Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Isptar Mount Carmel – faċilitajiet ġodda jew proġetti ta’ modernizzazzjoni għas-servizzi tas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-faċilitajiet ġodda jew proġetti ta’ immodernizzar ippjanati għas-servizzi ta’ saħħa mentali, inkluż il-proġett ta’ wards ġodda fl-Isptar Mater Dei jew refurbishments tal-Isptar Mount Carmel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadejjin diversi xogħlijiet fl-isptar Monte Carmeli fosthom; retrofitting u refurbishment fi block 1 li se jakkomoda 46 sodda. Fi block 2 u block 8 se jibdew xogħolijiet ta’ structural alterations kif ukoll upgrade fil-wards ta’ block 8 li jinkludu tibdil tal-kmamar kollha tal-banju.  It-training centre eżistenti se jiġi konvertit fi swali għal konvenjenza ta’ aktar pazjenti.  Fi block 2 se jsir ukoll tibdil tal-kmamar tal-banju. Fi block 5 f’ward 2 bdew xogħlijiet ta’ finishings. Ser isir ġnien ġdid għall-pazjenti minuri. Fl-istess blokka tal-YPU qed isir tibdil tal-kmamar tal-banju. Dawn aparti xogħlijiet strutturali oħra f’diversi blokkok madwar l-isptar.

Baġit allokat għal servizzi tas-saħħa mentali fl-2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għas-servizzi tas-saħħa mentali fl-2025 u kif inbidel dan il-baġit meta mqabbel mal-aħħar ħames snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li baġit allokat għas-servizzi tas-saħħa mentali fl-2025 hu kif jidher fl-Estimi Ġenerali li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Kull baġit allokat fis-snin imgħoddija dejjem dehru fl-Estimi Ġenerali tas-sena relevanti. Dawn ukoll tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Strateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali – riżultati konkreti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex Strateġija Nazzjonali ta’ Saħħa Mentali, u jekk iva, x’riżultati konkreti nkisbu s’issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Malta, mhux talli għandha Strateġija Nazzjonali Dwar is-Saħħa Mentali, talli din qed tiġi implementata b’mod attiv u kontinwu. Din l-istrateġija, li hija mfassla fuq perjodu ta’ għaxar snin, hija mibnija fuq approċċ komprensiv li jagħti prijorità lill-kura fil-komunità, lill-prevenzjoni, u lill-integrazzjoni tas-servizzi tas-saħħa mentali. F’dan il-kuntest ta’ kura fil-komunità ser jinħolqu It-tliet Kliniċi Reġjonali ġodda għas-Saħħa Mentali. Il-miżuri li qed jiġu implimentati jinkludu t-tisħiħ tat-timijiet multidixxiplinari, l-iżvilupp u t-twessigħ ta’ servizzi speċjalizzati, kif ukoll inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni tal-benessri mentali tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja. L-għan prinċipali ta’ din l-Istrateġija huwa li s-settur tas-saħħa mentali jkompli jissaħħaħ b’mod sostenibbli, inklużiv u effettiv, b’rispons għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-soċjetà. Bħalissa qed jiġi implimentat programm estensiv ta’ rinnovar fl-isptar Monte Karmeli. Fl-istess waqt kien hemm żieda fin-numru ta’ professjonisti mediċi biex issaħħaħ il-kapaċità tas-servizz u tiżgura kontinwità ta’ kura ta’ kwalità.

Il-Qasam Pubbliku - Appuntament ma’ psikjatra jew psikologu – medja ta’ żmien ta' stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-medja ta’ żmien ta’ stennija għal pazjent li jkollu appuntament għall-ewwel darba ma’ psikjatra jew psikologu fil-qasam pubbliku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li każijiet urġenti jiġu evalwati u appuntamenti jingħataw fl-iqsar żmien possibbli skont il-ħtieġa klinika. Barra minn hekk, pazjenti li jkunu qed jiġu discharged mill-Isptar Mater Dei, mill-Isptar Monte Carmeli u miċ-Ċentri ta’ Trattament fil-Komunità jew mis-servizz tal-Crisis Resolution and Home Treatment jiġu segwiti fil-komunità skont l-istruzzjonijiet tal-konsulent li jkun qed jawtorizza id-discharge tal-pazjent. Ninsab infurmat ukoll li fir-rigward tal-ewwel stennija f’każ li ma jkunx ikkunsidrat tali, il-medja ta’ żmien ta’ stennija għall-ewwel appuntament ma’ psikjatra hija ta’ madwar tliet xhur. Fir-rigward tas-servizzi tal-psikoloġija fil-Kliniċi tas-Saħħa Mentali fil-Komunità, il-perjodu ta’ stennija għall-ewwel appuntament bħalissa jvarja bejn erba’ u tmien ġimgħat. Eċċezzjoni hija l-Klinika tas-Saħħa Mentali ta’ Ħal Qormi, fejn bħalissa hemm perjodu ta’ stennija sa massimu ta’ tnax-il ġimgħa; dan huwa mistenni li jitnaqqas u jerġa’ jiġi allinjat għal madwar tmien ġimgħat matul ix-xahar li ġej.

