Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tobba, nurses u AHP - Riżenji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw tobba, nurses u Allied Health Practitioners (AHP) mis-settur pubbliku matul is-sena 2025 u jispeċifika liema minnhom kienu jaħdmu fil-kura primarja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li din is-sena ġew inganġati 164 tabib u irriżenjaw 47, fejn 6 minnhom kienu jaħdmu fil-Kura Primarja. Għar-rigward tal-infermiera ġew inganġati 136 infermiera u irreżenjaw 42, fejn infermiera waħda minnhom kienet taħdem fil-Kura Primarja. Għar-rigward tal-allied health professionals ġew inganġati 43 u irriżenjaw 28, fejn 8 minnhom kienu jaħdmu fil-Kura Primarja.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Direct Orders

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif weġibt f’diversi istanzi, lentitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Il-Mellieħa – Impjant taċ-Ċumnija – New water

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29141, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ ‘new water’ li tqassam mill-impjant taċ-Ċumnija, matul l-2025 u kif jitqabbel dan l-ammont ma’ dawk tas-snin preċedenti? Tista’ tgħid ukoll jekk is-sistema tad-dispensers intelliġenti hix qed tiġi mħaddma fl-intier tagħha u kemm ilma tqassam għal kull lokalità servuta b’dan l-ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-2025 l-ammont ta’ new water imqassam mill-impjant taċ-Ċumnija kien ta’ 739,605m3. Matul is-sena li għaddiet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet il-qalba għad-dispensers intelliġenti ġodda fejn issa l-ammonti li jutilizzaw il-bdiewa huma kkalkulati skont il-bżonn mill-Ministeru għall-Agrikoltura u għaldaqstant meqjusin ġusti u iktar kontrollati.  Dan il-kontroll jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-MAFA fejn jiġi kkalkulat skont il-kobor tal-art maħduma u l-ħsad.  Kif ġie spjegat kemm-il darba din hija sistema li qed tiżviluppa u għaldaqstant wieħed jistenna żieda fl-ammonti fiż-żmien li ġej.

San Pawl il-Baħar u x-Xemxija – Mini tad-drenaġġ – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol relatat mal-mina tad-drenaġġ li mill-inħawi tal-Erba’ Mwieżeb twassal sal-inħawi tax-Xemxija, f’San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll kemm hu mistenni li tiġi tiswa din l-istess mina?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett huwa mmirat li jitlesta din is-sena.  L-investiment għal dan il-proġett fit-totalità tiegħu hu stmat li se jammonta għal €6.4 miljun.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Ittri ta’ twissija u multi amministrattivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ittri ta’ twissija u multi amministrattivi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), għal kull lokalità f’ Malta u Għawdex, matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll kif jitqabblu dawn iċ-ċifri, maċ-ċifri tal-2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Mosta – Żbroff regolari tad-drenaġġ

Question

Peress li b’mod regolari fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar, qed ikun hemm żbroff tad-drenaġġ, liema drenaġġ jibqa’ nieżel minn Triq Toni Bajada għall-baħar fl-inħawi tal-Menqa, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il intervent sar mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fuq din il-parti tas-sistema tad-drenaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kien hemm erba’ stanzi fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma intervjeniet matul is-sena 2025 u l-każi kollha kienu kkawżati minn blockages. Kif diġà kont infurmajt lill-Onor. Interpellanta permezz ta’ tweġibiet li tajtha għal mistoqsijiet preċedenti,  huwa ppjanat li l-mejn tad-drenaġġ fit-triq indikata jiġi rinovat meta jitlesta l-proġett tal-mina tad-drenaġġ, biex parti sostanzjali tal-influss ta’ drenaġġ li bħalissa qed jgħaddi mill-mejn konċernat, jiġi ddevjat għal ġol-mina. Dan il-proġett jifforma parti minn pjan ħolistiku ta' tisħieħ tan-netwerk prinċipali tad-drenaġġ fit-Tramuntanta ta' Malta.

Il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar – Slielem

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29226 dwar kemm twaħħlu slielem matul il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar (mill-Qawra sax-Xemxija) matul l-2025, tista’ l-Ministru tgħid liema huma s-siti li fihom jitpoġġew l-istess slielem? Peress li matul is-sajf li għadda kien hemm diversi persuni li insistew li hemm postijiet fejn għandhom jiżdiedu slielem ġodda, tikkonsidra li qabel jasal iż-żmien tat-tqegħid tas-slielem qabel is-sajf 2026, jiġi deċiż fejn jistgħu/għandhom jiżdiedu slielem ġodda? Tista’ tara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-slielem li jitwaħħlu minn entitajiet oħra, jibdew jitwaħħlu mill-entità li taqa’ taħtha sabiex ikun hemm pjan wieħed għat-tqegħid ta’ dawn is-slielem, kif ukoll tara li għas-sajf li ġej, jiżdiedu l-faċilitajiet li jkunu jistgħu jintużaw minn persuni b’diżabilità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi liema huma s-siti fejn twaħħlu s-slielem mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni matul il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar (mill-Qawra sax-Xemxija). Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull talba għal installazzjoni ta’ slielem ġodda, li ssir uffiċjalment lid-Diviżjoni tiġi evalwata b’mod li jiġi assigurat li tkun konformi mal-ħarsien tas-saħħa u sigurtà tal-post mitlub. Għaldaqstant, mhux kull talba tkun tista’ tiġi akkomodata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Kif diġà spjegajt fit-tweġiba li tajt għall- mistoqsija parlamentari 29226, id-Diviżjoni ghat-Tindif u Manutenzjoni tikkomunika wkoll mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rigward installazjoni ta’ diversi għamara tal-baħar.

