Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Inċidenti tat-traffiku – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Ħal Qormi matul is-sena 2025, u f’liema toroq seħħew dawn l-inċidenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2025 l-uffiċjali ta’ Transport Malta taw l-assistenza tagħhom f’228 inċident tat-traffiku f’Ħal Qormi.

Is-Siġġiewi – Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li ser isiru fis-Siġġiewi sal-aħħar ta’ din is-sena? F’liema xahar huwa pproġettat li jibdew? Kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u jelenka x’tip ta’ xogħol se jsir f’kull triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-Siġġiewi hemm ippjanat li jsiru dawn ix-xogħlijiet: ·        xogħol fi Triq Bur il-Kbir fl-ewwel kwart tal-2026. ·        xogħol fi Sqaq fi Triq il-Panoramika fl-ewwel kwart tal-2026 ·        xogħol fi triq Blat il-Qamar wara li jitlesta x-xogħol fi Triq Bur il-Kbir. Bħalissa għaddej ix-xogħol fil bypass tas-Siggiewi fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi - Offender Assessment Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew diskussi u ppreparati rapporti mill-Offender Assessment Board ai termini tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi matul is-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fis-sena 2025 ġew diskussi u preparati rapporti mill-Offender Assessment Board ai termini tal-Att dwar Ġustizzja Riparatriċi mat-tlieta u ħamsin (53) rapport.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi - Parole Dossiers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreparati Parole Dossiers ai termini tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi matul is-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fis-sena 2025 ġew preparati u cioe’ saħansitra deċizi mill-Bord tal-Parole ħamsin (50) Parole Dossiers.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – Bord tal-Parole - Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport annwali mill-Bord tal-Parole għall-2025 għaddiex għandu skont is-subartikolu (3) tal-artikolu 9 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-rapport annwali għas-sena 2025 ser jiġi preżentat fi żmien li ġej.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi - Bord tal-Parole – Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport annwali mill-Bord tal-Parole għall-2025 ġiex ippreżentat skont is-subartikolu (4) tal-artikolu 9 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-rapport annwali għas-sena 2025 ser jiġi preżentat fi żmien li ġej.

Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) - Flus miġbura fi drittijiet u spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus fi drittijiet u spejjeż dovuti lir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) matul l-2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2025 is-somma ta’ drittijiet u spejjeż miġbura mir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) kienet ta’ €5,048,358.85ċ.

Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja - Petizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu petizzjonijiet taħt is-sistema kif stabbilita fl-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja, Kap. 291, matul is-sena 2025 u kemm minnhom ġew aċċettati u kemm ġew irrifjutati?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħaddiema ERA – Siti Natura 2000

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’termini ta’ FTE li r-responsabbiltajiet tagħhom huma relatati mal-immaniġġjar, il-monitoraġġ u l-infurzar, fost oħrajn, tas-siti Natura 2000?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

L-Għasri – Triq il-Lanterna – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għad-dewmien fit-tlestija ta’ Triq il-Lanterna (it-triq li twassal għall-fanal tal-Ġordan), u meta huwa ppjanat li jitlesta l-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parti d-dejqa ta’ din it-triq kienet qiegħda iċċedi u saru l-interventi neċessarji ta’ piling u rinfurzar sabiex dan ma iseħħx.

Ta’ Qali - Ċentru ta’ riċiklaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk iċ-ċentru ta’ riċiklaġġ f’Ta’ Qali ngħalaqx għal xi perjodi matul l-2025, u jekk fl-affermattiv, tgħid għal kemm żmien il-faċilità ma kinitx qed taċċetta skart?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-CA sites tal-WasteServ huma miftuħin kuljum ħlief f’Jum il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Fil-każ tas-sit f’Ta’ Qali, dan kien magħluq ukoll mill-1 ta’ Diċembru sat-18 ta’ Diċembru 2025 minħabba xogħlijiet fit-toroq fiż-żona li għamlu s-sit inaċċessibbli. Kull min xtaq juża s-sit f’Ta’ Qali ġie ddevjat lejn is-siti l-oħra fil-viċinanza, prinċipalment dawk fl-Imrieħel u l-Magħtab.