Sptar Mount Carmel – pjanijiet biex jittejbu u jiġu estiżi ċ-ċentri tas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jitjiebu jew jiġu estiżi ċ-ċentri ta’ saħħa mentali fil-komunità sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-Isptar Mount Carmel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjanijiet konkreti u avvanzati biex jitjiebu u jiġu estiżi s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità, bil-għan li titnaqqas id-dipendenza fuq l-Isptar Mount Carmel u li l-kura tkun aktar aċċessibbli u qrib tal-pazjent. F’dan il-kuntest, qed titwettaq ħidma biex jitwaqqfu tliet Ċentri Reġjonali ġodda tas-Saħħa Mentali fil-Komunità, rispettivament f’Bormla, fir-Reġjun Ċentrali u fir-Reġjun Tramuntana. Dawn iċ-ċentri se joffru servizzi multidixxiplinarji permezz ta’ timijiet ta’ professjonisti speċjalizzati fis-saħħa mentali, bil-għan li jingħata servizz aktar komprensiv fil-komunità. Ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Reġjonali f’Bormla diġà beda, filwaqt li fi żmien qarib mistennija jinħarġu t-tenders għaċ-ċentri l-oħra fir-Reġjun Ċentrali u fir-Reġjun Tramuntana.

L-Istati Uniti – Sitwazzjoni għall-persuni Maltin

Question

Fid-dawl li fl-Istati Uniti (USA) ħafna persuni qed jintalbu d-dokumenti u qed jiġu deportati, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’inhi s-sitwazzjoni għall-Maltin ġewwa l-Istati Uniti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru tal-Affarjiet Barranin u t-Turiżmu flimkien mal-Ambaxxata ta’ Malta f’Washington u l-Konsulat Ġenerali ta’ Malta fi New York qed isegwu mill-qrib u b’attenzjoni l-iżviluppi li għaddejjin fl-Istati Uniti. F’dan il-kuntest, l-Ambaxxata qed iżżomm kuntatt kontinwu mad-dijaspora Maltija, inkluż permezz tan-netwerk tal-Konsli Onorarji ta’ Malta fl-Istati Uniti. Dawk iċ-ċittadini Maltin li qed jirrisjedu fl-Istati Uniti b’mod regolari u għandhom id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa skont il-liġi applikabbli, m’għandhomx jiffaċċjaw diffikultajiet. Sal-preżent, l-Ambaxxata ma rċeviet l-ebda komunikazzjoni li tindika li hemm membri tad-dijaspora Maltija detenuti jew qegħdin fil-proċess ta’ deportazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-immigrazzjoni tal-Istati Uniti.

Il-Wardija - Dun Manwel Attard Resource Centre - Studenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31185, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li bħalissa qegħdin jattendu fl-Iskola Dun Manwel Attard Resource Centre, fil-Wardija u x’età għandhom dawn l-istudenti li qed jattendu f’din l-iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 30596.

Il-Pitkalija - Prodotti agrikoli li ma jinbiegħux

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28585, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ prodott agrikolu li ddaħħal fil-Pitkalija iżda ma nbiegħx, matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar? Kemm kien il-prodott agrikolu li ngħata lill-għaqdiet volontarji kif imsemmi fl-istess tweġiba matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar u kemm kien il-prodott li għadda biex isir kompost, matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll jekk il-bidwi li jkun daħħal tali prodott fil-Pitkalija jingħatax l-opportunità li jivverifika li fil-fatt il-prodott li ma jkunx inbiegħ ikun il-prodott tiegħu u mhux ta’ xi bdiewa oħra?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 28585 fir-rigward ta’ prodotti agrikoli li ma jinbiegħux, ngħarraf ukoll li kull bidwi li jirreġistra fis-suq tal-Pitkalija mal-Aġenzija u jwassal il-prodott agrikolu għall-bejgħ fil-Pitkalija, għandu aċċess għall-informazzjoni dwar il-bejgħ u prodotti li mhux mibjugħa li jkun sar tramite il-portal tal-bidwi, magħruf bħala ilbidwi.gov.mt.