Inġenji tat-tindif – Servizzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29227 dwar inġenji tat-tindif, tista’ l-Ministru tgħid kif intużaw l-inġenji elenkati fl-istess tweġiba? Ma’ liema kunsilli ġie ffirmat ftehim sabiex dan l-apparat jintuża fil-lokalità tagħhom u x’servizzi taw dawn l-inġenji fil-lokalitajiet differenti, maqsuma lokalità b'lokalità? Tista’ tgħid ukoll kemm servizzi ngħataw f’kull waħda mil-lokalitajiet li magħhom sar il-ftehim, u minn liema fondi tħallsu dawn is-servizzi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sa tmiem is-sena 2025, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ffirmat ftehim, li permezz tiegħu toffri servizzi fil-lokalità rispettiva inkluż bil-makkinarju msemmi, mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, Iklin, Kirkop, Luqa, Bormla, Kalkara, Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, Birżebbuġa, Żurrieq, Gżira, Ta’ Xbiex, Rabat, Mtarfa, Santa Venera, Birgu, Mqabba, Qrendi, Gudja, Għaxaq, Mellieħa, Msida, Santa Luċija, Mġarr, Għargħur, Qormi, Isla, San Ġiljan, Sliema, Żejtun, Dingli u Mosta. Barra minn hekk, id-Diviżjoni jsirulha wkoll talbiet minn Kunsilli Lokali oħrajn għal servizzi ta’ tindif meta jiġu organizzati avvenimenti speċifiċi fil-lokalità tagħhom bħalma huma festi jew attivitajiet oħrajn varji. F’dawn il-każi, kemm -il darba jkun possibbli, d-Diviżjoni toffri s-servizzi tagħha anke bl-apparat imsemmi fejn applikabbli. Rigward il-kwantità ta’ servizzi li ngħataw f’kull lokalità, dan ma jistax jiġi indikat għaliex fil-każ tal-Kunsilli Lokali li d-Diviżjoni għandha ftehim magħhom, is-servizzi jingħataw fuq bażi kwotidjana (mit-Tnejn sas-Sibt). L-istess Kunsilli ma jħallsu ebda fondi biex jingħataw is-servizzi għajr l-obbligi kuntrattwali stabbiliti. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li fiha l-informazzjoni dwar l-użu tal-inġenji.

CT3018/2024 - Proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32075 dwar is-sejħa ‘CT3018/2024 DESIGN AND BUILD TENDER FOR BLOCK 6, AT MOUNT CARMEL HOSPITAL CAMPUS, USING ENVIRONMENTALLY FRIENDLY CONSTRUCTION MATERIALS AND PRODUCTS’ li għalqet fis-17 ta’ Settembru 2024, jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex ser terġa’ toħroġ din is-sejħa jew le u jekk dan il-proġett huwiex ser isir jew le?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li aktar żviluppi jitħabbru fil-ħin propizju.

Rabat, Għawdex - Ċentru tas-Saħħa - Ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar u sena hemm ippjanat li ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex, jinfetaħ għal iktar sigħat matul il-ġurnata kif ġie mħabbar fl-aħħar baġit?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif ġie mħabbar fil-baġit għal din is-sena, huwa ppjanat li l-ħinijiet tal-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex jiġu estiżi.

Sptar Mater Dei - Ħsarat fil-konkos

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex isiru t-tiswijiet fuq il-konkos tal-Isptar Mater Dei, matul dawn l-aħħar għaxar snin u jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena? Jista' jgħid ukoll min għamel dawn ix-xogħlijiet, x'tip ta’ xogħlijiet saru u fejn saru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-PQ 32088.

Bormla - Proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit u koordinatur tal-proġett tal-housing ġewwa Bormla minn meta beda x-xogħol sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kif intgħażlu, kemm tħallsu sa issa u jekk għadx fadall x'jitħallas?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32283.

Il-Fontana - Triq tal-Għajn - Bini ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-bini mill-ġdid ta’ Triq tal-Għajn, fil-Fontana, bejn Pjazza Santu Wistin u l-Knisja Parrokkjali peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid f’liema xahar huwa mistenni li toħroġ is-sejħa relattiva? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux rapporti dwar l-istat ta’ din it-triq u jekk iva, min għamilhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-rapporti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-offerti mistennija li tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Minsiteru qed ukoll izomm lill-Kunsill Lokali tal-Fontanta tramite is-Sindku aġġornati.