000, f’inkrementi ta’ €1,000 (eż. €12,000–€13,000; €13,000–€14,000; u hekk sal-€150,000), separati kif ġej: i.    ċittadini Maltin; ii.    ċittadini minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u iii.    ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs)? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni f’tabella li tinkludi kolonna separata għal kull kategorija ta’ ħaddiema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinħadem.

Skema Irrinova Darek

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet taħt l-iskema ‘Irrinova Darek’? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew approvati, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid ukoll: i.    Għal liema raġunijiet ewlenin ġew miċħuda dawn l-applikazzjonijiet? ii.    Kemm kien hemm applikanti li kellhom jinvolvu assessur obbligatorju iżda xorta waħda ma kkwalifikawx, u x’ammont totali ġew imġarrba f’miżati tal-assessuri f’dawn il-każijiet? iii.    Għaliex il-Gvern qed jimponi xogħlijiet obbligatorji bħal “wall insulation” u pannelli solari bħala kundizzjoni biex wieħed jikkwalifika għal din l-iskema/grant? iv.    Liema xogħlijiet huma strettament obbligatorji u liema jistgħu jitħallew għad-deċiżjoni individwali tal-applikant?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

San Vincenz de Paul – Renal Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tinfetaħ ir-Renal Unit ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll b’kemm-il pazjent se jibda jopera?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ tlestija tal-aħħar xogħlijiet fuq ir-Renal Unit fi ħdan San Vinċenz de Paul wasal fi stadju avvanzat, u l-unit se jkun f’pożizzjoni li jibda jopera matul dan l-ewwel kwart ta’ din is-sena. Il-unit se jkun mgħammar b’ħames magni tad-dijaliżi, flimkien ma’ magna addizzjonali li se sservi bħala riżerva. Dan id-dipartiment se joffri kapaċità ta’ madwar 70 sessjoni ta’ dijaliżi fil-ġimgħa. L-operazzjonijiet se jitħaddmu b’mod gradwali, b’kapaċità inizjali ta’ massimu ta’ 10 slots ta’ dijaliżi kuljum.

San Pawl il-Baħar - ERA - Spezzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28586, tista’ l-Ministru tgħid kemm saru iktar spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) minn meta ġiet imwieġba din il-mistoqsija parlamentari sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ twissijiet li nħarġu, u kemm inħarġu ċitazzjonijiet, mit-total ta’ spezzjonijiet li ssemmew fl-istess tweġiba, u mill-ispezzjonijiet li saru minn dakinhar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-1 ta’ Jannar 2024 sat-30 ta’ Novembru 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet total ta’ 1,082 spezzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar speċifikament fir-rigward ta’ monitoraġġ għal skart imqiegħed barra meta mhux suppost kif ukoll dwar nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi. Kull spezzjoni tikkonsisti f’shifts ta’ madwar ħames (5) u sitt (6) sigħat ta’ monitoraġġ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm saru spezzjonijiet kull xahar kif ukoll kemm inħarġu twissijiet u multi amministrattivi fl-istess perjodu.

Il-Mellieħa - Dispensers intelliġenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29265, tista’ l-Ministru tgħid jekk is-47 dispensers intelliġenti li kellhom jitwaħħlu, fil-fatt twaħħlux? Tista’ tgħid ukoll f’liema partijiet tal-Mellieħa jinsabu dawn l-istess dispensers u meta huwa mistenni li jitwaħħlu dawk li sa issa għadhom ma twaħħlux?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-ammont indikat f’din il-mistoqsija parlamentari twaħħlu 29 dispenser, biex b’hekk issa fil-lokalità tal-Mellieħa hemm total ta’ 77 dispenser li huma attivi u l-bdiewa diġà qegħdin jagħmlu użu minnhom.  It-18-il dispenser l-oħrajn se jkunu qegħdin jiġu installati fi Triq il-Wilġa (10), Triq il-Biedja (4) u fi trejqa li tagħti għal Triq Għajn Tuffieħa (4).  Dawn għandhom ikunu qed jitħaddmu wkoll fil-ġimgħat li ġejjin.

San Pawl il-Baħar - Burmarrad - Sqaq Ta’ Ċampra - Sistema tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29264, dwar servizzi ta’ main ġdid tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb fi Sqaq Ta’ Ċampra, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari minn meta ġiet imwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kważi sitt xhur ilu? Jekk iva, meta hu mistenni jsir ix-xogħol u jekk le, x’qed iżomm milli jkun hemm l-iżviluppi neċessarji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-preparamenti meħtieġa għat-twettiq tax-xogħol li qed issir referenza għalih jinsabu fl-istadji finali u  tali xogħol mistenni li jibda fl-ewwel kwart tas-sena.

