Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentri tas-Saħħa - Servizzi speċjalizzati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiżdiedu servizzi speċjalizzati ġodda fiċ-ċentri tas-saħħa (eż. Physiotherapy u mental health counselling)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-clinical streaming, li ġie introdott bħala proġett pilota fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, qed jiġi evalwat bil-ħsieb li jiġi estiż għal Ċentri tas-Saħħa oħra. Nfakkar lill-Onor. Interpellant li rigward il-fiżjoterapija, is-servizzi min-naħa tal-kura primarja se jibqgħu jiffokaw fuq terapija muskoloskeletali. Għar-rigward tas-servizz tas-saħħa mentali, l-Gvern hu kommess li jkompli jsaħħaħ u jespandi s-servizzi fil-komunità. F’dan il-kuntest, ladarba jitlestew u jibdew joperaw it-tliet Ċentri Reġjonali ġodda għall-Kura tas-Saħħa Mentali, hemm il-ħsieb li minn dawn iċ-ċentri jiġu offruti servizzi speċjalizzati, fosthom servizzi ta’ psikoloġija u counselling. Dan l-approċċ huwa parti minn strateġija usa’ mmirata biex il-kura tas-saħħa mentali tkun aktar aċċessibbli, integrata u qrib il-pazjent.

Kura tas-Saħħa Primarja - Taħriġ ta’ tobba u infermiera - Baġit allokat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-baġit allokat għat-taħriġ ta’ tobba u infermiera tal-Kura tas-Saħħa Primarja matul l-2025-2026?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minbarra l-allowance annwali ta’ CPD/CME li huma intitolati għaliha kemm it-tobba kif ukoll l-infermiera (u li titħallas mill-voti tal-emolumenti personali), hemm vot speċifiku għat-taħriġ taħt il-voti tal-Kura Primarja hekk kif jidher fl-Estimi għas-sena 2026 li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra.

Persuni li tneħħielhom l-istatus ta’ refuġjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni tneħħielhom l-istatus ta’ refuġjat matul is-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li, matul is-sena 2025, 340 persuna kellhom l-istatus ta’ refuġjat tagħhom revokat. Minn dawn, 335 ġew revokati fuq il-bażi li l-protezzjonii tagħhom kienet skadiet skont ir-regolament 13A tar-Regolamenti dwar l-Istandards ta’ Proċedura għall-Għoti u l-Irtirar tal-Protezzjoni Internazzjonali.

Vjolenza Domestika – Rapporti – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ vjolenza domestika matul is-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-tagħrif huwa kif qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Il-vjolenza domestika hija pjaga fis-soċjetà li rridu nibqgħu niġġielduha ta’ kuljum bħala soċjetà lkoll flimkien. Huwa għalhekk li hemm għaddejjin inizjattivi minn entitajiet differenti fi ħdan il-Gvern. Li hu żgur li rridu nibqgħu noħolqu l-kuxjenza u l-ambjent fejn wieħed ma jiddejjaqx jersaq ‘il quddiem u jirrapporta. Kien għalhekk li fl-2020 għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija ħatar skwadra speċjalizzata, il-Gender Based and Domestic Violence, biex jagħti servizz aħjar u aktar speċjalizzat lil vittmi ta' vjolenza domestika. Dan hu servizz mutli dixxiplinarju li ma jinkludix biss lill-pulizija, iżda wkoll professjonisti oħra. Dan wassal biex infetħu hub f’Santa Luċija u ieħor f’Għawdex biex jingħata dan is-servizz speċjalizzat. Issa lestejna x-xogħol ukoll fl-Imtarfa, fejn se jinfetaħ hub ieħor u jibda jopera f'dawn il-jiem. Fost inizjattivi oħra minn dan il-Ministeru, is-sena li għaddiet  beda jingħata wkoll servizz ta' panic alarms u komplejna nsaħħu s-servizzi li jingħataw mill-Victim Support Agency.

Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji – Każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ daħal għand l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ġew riżolti u kemm fadal pendenti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt: 2025 Ilmenti reġistrati fis-sena 2025 Ilmenti tas-sena 2025 riżolti fis-sena 2025 Ilmenti tas-sena 2025 pendenti sal-aħħar tax-xahar Jannar 27 0 27 Frar 15 0 42 Marzu 17 1 58 April 19 4 73 Mejju 35 14 94 Ġunju 19 10 103 Lulju 53 17 139 Awwissu 20 10 149 Settembru 18 12 155 Ottubru 50 25 180 Novembru 31 28 183 Diċembru 46 19 210 350 140 Fir-rigward tal-ilmenti riżolti fis-sena 2025, wieħed irid iżid ukoll 172 każ ieħor li kienu reġistrati fis-sena 2023 u 2024. Dan ifisser li fis-sena 2025 ġew riżolti 312 każ.

Iż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta) - Okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika

Question

Fid-dawl tal-okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika fiż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta), fejn anke ġie rrappurtat li kienet ikkaġunata ħsara strutturali fuq il-Victoria Lines, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet mill-awtoritajiet kompetenti biex titwaqqaf din l-illegalità u jiġi aċċertat li s-sit jiġi żgumbrat kompletament, u jgħid x’passi legali jew ta’ infurzar qed jittieħdu fil-konfront tal-persuni responsabbli biex jagħmlu tajjeb għal din il-ħsara?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet irċeviet ilment dwar okkupazzjoni ta’ art b’tined u vetturi, u li twaħħal xi ħadid fiż-żona tad-Dwejra, limiti tar-Rabat Malta.  L-Awtorità investigat l-ilment u ħadet azzjoni minnufih, tant li fi żmien tlett ijiem tneħħa l-iżvilupp illegali. Eventwalment, il-post ġie żgumbrat kompletament mill-istess okkupanti. Għaldaqstant il-każ ingħalaq min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar. Jekk - kif qiegħed jiġi allegat - saret xi ħsara strutturali fuq il-Victoria Lines, dan għandu jiġi rrappurtat lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) għal investigazzjoni, jekk hu l-każ.

