Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet tal-housing li huma vojta?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kwalunkwe post disponibbli jiġi allokat skont il-proċeduri, il-kriterji u l-prijoritajiet stabbiliti mill-Awtorità responsabbli, u b’konformità mal-politika applikabbli. Minħabba li l-allokazzjoni sseħħ kontinwament, mhux possibbli li jingħata numru preċiż ta’ postijiet.
Skema ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli – Persuni li applikaw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif persuna tista' tapplika għall-iskema ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli u kemm kien hemm persuni li applikaw għal din l-iskema?
Response (GALDES, RODERICK)
Fil-preżent, l-iskema ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli hi miftuħa fil-forma ta’ espressjoni ta’ interess. Il-persuni jistgħu juru l-interess tagħhom billi jimlew formola fuq is-sit eletroniku tal-Fondazzjoni għal Djar Affordabbli. Dan isir sabiex wieħed jibqa’ aġġornat bl-aħħar aħbarijiet, avviżi ta’ applikazzjonijiet, u l-iżviluppi ewlenin kollha mill-Fondazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-awtorità responsabbli għal Triq San Ġwann t’Għuxa f'Bormla hix biħsiebha ċċaqlaq l-arbli li qed jostakolaw il-bankina fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 33319, ninsab infurmata wkoll li fit-triq indikata ma jirriżultax li hemm l-ebda infrastruttura ta’ Enemalta li qiegħda tostakola l-bankina.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu rapporti lill-entità responsabbli għall-arbli fi Triq San Ġwann t’Għuxa f'Bormla dwar l-arbli li qed jostakolaw il-bankina fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li skont ir-records ta’ Enemalta ma sarilha ebda rapport dwar arbli fit-triq indikata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla dwar l-arbli li qed jostakolaw il-bankina fi Triq San Ġwann t’Għuxa f'Bormla fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Bormla ma rċieva l-ebda rapport dwar arbli li qed jostakolaw il-bankina fi Triq San Ġwann t’Għuxa.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33128 dwar l-iskema ‘Get Qualified’, jista’ l-Ministru jgħid kif wieħed irid japplika għal din l-iskema?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kull kontribwent individwali f'Malta huwa eliġibbli biex jirċievi rifużjoni ta' kreditu tat-taxxa fuq l-ispiża mġarrba għall-kors li jkun applika għalih. L-istudent li attenda l-kors jrid joħloq kont online permezz tal-websajt tal-Iskema Get Qualified, u jissottometti l-applikazzjoni permezz tal-portal. L-applikazzjoni tista' tiġi sottomessa hekk kif tinkiseb il-kwalifika jew mhux aktar tard minn sentejn mid-data tat-Traskrizzjoni Uffiċjali jew iċ-Ċertifikat Finali.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32757 u 33050 u jgħid kemm intefqu flus fuq sigurtà tas-Selmun Palace Hotel? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallset il-kumpanija Air Malta, meta din ma baqgħetx responsabbli mil-lukanda msemmija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-24 ta’ April 2016 sal-24 t’April 2025, intefqu €1,399,193.59 (eskluż il-VAT), fuq is-sigurtà tas-Selmun Palace Hotel, il-Palazz ta’ Selmun u l-artijiet tiegħu. Dan kien fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.
Il-kumpanija Air Malta ħadet kumpens ta’ €10,910,000 meta ma baqgħetx responsabbli mil-lukanda msemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il camera twaħħlet mil-LESA madwar Malta u Għawdex matul l-aħħar sena, kemm twaħħlu f’kull lokalità, u fejn twaħħlu? Jista’ jgħid ukoll ma’ min saret il-konsultazzjoni għal dak li jikkonċerna t-tqegħid ta’ dawn l-istess cameras, x’ser ikun l-użu ta’ dawn il-cameras, u min ser ikollu l-kontroll tal-filmati li ser ikunu qegħdin jinġibdu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif imħabbar fil-Budget l-Aġenzija LESA qed tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż bl-użu ta’ cameras imqabbdin mal-control room tal-aġenzija u l-Korp tal-Pulizija, sabiex iservu mhux biss ta’ deterrent iżda wkoll ta’ azzjoni kontra l-abbuż u l-azzjonijiet kriminali.
Infurmat li matul is-sena li għaddiet, kif ukoll fil-bidu ta’ din is-sena, l-Aġenzija LESA installat 46 kamera ġewwa San Ġiljan u 31 kamera f’San Pawl il-Bahar. F’din il-lokalità, ix-xogħol għadu għaddej skont il-programm stabbilit mill-Aġenzija, u huwa mistenni li jitwaħħlu madwar 50 kamera oħra f’20 żona oħra.