BCRS - Servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29862 dwar is-servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb tal-BCRS, tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-11-il sit li qed ikunu mmaniġġjati? Tista’ tgħid ukoll jekk mid-data li ngħatat it-tweġiba tal-mistoqsija msemmija sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, żdidux ukoll is-siti li qed jiġu mmaniġġjati? Jekk iva, kemm żdiedu dawn is-siti? Fejn jinsabu s-siti indikati fl-istess tweġiba, u jekk żdiedu fejn huma s-siti li żdiedu? Mil-liema lokalitajiet qed jinġabru l-fliexken, u kemm inġabru sa issa? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm investiment ġdid, u fil-każ kemm sewa, u fuqiex sar? Kemm hu n-numru ta’ persuni bil-blue badge li qed jingħataw dan is-servizz u kif inhuma mifruxa lokalità b’lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif hemm spjegat fit-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 29468, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni jkunu preżenti fi ħdax-il sit b’domanda għolja għal użu tal-magni tal-BCRS, biex jassistu fiż-żamma ta’ dawn is-siti. Il-ħaddiema qed ikunu f’żewġ hubs f’San Pawl il-Baħar, ir-Rabat (Malta), ix-Xemxija, il-Gżira, Ta’ Xbiex, il-Furjana, il-Belt Valletta, f’San Tumas (Marsaskala), u żewġ hubs oħra f’Tas-Sliema. Is-servizz ta’ ġbir ta’ kontenituri minn wara l-bieb qed jiġi pprovdut fi 32 lokalità differenti u qed jagħmlu użu minnu 3,410 persuna. Ninsab infurmata li l-istatistika li żżomm id-Diviżjoni ma tagħmilx differenza bejn persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u oħrajn li jikkwalifikaw għal din l-iskema bis-saħħa tal-Blue Badge. Minn meta ġie introdott is-servizz fil-bidu ta’ Lulju sa tmiem is-sena li għaddiet, inġabru total ta’ 960,191 kontenitur. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi kemm inġabru kontenituri minn kull lokalità u l-ammont ta’ klijenti li qed jibbenefikaw mill-iskema.

Awtorità tad-Djar - Skemi ta’ aċċessibiltà - Talbiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 29566 u 29859 fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi li għamlu talbiet mal-Awtorità tad-Djar biex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità, jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm minn meta twieġbu dawn il-mistoqsijiet parlamentari u kif it-tagħrif mogħti f’dawn il-mistoqsijiet inbidel minn meta ngħataw it-tweġibiet? Jista’ jgħid ukoll liema għaqdiet oħra bbenefikaw, jew talbu li jibbenefikaw mit-30 ta’ Lulju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema talbiet intlaqgħu, liema ġew rifjutati u liema għadhom pendenti?

Response (GALDES, RODERICK)

Nistaqsi lill-Onorevoli Interpellant sabiex tikkjarifika xi trid tfisser fuq żviluppi u tibdil b’referenza għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari 29566 u 29859 fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi li għamlu talbiet mal-Awtorità tad-Djar biex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità.

San Pawl il-Baħar - Reġistri elettorali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li hemm differenza ta’ 239 vot fir-reġistri elettorali ta’ Ottubru, b’din id-differenza tkun bejn ir-reġistru elettorali għall-Kunsill Lokali u r-reġistru elettorali għall-elezzjoni ġenerali, għal dak li jikkonċerna l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lil l-Onor Interpellanta , li r-Reġistri Elettorali jinħarġu mill-Kummissjoni Elettorali.  Bħala Korp Kostituzzjonali, l-imsemmi Kummissjoni ma taqa’ taħt id-direzzjoni ta’ ebda Ministru.  Għaldaqstant l-Onor Interpellanta tista’ tqajjem din il-materja direttament mal-Kummissjoni Elettorali.

Sena 2025 - Suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm seħħew imwiet f’pajjiżna kawża ta’ suwiċidju matul l-2025, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sena 2024 - Suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm seħħew imwiet f’pajjiżna kawża ta’ suwiċidju matul l-2024, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-PQ 26208.

Sena 2023 - Suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm seħħew imwiet f’pajjiżna kawża ta’ suwiċidju matul l-2023, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-PQ 18038.

Sena 2022 - Suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm seħħew imwiet f’pajjiżna kawża ta’ suwiċidju matul l-2022, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-PQ 11994.

SportMalta - Trasferiment ta’ artijiet - Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32754 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha li SportMalta daħlet għalihom mal-klabbs sportivi dwar trasferiment ta’ artijiet għal skopijiet sportivi bejn l-2022 u l-2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kuntratti huma kollha approvati mill-Parlament.

Il-Belt Valletta, il-Ħamrun, il-Furjana, Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi – Artijiet Devoluti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32753 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tas-siti, artijiet u/jew binjiet kollha li ġew devoluti lill-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, il-Ħamrun, il-Furjana, Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi, u għal kull sit jindika l-indirizz tas-sit, id-deskrizzjoni tas-sit, l-ammont tal-ħlas mitlub mill-Kunsill Lokali, l-użu attwali tas-sit, id-data ta’ meta s-sit ġie devolut u t-terminu jew it-tul tad-devoluzzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dokument bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili. Ninforma ukoll lill Onorevoli interpellanta illi l-Gvern ilu li ħa d-decizjoni illi l-ammont massimu li għandu jitħallas għall kull propjeta’ illi tiġi devoluta lill-Kunsilli lokali, jew li diġa qiegħda devoluta u qiegħed jintalab tiġdid tal-kuntratt, huwa ta’ Euro 500. It-terminu huwa ta 5 snin. Dan jiġi mġedded awtomatikament sakemm l-ebda parti ma tavża li se ttemm il-kuntratt b’avviż minn xahar qabel mhu ha jkunu se jiskadu l-5 snin.