Iż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta) - Okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika

Question

Fid-dawl tal-okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika fiż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta), fejn anke ġie rrappurtat li kienet ikkaġunata ħsara strutturali fuq il-Victoria Lines, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni ttieħdet mill-awtoritajiet kompetenti biex titwaqqaf din l-illegalità u jiġi aċċertat li s-sit jiġi żgumbrat kompletament, u tgħid x’passi legali jew ta’ infurzar qed jittieħdu fil-konfront tal-persuni responsabbli biex jagħmlu tajjeb għal din il-ħsara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Ir-Rabat, Malta – Triq il-Buskett – Patching ta’ ħofor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir ‘patching’ tal-ammont kbir ta’ ħofor fi Triq il-Buskett, ir-Rabat, Malta (bejn id-djar tal-Virtù u l-Palazz tal-President), peress li qed iwasslu għal ħsarat kbar lill-bdiewa u lil dawk li jużaw din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din it-triq hija waħda mit-toroq ppjanata lil ssir mill-ġdid u qegħdin fl-istadju li tinħareġ is-sejħa għall-offerti.

l-Imġarr, Malta – Nuqqas ta’ vultaġġ elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex bejn is-6:00 p.m. u t-8:00 p.m. diversi djar f’toroq residenzjali tal-Imġarr, Malta, qed isofru min-nuqqas ta’ vultaġġ li jwassal għal qtugħ tal-elettriku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika eżatt iż-żona li qed jirreferi għaliha biex ir-risposta tkun korretta, madankollu infurmata li għaddejjin il-preparamenti biex kif għamilna f’lokalitajiet oħrajn madwar Malta u Għawdex inkomplu bix-xogħol ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni anke fil-lokalita tal-Imġarr. Fil-fatt, matul din is-sena se tkun qiegħda tiġi kummisjonata substation ġdida f’żona partikolari fl-Imġarr.

Il-Venezwela - Pożizzjoni uffiċjali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni uffiċjali ttieħdet minn pajjiżna fir-rigward tas-sitwazzjoni preżenti fil-Venezwela?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni ta’ Malta hija allinjata mad-dikjarazzjoni imwassla mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtá u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Kaja Kallas, f’isem 26 stat membru tal-Unjoni Ewropea, fl-4 ta’ Jannar 2026. Din id-dikjarazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Libreriji pubbliċi - Kotba bil-lingwa Franċiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda bil-lingwa Franċiża għal-libreriji pubbliċi ta’ pajjiżna matul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll jekk ingħatawx f’donazzjonijiet xi kotba bl-istess lingwa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat bl-informazzjoni mitluba kif ġej: Lokalita’ Kotba ġodda mixtrija bil-Franċiż – Jan sa Diċ 2025 Infiq fuq kotba fiżiċi ġodda – Jan sa Diċ 2025 Donazzjonijiet, inkluż mill-pubbliku, l-Kunsilli Lokali u Organizzazzjonijiet varji – Jan sa Diċ 2025 Libreriji Pubbliċi 8 € 91.75 61

Raħal Ġdid - Ġnien San Alwiġi - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu x-xogħlijiet li kellhom isiru f’dak li preċedentement kien Ġnien San Alwiġi, Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li x-xogħol fuq Ġnien Silvio Parnis fi Triq San Alwiġi beda kif ippjanat matul ix-xahar ta’ Diċembru 2025 u għandu jitlesta sa nofs din is-sena.

Ħal Saflieni - Ipoġew - Viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm viżitaturi fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, possibbilment maqsuma skont is-sess, matul is-sena 2025, kemm kien hemm dħul u infiq fl-istess sit u kemm kien hemm bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ viżitaturi li żaru l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni matul is-sena 2025 kien 26,812. Informazzjoni dwar is-sess tal-viżitaturi ma tistax tingħata peress li Heritage Malta ma tigborx dan it-tip ta’ data mingħand il-viżitaturi. Bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet mis-sit kien €26,674. Informazzjoni dwar id-dħul u l-ispejjeż mis-sit matul is-sena 2025 ma tistax tingħata bħalissa, peress li s-sena finanzjarja ta’ Heritage Malta għadt ma’ ġietx magħluqa. Din l-informazzjoni tkun disponibbli u aġġornata f’Marzu 2026.

Ħal Għaxaq - Persuni li qed jirċievu għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti Ħal Għaxaq li qed jirċievu l-għajnuna soċjali matul is-sena 2025 u jindika kemm kien hemm nisa u kemm irġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor.Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li ssegwi: Għajnuna Soċjali Nisa Irġiel Total PQ 33468 GĦAXAQ 54 12 66

Ħal Tarxien - Tempji Neolitiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm viżitaturi fit-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien, possibbilment maqsuma skont is-sess, matul is-sena 2025, kemm kien hemm dħul u nfiq fl-istess sit u kemm kien hemm bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ viżitaturi li żaru t-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien matul is-sena 2025 kien 60,082. Informazzjoni dwar is-sess tal-viżitaturi ma tistax tingħata peress li Heritage Malta ma tiġborx dan it-tip ta’ data mingħand il-viżitaturi. Bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet mis-sit kien €12,289. Informazzjoni dwar id-dħul u l-ispejjeż mis-sit matul is-sena 2025 ma tistax tingħata bħalissa, peress li s-sena finanzjarja ta’ Heritage Malta għadt ma’ ġietx magħluqa. Din l-informazzjoni tkun disponibbli u aġġornata f’Marzu 2026.