Legislature:
Category:
Reset
Active:

Unjoni Ewropea - Baġit allokat lil Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30758 u jgħid kemm ġie allokat baġit lil Malta mill-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid ukoll: i.    kemm fondi ġew utilizzati s’issa (f’numri assoluti u persentaġġi); ii.    kemm minnhom għadhom ma ntefqux; iii.    liema oqsma tal-fondi tal-UE l-iktar li ntefqu; u iv.    liema oqsma tal-fondi tal-UE l-iktar li ma ntefqux?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numri: 32740 – 32741 – 32742 – 32743 – 32744 – 32745 – 32746 – 32747 – 32748 – 32749 – 32750 - 32751

Employee Support Programme – Każijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ ġie segwit mill-Employee Support Programme, min-Novembru 2023 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li  bejn Novembru 2023  u Novembru 2025 kien hemm 8370 sessjoni.

Siġra tal-Milied - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s-siġra tal-Milied li qiegħda fi Pjazza Ħelsien, il-Belt, quddiem il-Parlament?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) li s-Siġra tal-Milied li ntramat din is-sena fi Pjazza Ħelsien  ġiet iddisinjata mill-artist Malti rinomat anki lil hinn minn xtutna Henry Galea. Din is-siġra kellha ornamenti li ġew magħmulin kollha bl-idejn u fost id-disinji  li saru kien hemm il-merill, iż-żebbuġa, il-ballottra, il-qabru u l-lampuka – simboli li konna naraw fil-muniti Maltin u li għalhekk huma marbutin mal-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna. Apparti wkoll l-eluf ta’ dwal, ċfuf magħmulin bl-idejn u n-nutcrackers kbar imdawrin mas-siġra, ġiet ikkreata wkoll riħa apposta għal din is-siġra tal-Milied bil-għan li tinħoloq esperjenza multisensorjali. Ninnota kif din is-sena, is-siġra intlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku li ta’ kuljum, għal aktar minn xahar sħiħ, mijiet u eluf ta’ Maltin u turisti kienu jieqfu biex jieħdu ritratt magħha. Diversi persuni prominenti, inkluż mill-kollega tal-Onor. Interpellant, il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu, żaru din is-siġra u faħħru x-xogħol artistiku li sar minn Henry Galea u t-tim tiegħu. Inoltre, l-isbuħija ta’ din l-instalazzjoni artistika kien irrimarkat ukoll mill-profil popolari fuq Instagram Pubity, li huwa magħruf l-aktar għall-kontenut ta’ divertiment li jtella’ u li huwa segwit minn madwar 42 miljun persuna minn madwar id-dinja kollha, tant ikklassifika lil din is-siġra tal-Milied bħala waħda mill-isbaħ siġar tal-Milied fid-dinja. Ninsab infurmat li l-ispiża totali kienet tammonta għal €80,000 (VAT Eskluż) li tinkludi l-materjal tas-siġra, it-transportazzjoni, arrangamenti logistici, assikurazzjoni u pubbliċità fost oħrajn. Kienu segwiti l-proċeduri applikabbli tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

FSWS - Passi li jittieħdu f’każijiet fejn koppji jgħixu f’postijiet dilapidati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31942 u 32207 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u jgħid x’passi jittieħdu ma’ dawk il-koppji li jkunu ser jittieħdulhom it-tfal mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) minħabba li jkunu jgħixu f’postijiet dilapidati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill Onor Interpellant li d-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri jimxi fuq il-principju li kemm jista’ jkun jippreserva l-entità tal-familja u fejn ikun hemm sitwazzjoni ta’ familji li jgħixu f’postijiet mhux edegwati, il-Ħaddiema Soċjali fi ħdan id-Direttorat jaħdmu ma’ entitajiet u servizzi varji biex jassiguraw li l-minuri jgħixu f’post sikur u fejn il-bżonnijiet bażiċi tagħhom ikunu mħarsa.

Homelessness - Definizzjoni legali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31941 u 32206 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid jekk teżistix definizzjoni legali ta’ ‘homelessness’?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ħ’Attard - Karozzi elettriċi reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi elettriċi reġistrati fuq residenti f’Ħ’Attard?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta daħlet din il-mistoqsija kien hemm 643 battery electric vehicles reġistrati fuq residenti f’Ħ’Attard.