Operazzjonijiet ta’ ortopedija - Sptar Ġenerali ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet ta’ ortopedija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex matul is-sena 2025 u jagħti lista tagħhom skont it-tip ta’ proċedura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Operazzjonijiet ta’ ortopedija - Sptar Mater Dei

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet ta’ ortopedija fl-Isptar Mater Dei matul is-sena 2025 u jagħti lista tagħhom skont it-tip ta’ proċedura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Operazzjonijiet ta’ ortopedija mħallsa mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet ta’ ortopedija mħallsa mill-Gvern fi sptarijiet privati matul is-sena 2025 u jagħti lista tagħhom skont it-tip ta’ proċedura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul l-istess perjodu saru 5,087 proċedura fl-Isptar Mater Dei u 881 fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Proċeduri relatati mal-qalb - Kanċellazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew kanċellati proċeduri relatati mal-qalb f’Diċembru 2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jgħid għaliex ġew ikkanċellati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika eżatt għalxiex qed jirreferi fil-mistoqsija tiegħu. Ir-raġuni hi għax hemm bosta proċeduri tal-qalb li jiġu mwettqa f’bosta dipartimenti fl-Isptar Mater Dei (Outpatients, Medical Imaging, Dipartiment tal-ECG, Cath Lab, Teatru tal-Operazzjonijiet); fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fir-Residenza San Vinċenz u issa anke f’Ċensu Moran, Ċentru Reġjonali tas-Saħħa.

Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi - Ħin ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-ħin medju ta’ stennija matul ix-xahar ta’ Diċembru 2025 biex persuna tiġi invistata minn tabib wara li tirreġistra fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, maqsuma ġurnata b’ġurnata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infakkar lill-Onor. Interpellant, li l-pubbliku jista’ jkun jaf il-ħin ta’ stennija f’Ċensu Moran, Ċentru Reġjonali tas-Saħħa u f’kull Health Centre permezz tal-websajt primaryhealthcare.gov.mt.

Bajja ta’ Spinola u l-madwar - Ħmieġ f’wiċċ il-baħar - Rapporti ta’ investigazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti bir-riżultati tal-investigazzjoni li wettqet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wara li reċentement intlemaħ ħmieġ f’wiċċ il-baħar fil-Bajja ta’ Spinola u l-madwar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru 2025, uffiċjali tal-infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) spezzjonaw il-Bajja ta’ Spinola u l-madwar biex jiddeterminaw is-sors tal-allegat ħmieġ f’wiċċ il-baħar. Ġie stabbilit li l-materjal madwar il-kosta kien jikkonsisti f’ammont ta’ ragħwa tal-baħar imħallta ma’ debris u materjal organiku ieħor li nġarru mill-irjieħat prevalenti tal-Lvant u akkumulaw fil-bajja wara l-maltemp fil-ġranet preċedenti. Fiċ-ċirkustanzi, ma kienet meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri ta’ infurzar ħlief li ġew infurmati d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni għal kwalunkwe azzjoni neċessarja fil-bajja.

L-Imtarfa - Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ tiswija

Question

B’referenza għall-email mibgħuta nhar is-16 ta’ Settembru 2025 mill-Awtorità tad-Djar fejn ingħad li x-xogħol tat-tibdil tas-soqfa tal-garaxxijiet fil-Qasam Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa kien mistenni li jinbeda fil-bidu ta’ Novembru, u b’referenza wkoll għall-ittri postali li ntbagħtu biex is-sidien ibattlu l-garaxxijiet u jżarmaw il-bibien, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar dawn ix-xogħlijiet ta’ tiswija u jgħid meta huwa mistenni li jibdew peress illi t-timeline stabbilit ma nżammx?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, f’dan il-każ, ix-xogħlijiet jinsabu f’fażi ta’ preparazzjoni skont il-proċedura stabbilita mill-BCA (Circular 4), u permezz tal-periti responsabbli qed isir il-ħidma meħtieġa biex jintlaħqu l-approvazzjonijiet u l-clearances neċessarji sabiex ix-xogħlijiet jibdew mill-aktar fis possibbli.

Kumpanija - Ittra ta’ riżenja

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra tar-riżenja tal-eks Chairman tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija kumpanija ta’ natura public limited company (plc) u, għaldaqstant, topera b’mod awtonomu skont il-liġijiet kummerċjali applikabbli. Fid-dawl ta’ dan, u peress li l-ittra tar-riżenja tal-eks Chairman tifforma parti minn dokumentazzjoni interna u kunfidenzjali tal-kumpanija, ma jkunx xieraq u lanqas possibbli li din titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.