Legislature:
Category:
Reset
Active:

Charging pillars fis-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27999 dwar charging points, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess ta’ installazzjoni ta’ charging points madwar Malta, u b’mod partikolari tgħid kemm minn dawn iċ-charging points għad iridu jiġu installati fl-Imġarr, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, in-Naxxar u tas-Sliema, separatament għal kull lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 32058.

Skejjel primarji - Multi-sensory rooms

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31872, 32170, 32290, 32675, 32898 u 33130 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li ma għandhomx multi-sensory room?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Supplementary income

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33090 u ċjoè: Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kunsilli lokali għas-sena 2024 li jelenka lista tas-Supplementary Income, fejn filwaqt li xi kunsilli ħadu ammonti kbar, hemm kunsilli oħra li ma ħadu l-ebda fondi supplimentari, jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan, u jgħid għal liema raġuni, f’kull kunsill individwali ngħataw dawn il-fondi supplimentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mill-Kunsilli rispettivi.

Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Finanzjament

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33089 u ċjoè: Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024, fejn f’paġna 36 hemm referenza għall-fatt li kumitat imwaqqaf apposta biex jistudja l-formula tal-finanzjament tal-kunsilli lokali, kien ħareġ ir-rapport tiegħu f’Diċembru 2023, iżda baqgħu ma ġewx implimentati, jista’ l-Ministru jgħid x’qed iwassal għal dan id-dewmien? Jista’ wkoll iqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li r-rapport intern li qed issir referenza għalih ma kienx konklussiv allura ma kienx implimentat. Sadanittant, ġie ikkummissjonat studju ieħor li ser ikun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex - Tenders għal rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tenders għar-rilokazzjoni tal-anzjani, tal-ħaddiema u ta’ servizzi fil-parti tat-tramuntana tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tender għar-rilokazzjoni tal-anzjani ġie konkluż iżda ma kien hemm l-ebda offerta li laħqet il-kriterji meħtieġa. Qegħdin naħdmu sabiex toħroġ tender aġġornata. Madanakollu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qed jaħdem flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar sabiex anzjani li jistgħu jgħixu fil-komunita’ jiġu relokati permezz ta’ kuntratti eżistenti. Fir-rigward ta’ ħaddiema u servizzi oħra li jinsabu fil-parti tat-tramuntana tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, dawn se jiġu rilokati skont pjan integrat ta’ żvilupp tal-kampus tal-isptar, li jinkludi l-użu ta’ binjiet eżistenti li se jiġu rinnovati kif ukoll binjiet ġodda li huma ppjanati. Dawn il-miżuri qed jittieħdu sabiex tiġi żgurata kontinwità tas-servizz, użu aktar effiċjenti tal-ispazju u titjib fl-infrastruttura tas-servizzi tas-saħħa f’Għawdex.

Il-Qbajjar u Ħondoq – Xogħlijiet fuq l-iskallijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23233 li ngħatat fil-25 ta’ Novembru 2024 dwar xogħlijiet fuq l-iskallijiet tal-Qbajjar u Ħondoq fejn kien ġie mwieġeb li “għaddej il-proċess biex jinġiebu l-clearances neċessarji mill-BCA biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol”, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-clearances inġibux u jekk iva meta nġabu u meta se jinbeda x-xogħol fuq l-iskallijiet tal-Qbajjar u ta’ Ħondoq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq l-iskall tal-Qbajjar huwa ippjanat li jibda fil-ġimgħat li ġejjin biex l-iskall ikun jista’ jintuża fl-istaġun tas-Sajf.   Ix-xogħol fuq l-iskall tal-Hondoq hu proġettat li jibda wara l-istaġun tas-Sajf.

MCCAA - Każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ hemm pendenti li qed jiġi investigat mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jista’ jgħid meta nfetaħ għall-investigazzjoni kull każ u liema settur jittratta?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab nfurmat illi hemm seba’ (7) investigazzjonijiet pendenti quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni li nfetħu ai termini tal-Att dwar il-Kompetizzjoni dwar allegat ksur ta’ tali Att. L-investigazzjonijiet jikkonċernaw is-segwenti oqsma: Intratteniment, Telekomunikazzjoni, Saħħa, Annimali, Marittimu. Infetħu żewġ każijiet kull sena, fl-2016, fl- 2021 u fl-2022. Infetaħ ukoll każ ieħor fl-2023.