L-Isptar Mount Carmel – pazjenti rikoverati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li bħalissa huma rikoverati fl-Isptar Mount Carmel u kemm hemm li qed jirċievu kura barra mill-isptar (community mental health services)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Mount Carmel hemm rikoverati 246 pazzjent, filwaqt li 10,485 qed jirċievu kura barra mill-isptar.

Servizz ta’ Saħħa Mentali - professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta’ professjonisti (psikjatri, psikologi, psychiatric nurses, counsellors u social workers) li bħalissa qed jaħdmu fis-servizzi ta’ saħħa mentali pubbliċi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm dawn il-professjonisti fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anjzanità Attiva: 63 psikjatra; 60 psikologi; 356 infermier/a; u 17-il Social Worker.

Professjonijiet tas-Saħħa – tnaqqis tal-problema ta’ burnout

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Ministeru qed jippjana li jżomm u jattira professjonisti tas-saħħa billi jindirizza l-problema tal-burnout bħala parti mill-politika ta’ retention?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qed jieħu numru ta’ inizjattivi mmirati biex aktar żgħażagħ jiġu mħajjra lejn il-professjonijiet relatati mas-saħħa. Dawn jinkludu l-parteċipazzjoni f’diversi job fairs, l-organizzazzjoni ta’ Health Career Fair annwali, laqgħat mal-istudenti fl-iskejjel, workshops għall-guidance teachers, kif ukoll programmi ta’ job shadowing u żjarat fl-isptarijiet, fost oħrajn. Ġie kkummissjonat ukoll studju sabiex jiġu identifikati l-fatturi li jħajru jew jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jagħżlu karriera fis-settur tas-saħħa.

Ħaddiema tas-Saħħa - Appoġġ psikoloġiku u programmi ta’ saħħa mentali - Baġit allokat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx baġit speċifiku allokat għall-appoġġ psikoloġiku u programmi ta’ saħħa mentali għall-ħaddiema tas-saħħa għall-2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li kull impjegat li jinħtieġ appoġġ psikoloġiku jingħatalu minnufih mill-professjonisti li jaħdmu f’dan il-Ministeru.

Ħaddiema tas-Saħħa – burnout u kundizzjonjiet tax-xogħol - diskussjonjiet mal-unions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx diskussjonijiet mal-unions tal-ħaddiema tas-saħħa dwar miżuri ta’ prevenzjoni tal-burnout u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed isir minn kollox biex l-istaff compliment f’kull kategorija ta’ professjonisti jiżdied.  Barra minn hekk, qed isir investiment bla preċident biex l-ambjent fejn jaħdmu ikompli dejjem jitjieb u jiżbiħ.  Dan minbarra li qed tiddaħħal l-aħħar teknoloġija f’kull qasam tal-kura biex jgħin lill-professjonisti fix-xogħol tagħhom. Minn barra hekk, sabiex inħajru lill-professjonisti jibdew u jibqgħu jaħdmu f’dan is-settur, sar ftehim settorjali f’Settembru 2023.  Barra minn hekk, il-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa, impjegati mas-settur pubbliku, gawdew mill-ftehim li sar f’Novembru 2024 li jkopri żidiet fil-pagi, żidiet f’allowances ġodda u l-introduzzjoni ta’ allowances oħrajn. Ninsab ċert li b’dawn l-inizjattivi u kundizzjonijiet ġodda ta’ xogħol, il-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa qed jaraw progress bla preċident fl-ambjent li huma qed jaħdmu.

Ħaddiema tas-Saħħa - Programmi ta’ well-being jew training speċifiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx implimentati programmi ta’ well-being jew ta’ training speċifiku biex jgħinu lill-ħaddiema tas-saħħa jlaħħqu ma’ stress fuq il-post tax-xogħol?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant il-P&SD toffri l-Employee Support Programme (ESP).  Dan il-programm għall-impjegati jipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ appoġġ bla ħlas u kunfidenzjali lill-impjegati pubbliċi, imfassla biex jgħinuhom jimmaniġġjaw id-diffikultajiet tax-xogħol u tal-ħajja tagħhom, li jekk jitħallew mingħajr ma jiġu ndirizzati, jistgħu jaffettwaw ħażin il-prestazzjoni tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Ħal Luqa – Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li ser isiru f’Ħal Luqa sal-aħħar ta’ din is-sena? F’liema xahar huwa pproġettat li jibdew? Kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u jelenka x’tip ta’ xogħol se jsir f’kull triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Ħal Luqa hemm ippjanat li jsiru dawn ix-xogħlijiet: ·        bini mill-ġdid ta’ Triq Tarxien, liema xogħol mistenni jibda fl-ewwel kwart ta’ din is-sena ·        bini mill-ġdid ta’ Triq Indri Micallef u Triq Censu Decandia.