Ninsab infurmat ukoll li s-siti u ż-żoni fejn ġew installati l-kameras intgħażlu wara ricerka u analiżi li permezz tagħhom ġew identifikati l-aktar żoni sensittivi għall-kriminalit, u saret anke konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali rispettivi, mal-Pulizija fosthom tad-Distrett u tal-Komunità. Dawn il-kameras huma intiżi kemm biex iservu bħala deterrent kif ukoll biex jassistu lill-Pulizija fi kwalunkwe investigazzjoni relatata.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li Malta tpoġġiet ukoll mal-iktar 12-il pajjiż sigur fid-dinja fil-World Justice Project Rule of Law Index. Dan għaliex ittieħdu diversi miżuri ta’ prevenzjoni u preżenza kontinwa fil-komunitajiet. Dan ma jfissirx li nistgħu nistrieħu fuq il-ħidma li saret, anke għaliex illum jeżistu realtajiet ġodda li rridu nindirizzaw bi strateġiji ċari fuq quddiem nett dawk ta’ prevenzjoni.
Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet għal bini ta’ krematorji
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31242 (li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva) u 31243, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-krematorji, (li jintużaw fil-każ ta’ kremazzjoni tal-bnedmin) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar? Kemm applikazzjonijiet għal dan l-iskop ġew deċiżi sa issa, u x’kienet id-deċiżjoni? Jista’ jgħid ukoll fejn jinsabu s-siti marbuta mal-applikazzjonijiet ta’ dawn il-krematorji u skont liema policies qed jiġu kkunsidrati dawn l-istess applikazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra it-tabella mitluba. L-Awtorita’ għandha quddiemha applikazzjoni waħda bi proposta għall-Krematorju bir-referenza PA5280/21, liema sit jinsab barra l-Konfini taċ-Cimiterju tal-Addolorata limiti ta’ Raħal Gdid. Din l-applikazzjoni qegħda tiġi evalwata skont il-“Policy and Design Guidance for the Development of standalone Crematoria, September 2024 (Partial Review of the Cemeteries Policy and Design Guidance 2015)”. Il-lista tinkludi dawk l-applikazzjonijiet li fid-deskrizzjoni tal-iżvilupp provduta mill-Perit tal-każ tinkludi l-kliem ‘crematorium...', ‘krem...' jew cremation...').
CT2299/2024 - ‘FRAMEWORK CONTRACT FOR PROVISION OF GENERAL ROAD WORKS INC. LAYING OF ASPHALT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING’
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar is-sejħa CT2299/2024 - ‘FRAMEWORK CONTRACT FOR PROVISION OF GENERAL ROAD WORKS INC. LAYING OF ASPHALT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING’? Liema xogħlijiet saru sa issa u fejn saru u fiex kienu jikkonsistu u kemm ġew jiswew permezz ta’ din is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll liema xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru permezz ta’ din is-sejħa fil-ġimgħat li ġejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jirriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied? Tista’ tgħid ukoll meta hu maħsub li dawn jingħalqu u x’ser ikun imiss wara?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fejn jikkonċerna d-distribuzzjoni tal-elettriku, r-Regolamenti dwar il-Konnessjoni u l-Provvista tal-Elettriku (L.S. 545.41) jipprovdu biex l-Enemalta tkun ikkonsultata f’kull żvilupp li jiġi propost. Fix-xhur li għaddew, biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni, l-Enemalta poġġiet cables ġodda kemm fix-Xlendi u f’lokalitajiet oħrajn f’Għawdex. Madankollu t-tisħiħ tan-network huwa wkoll proċess kontinwu u, kif għamilna fl-aħħar xhur, se nibqgħu naħdmu biex inkomplu nsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni fil-gżejjer tagħna.
Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-konsultazzonijiet mal-entitajiet konċernati jsiru b’mod regolari u dan biex ikun assigurat li d-domanda tibqa’ tiġi milħuqa. Kif diġà spjegajt fi tweġibiet preċedenti li tajt lill-Onor. Interpellant, l-Korporazzjoni diġà għandha ppjanat biex tibni stazzjon ġdid tal-ippumpjar fix-Xlendi.