L-Università ta’ Malta – Studenti nisa u rġiel

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32099, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta’ studenti nisa u rġiel fl-Università ta’ Malta skont id-diversi fakultajiet, b’mod partikolari fir-rigward tas-segwenti fakultajiet: ·       Information and Communication Technology ·       Economics, Management and Accountancy ·       Engineering ·       Laws ·       Medicine and Surgery ·       Media and Knowledge Sciences ·       Built Environment ·       Health Services?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ student fil-fakultajiet imsemmija tinsab hawn taħt; · Information and Communication Technology – 584 student · Economics, Management and Accountancy – 1,375 student · Engineering – 425 student · Laws – 976 student · Medicine and Surgery – 1,093 student · Media and Knowledge Sciences – 301student · Built Environment – 480 student · Health Services – 1,257 student

Heritage Malta – Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati full-time fi ħdan Heritage Malta li xogħolhom hu r-restawr tas-segwenti: i.      pittura; ii.     għamara antika; iii.    armi tal-gwerra, u f’kull qasam jelenka n-numru ta’ impjegati konċernati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħalissa Heritage Malta timpjega full time għaxar restawraturi tal-pittura, sitta tal-metal (armi), u l-ebda wieħed għall-għamara. Għal aktar informazzjoni rigward ir-restawr tal-għamara, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi għat-tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari nru. 25080 u 25879.

Farm Roads bil-konkos

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet f’Għawdex saru ‘Farm Roads’ mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jagħti l-isem tat-triq/area fejn jinsabu? Jista’ jgħid ukoll kemm kien it-tul u l-wisa’ ta’ dawn il-‘Farm Roads’ li ngħataw il-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għall-persuni li jiffrekwentaw dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.

PBS - Żbilanċ fix-xandir pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32481 u jgħid kemm-il darba l-Awtorità tax-Xandir sabet żbilanċ fix-xandir pubbliku PBS mill-2020 u d-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma għal kull sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat kif ġej: Sena Milqugħa 2020 4 2021 7 2022 3 2023 12 2024 12 2025 2

Social work - Żieda fl-istipendju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30284 u 31924 u jgħid jekk iż-żieda fl-istipendju kinitx miżura effettiva biex tattira iktar studenti jagħżlu l-kors tas-social work? Jekk le, x’miżuri ġodda ser jittieħdu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’din is-sena skolastika ġew irreġistrati 37 student, żieda ta’ 6 studenti fuq is-sena skolastika preċedenti. Din iż-żieda ta’ studenti fl-ewwel sena tal-kors tawgura tajjeb għal futur ta’ din il-professjoni. L-istudenti fit-tieni sena tal-kors tal-MCAST minn din is-sena akkademika bdew jibbenefikaw minn rata għola ta’ stipendju minn waħda ‘ general ’ għal dik ‘ prescribed ’.

Vjolenza domestika - Taħriġ lill-Membri tal-Ġudikatura

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31731 u jgħid jekk isirx taħriġ dwar il-vjolenza domestika lill-Membri tal-Ġudikatura? Jista’ jgħid ukoll jekk qattx sar u jekk sar, meta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumitat għall-Istudji Ġudizzjarji (JSC) jorganizza seminars u konferenzi regolari għall-membri tal-Ġudikatura flimkien ma’ diversi entitajiet lokali u internazzjonali dwar diversi suġġetti. Fl-aħħar sentejn fuq din it-tema speċifika saru 2 seminars/konferenzi f’Malta u 2 internazzjonali.

Awtorità tad-Djar – applikanti – lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm fejn post mogħti lil persuni li jinsabu fil-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali mill-Awtorità tad-Djar  kien irrifjutat u x’ raġuni ngħatat?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li mil-lista ta’ stennija hemm 110 applikazzjonijiet li kienu ġew murija proprjetà li ġiet irrifjutata. Għalkemm mhux dejjem tingħata raġuni għalfejn post ġie rifjutat, ir-raġunijiet primarji għalfejn l-applikanti irrifjutaw il-post muri kienet minħabba nuqqas ta’ aċċessibbiltà jew minħabba li l-post ma kienx fil-lokalità preferuta.

Bejgħ ta’ postijiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħu postijiet li l-Gvern huwa s-sid tagħhom lil inkwilini rikonoxxuti, fil-perjodu bejn Diċembru 2023 u l-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-ammont totali, sena b’sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Diċembru 2023 u sal-lum inbiegħu 407 postijiet li l-Gvern kien is-sid tagħhom lill-inkwilini rikonoxxuti, maqsumin skont is-sena kif indikat hawn taħt: 2023 – 99 2024 – 122 2025 – 186

Bormla – Proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk wara Diċembru l-Awtorità tad-Djar hix ser timmulta lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, f’każ li l-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Bormla ma jitlestiex?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32283.

Binjiet ta’ Akkomodazzjoni Soċjali - Rapporti ta’ mġiba ħażina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm rapporti ta’ mġiba ħażina f’binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali marbuta ma’ condominiums? Jista’ jgħid ukoll kemm hu ż-żmien ta’ stennija sabiex tittieħed azzjoni?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-preżent, l-Awtorità tad-Djar għandha ħmistax (15)-il każ attiv relatat ma’ mġiba ħażina f’binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. L-Awtorità tad-Djar tivvaluta l-livell ta’ urġenza ta’ kull każ u tieħu l-azzjonijiet xierqa skont iċ-ċirkostanzi, normalment fi żmien 24 siegħa li jkun daħal l-ilment.