Ħal Qormi – Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li ser isiru f’Ħal Qormi sal-aħħar ta’ din is-sena? F’liema xahar huwa pproġettat li jibdew? Kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u jelenka x’tip ta’ xogħol se jsir f’kull triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Ħal Qormi hemm ippjanat li jsiru dawn ix-xogħlijiet: ·        xogħol fi Triq tal-Ħlas u Triq il-Ġdida fl-ewwel kwart tas-sena, ·        xogħol fi Triq il-Sebħ u Sqaq fi Triq tal-Ħandaq fit-tieni kwart tas-sena.

Rata ta’ serq – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet ir-rata ta’ serq f'pajjiżna matul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll kif titqabbel ma’ snin preċedenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni mitluba hekk kif tidher fit-tabella hawn taħt, turi li Malta kellha l-inqas rata ta’ serq is-sena li għaddiet, liema rata hi iktar sinjifikattiva meta wieħed iħares lejn iż-żieda fl-attività ekonomika u t-turiżmu. Jekk wiehed iqabbel is-sena li ghaddiet mas-sena 2012 jara r-rata ta' serq f'pajjizna naqset bin-nofs. Ir-rata tas-sena 2025 hija wkoll anqas minn dik ta' żmien il-Covid. Dawn il-figuri jinkludi kull tip ta' rapport ta' serq u cioe' anke dawk ta' valur baxx. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li Malta tpoġġiet ukoll mal-iktar 12-il pajjiż sigur fid-dinja fil-World Justice Project Rule of Law Index. Dan ma jfissirx li nistgħu nistrieħu fuq il-ħidma li saret, anke għaliex illum jeżistu realtajiet ġodda li rridu nindirizzaw bi strateġiji ċari fuq quddiem nett dawk ta’ prevenzjoni. Sena Ammont totali ta’ serq 1998 7984 1999 9096 2000 10366 2001 9694 2002 10376 2003 10870 2004 11333 2005 11238 2006 10005 2007 8982 2008 8127 2009 6859 2010 7827 2011 8547 2012 8721 2013 8495 2014 8236 2015 8691 2016 8834 2017 8272 2018 6551 2019 6626 2020 4578 2021 4458 2022 4599 2023 4715 2024 5206 2025 4405

Għajnuna soċjali - Benefiċjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni applikaw biex jibbenefikaw mill-għajnuna soċjali matul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni ma baqgħux jirċievu dan il-benefiċċju u kemm kien hemm persuni li qed jirċevuh?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ applikanti għall-Għajnuna Soċjali matul l-2025 kien jammonta għal 708. Mill-applikanti kollha, 109 rċevew ċaħda bil-miktub minħabba li ma’ ssodisfawx id-disposizzjonijiet tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), 127 benefiċjarju ma’ baqgħux jirċievu l-benefiċċju filwaqt li 472 benefiċjarju għadhom jirċievu tali assistenza sal-lum

Parroċċa ta’ Ħal Tarxien - Proġett ta’ riġenerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru issa jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ quddiem il-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-parti tal-proġett quddiem il-knisja qed jitkomplew xogħlijiet relatati ma’ servizzi tar-residenzi varji, u beda x-xogħol tat-tqegħid ta’ madum.

Skema ta’ Għotjiet tal-Gvern għar-Rinunzja tal-Liċenzja tas-Sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Iskema ta’ Għotjiet tal-Gvern għar-Rinunzja tal-Liċenzja tas-Sewqan li se tkun qed tagħti €5,000 fis-sena għal perjodu ta’ ħames snin lil persuni sal-età ta’ 30 sena hijiex estiża għal kulħadd, jiġifieri: ċittadini Maltin, ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs)? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm applikanti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitlub hija aċċessibbli permezz tal-link segwenti, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra screenshot tagħha. https://www.transport.gov.mt/land/sustainable-transport/driving-licence-surrender-scheme-7568