Ix-Xlendi, Għawdex - Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9002 li ngħatat fid-29 ta’ Mejju 2023 dwar il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi li kien tħabbar l-ewwel darba f’Jannar 2019 u baqa’ jissemma f’kull baġit, iżda sal-lum baqa’ ma sar xejn minnu, fejn kien ġie mwieġeb li “riġenerazzjoni tal-parkeġġ mingħajr ma ssir riġenerazzjoni tal-waterfront u l-areas tal-madwar ma tindirizzax l-issues kollha. Għalhekk se nibdew konsultazzjoni mas-sidien tal-istabbilimenti sabiex l-area tkun organizzata bħalma kien sar ġewwa Marsalforn”, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux konsultazzjonijiet u x’kien l-eżitu tagħhom? Jista’ jgħid ukoll x’sar f’dawn aħħar xhur u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li se ssir konsultazzjoni pubblika dwar ir-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi.
CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning
Question
B’referenza għas-sejħa ‘CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning’, li nħarġet mill-Ministeru tiegħu fix-xhur li għaddew, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u min huma l-kuntratturi li wrew interess f’din is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll liema huma x-xogħlijiet li huma ppjanati li jsiru fl-immedjat minn din is-sejħa u fejn, u fiex jikkonsistu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sejħa
CT7002/2024 – Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner
, ġew sottomessi għadd ta’ espressjonijiet ta’ interess minn l-operaturi. Fir-rigward tax-xogħlijiet permezz ta’ dan id-Dynamic Purchasing System, bħalissa l-Ministeru qiegħed fl-istadju ta’ finalizzazzjoni tal-ewwel pakketti ta’ xogħlijiet li se jiġu kkummissjonati taħt din l-iskema.
Għawdex – Proġett ta’ bini ta’ Yacht Marina u Cruise Liner Passenger Terminal
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi u x’sar matul is-sena 2024 u s-sena 2025 dwar il-bini ta’ Yacht Marina u Cruise Liner Passenger Terminal li l-Gvern kien ħareġ espressjoni ta’ interess għalihom f’Marzu 2013?
Fid-dawl li għaddew aktar minn disa’ snin u ma ssemma’ xejn iżjed dwarhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-espressjoni ta’ interess li kienet inħarġet għadhiex għaddejja jew ġietx imwaqqfa, u jekk dawn il-proġetti humiex ser isiru?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14071.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12078 (li ġiet imwieġba mill-Ministru preċedenti fit-Tlettax-il Leġiżlatura), jista’ l-Ministru jgħid x’sar mal-Awtorità tal-Ippjanar s’issa, dwar il-bini ta’ mħażen tal-Karnival f’Għawdex? X’inhu n-numru tal-applikazzjoni jew tal-iscreening number tal-applikazzjoni li saret għall-bini ta’ dawn l-imħażen? Jista’ jgħid ukoll jekk għas-sena 2025, ġiex maħsub vot fil-Baġit għall-bini ta’ dawn l-imħażen għad-dilettanti tal-Karnival?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isiru konsultazzjonijiet ma’ diversi entitajiet.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30196 u 31061 u jgħid kemm inkisru ‘protection orders’ li ħarġu favur il-vittmi tal-vjolenza domestika mill-allegati aggressuri fis-sena 2024 u minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Maġistrati - Inkjesti pendenti u każijiet oħra mhux relatati ma’ vjolenza domestika
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30191 u 31058 u jgħid kemm għandhom inkjesti pendenti u każijiet oħra mhux relatati ma’ vjolenza domestika l-maġistrati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-implimentazzjoni tar-riforma fl-inkjesti, ix-xogħol relatat ma' inkjesti huwa assenjat lill-Maġistrati Inkwirenti li xogħlom huwa relatat mal-inkjesti biss u ma jisimgħux kawżi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30190 u 31057 u jgħid kemm hemm maġistrati fuq każijiet ta’ vjolenza domestika bħalissa? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-caseload tal-każijiet ta’ vjolenza domestika li għandu kull wieħed minnhom sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm erbgħa (4) Maġistrati li huma assenjati fuq każijiet ta’ vjolenza domestika. Ninformah ukoll li sal-aħħar ta’ Novembru 2025 kien hemm 1,627 każ pendenti li huma maqsumin f’ 1,000, 264, 296 u 67 bejn dawn il-Maġistrati.
Special Learning Difficulties Service - Studenti li għamlu użu mis-servizz
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30969 u jgħid kemm kien hemm studenti bil-kundizzjoni tad-dyslexia li użaw is-servizz Special Learning Difficulties Service (SpLD), mill-2020 sal-2025, maqsuma sena b’sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul is-snin imsemmija kien hemm 4,014 student li użaw is-servizz imsemmi.