San Pawl il-Baħar - Triq Għajn Tuffieħa - Akwadott tax-Xemxija - Xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux mistenni li jsir xogħol ta’ restawr fuq l-akwadott tax-Xemxija, fi Triq Għajn Tuffieħa, f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru għandux ħsieb li joħroġ applikazzjonijiet ġodda għal skop ta’ restawr ta’ siti storiċi bħalma hu dan l-akwadott? Jekk iva, meta hu mistenni li jinħarġu tali applikazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li dwar l-Akwadott tax-Xemxija, id-Dipartiment m’għandu xejn xi jżid mal-mistoqsija preċedenti fuq is-suġġett PQ 28785. Rigward l-iskema tar-restawr, nirreferu għat-tweġiba ta’ PQ 32519.

Każijiet ta’ omiċidiji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31216, jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar kemm omiċidji twettqu u ġew solvuti fl-aħħar 25 sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kif indikat fit-tabella, n-numru ta’ każi ta’ omiċidji li ġew irreġistrati mal-Pulizija bejn is-sena 2000 u l-aħħar ta’ Diċembru tas-sena 2025 kienu skont it-tabella hawn taħt. Kif jidher fit-tabella l-omiċidji kollha fl-aħħar tmien snin kollha ġew solvuti. Każijiet ta’ Omiċidju – Mis-sena 2000 sas-sena 2025 Numru ta’ każi Status Sena Solvuti Mhux solvuti 2000 4 4 0 2001 7 6 1 2002 6 5 1 2003 0 0 0 2004 7 7 0 2005 4 4 0 2006 0 0 0 2007 4 3 1 2008 7 4 3 2009 4 3 1 2010 4 3 1 2011 3 3 0 2012 10 7 3 2013 6 4 2 2014 6 2 4 2015 4 2 2 2016 5 3 2 2017 9 5 4 2018 6 6 0 2019 3 3 0 2020 6 6 0 2021 2 2 0 2022 8 8 0 2023 3 3 0 2024 5 5 0 2025 3 3 0

Klabbs sportivi - Titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33162 fejn intqal li “preżentement hemm 114-il klabb b’titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports”, jista’ l-Ministru jipprovdi lista bl-ismijiet ta’ dawn il-klabbs kif imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu - Konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21941, 22498, 24079, 32166 u 32838 u jgħid kemm minn dawn il-konsulenti maħtura mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) nħatru wara sejħa pubblika u kemm minnhom ma ntgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Operaturi ta’ ristoranti - Income tax/corporate tax miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31827, 32163 u 32840 u jindika kemm inġabret income tax u/jew corporate tax fis-snin 2023 u 2024 minn operaturi ta’ ristoranti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Operaturi ta’ Lukandi - Income tax/corporate tax miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31828, 32162 u 32841 u jindika kemm inġabret income tax u/jew corporate tax minn operaturi ta’ lukandi fis-snin 2023 u 2024?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’Seduta oħra.

MTA - Konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31836, 32157 u 32842 u jagħti lista tal-konsulenti mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Ministeru tiegħu relatati mat-turiżmu matul l-2025 u r-rata li biha jitħallsu u kemm tħallsu dawn il-konsulenti matul l-2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti ingaġġati mal-Ministeru huma skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-MTA, il-lista ta’ konsulenti tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. Name Mario Attard Dr. Cory Greenland Dr. Ryan C. Pace Dr. Joseph Grech Antoine Portelli: Stratis Consulting Adi Associates Gaby Mallia Josef Bonello

AIP - Persuni barranin - Nazzjonalità

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-nazzjonalità tal-persuni barranin li applikaw għall-permess tal-Acquisition of Immovable Property (AIP) u ottjenew tali permess?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Konvenji reġistrati li ġew ikkanċellati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-konvenji reġistrati bejn l-2020 u l-2025 ġew ikkanċellati u kemm kien il-valur tagħhom fis-sena rispettiva tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-konvenji reġistrati bejn l-2020 u l-2025 li ġew ikkanċellati u l-valur tagħhom fis-sena rispettiva hu kif jidher fit-tabella hawn taħt. SENA VALUR GĦADD TA’ POSs 2020 €353,703,984.58 1,332 2021 €563,508,436.30 1,565 2022 €452,125,407.50 1,242 2023 €435,827,645.16 1,236 2024 €340,003,242.57 940 2025 €143,320,846.11 364