Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Ġnien Anton Buttigieg

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29263 dwar l-art li fuqha hemm il-Ġnien Anton Buttigieg fi Triq Parades, f’San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet (Lands Authority) tatx permess lil xi entità privata biex tuża partijiet mill-istess sit, peress li jidher li nbena taraġ, li jidher li qed jokkupa parti mill-art indikata bħala proprjetà tal-Gvern? Jekk iva, x’kundizzjonijiet kienu imposti dwar l-użu tal-ispazju mgħoddi lill-privat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant tikjarifika eżatti għal-liem taraġ qegħda tirreferi

Empowerment Scheme – Persuni li qegħdin jibbenefikaw

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27945, tista’ l-Ministru tgħid kif inbidlu n-numri ta’ benefiċċjarji li qed jibbenefikaw mill-Empowerment Scheme? Tista’ tgħid ukoll x’inhuma l-etajiet ta’ dawn il-persuni u fiex jikkonsisti l-benefiċċju li qed jirċievu?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Iskema tal-Empowerment taħdem b’sistema ta’ applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja fuq ix-xiri ta’ apparat assisstiv jew servizzi ta’ trasport għall-persuni b’diżabilità. Fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2025, ġie approvat total ta’ 1,204 applikazzjonijiet. Dawn huma mqassma kif muri fit-tabella t’hawn taħt: 0-18-il sena 19-30 sena 31-45 sena 46-65 sena 66+ sena Total ta’ applikazzjonijiet approvati 55 49 65 199 836 1,204

Side letters

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23015 u 32086 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21600, fejn intqal li ma jistax jaqsam il-pagamenti separatament, jista’ l-Ministru jgħid f’kull każ kemm kienu l-pagamenti qabel u wara kull side letter li ġiet approvata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa weġibt għall-PQ 21600, il-ħlasijiet li ħarġu ma kinux biss jirrigwardjaw is-side letters iżda anke l-kuntratt oriġinali u ma tistax taqasamhom f’pagamenti seperati.

Għawdex u Kemmuna - Proġetti b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32307 u jgħid liema huma l-proġetti ġewwa Għawdex u Kemmuna li għalihom ġew użati fondi Ewropej u li x-xogħol fuqhom ser jitlesta sal-aħħar tas-sena 2025 biex jibdew jitgawdew mill-pubbliku? Jista’ jgħid ukoll kemm huma stmati li ser jiġu jiswew dawn il-proġetti u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li se jiġu użati u minn liema fond?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti f’Għawdex u Kemmuna li għalihom ġew użati fondi Ewropej - li x-xogħol fuqhom tlestew sal-aħħar tas-sena 2025 - huma dawk skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex u Kemmuna - Proġetti infrastrutturali marittimi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32311, jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti infrastrutturali marittimi saru mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija u f’Kemmuna mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fejn saru, fiex kienu jikkonsistu u kemm ġie jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li apparti l-proġetti li issemmew fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 32311, se jsir ukoll xogħol fil-Qbajjar.

Suldati Għawdxin jaħdmu Malta - Talba għal trasferiment biex jaħdmu Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm suldati Għawdxin li jaħdmu Malta fil-lista biex jaħdmu f’Għawdex?  Jista’ jgħid ukoll kemm-il sena kull wieħed u waħda minnhom ilhom jaħdmu Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ suldati residenti f’Għawdex li jservu f’Malta hija kif qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Jien infurmat ukoll li l-esperjenza turi li mhux is-suldati Għawdxin kollha jkunu interessati li jitilgħu jservu Għawdex, filwaqt li fejn dan l-interess ikun hemm, l-opportunità li wieħed iservi f’Għawdex tingħata skont opportunitajiet diversi u l-esiġenżi tas-servizz.

Għawdex - Project Green - Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar il-proġetti li Project Green qed tiffinanzja fil-gżira ta’ Għawdex?  Tista’ tgħid ukoll: a. meta nbeda kull wieħed minn dawn il-proġetti; b. jekk hux ta’ kuljum qed isir xogħol fuqhom mill-kuntratturi rispettivi; ċ. jekk kienx hemm xi varjazzjonijiet sa issa u jekk iva, fiex kienu jikkonsistu u għaliex saru dawn il-varjazzjonijiet u jekk jammontawx fi flus; u d. meta huma ppjanati li jitlestew biex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà kont spjegajt fit-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 30518, Project Green qed tiżviluppa Rainwater Harvesting Park f’Għajnsielem b’investiment ta’ madwar €1,050,000. Dan il-proġett jinvolvi spazju multifunzjonali b’diversi attrazzjonijiet fosthom tagħmir tal-logħob għat-tfal, anfiteatru u ċentru edukattiv. Ix-xogħolijiet bdew f’April li għadda u bħalissa, qed isir skavar tal-ġibjun. Dan il-ġnien se jkollu wkoll faċilitajiet pubbliċi u bħalissa għaddej ukoll xogħol fuq il-pedament tagħhom. Infurmata li x-xogħol fuq dan is-sit isir kuljum, diment li t-temp jippermetti, biex dejjem nassiguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema involuti fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. Huwa mmirat li x-xogħlijiet jitlestew fit-tielet kwart ta’ din is-sena. Proġett ieħor li qed twettaq Project Green f’Għawdex huwa dak ta’ EcoGarden fix-Xewkija li għalih l-investiment hu ta’ madwar €470,000. Hawnhekk l-Aġenzija se tkun qed tagħti prijorità lill-enerġija rinnovabbli biex il-ġnien ikun awtosuffiċjenti. Se jkun qed jinbena wkoll ġibjun għall-ħażna tal-ilma u se jiġi installat tagħmir tal-logħob għat-tfal. Wara li ġie ffirmat il-kuntratt u sar il-proċess biex jinkisbu l-permessi meħtieġa, Project Green qed tistenna l-clearance mill-BCA biex ikunu jistgħu jinbdew ix-xogħlijiet fuq is-sit. F’dan iż-żewġ każijiet, u kif tagħmel fi kwalunkwe proġett ieħor, Project Green tassigura li l-kuntratturi responsabbli mix-xogħlijiet jonoraw l-iskedi u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Minbarra l-proġetti li qed twettaq Project Green, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika kien u għadu involut permezz ta’ entitajiet oħrajn fi proġetti oħra f’Għawdex. Fost l-oħrajn, Ambjent Malta kienet involuta f’xogħlijiet ta’ tisbiħ f’San Lawrenz, il-Munxar u Għajnsielem, filwaqt li fl-Għasri assistiet fir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Kenn is-Salvatur. F’ħidma konġunta mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Ambjent Malta wettqet ukoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-ħbula u s-sinjali tal-informazzjoni li jipproteġu l-għaram tar-ramel fir-Ramla l-Ħamra, biex tiġi mħarsa l-veġetazzjoni endemika. Barra minn hekk, ġew installati sinjali ta’ informazzjoni ġodda f’diversi żoni protetti u f’siti ġodda ddikjarati bħala protetti. F’Ottubru li għadda Ambjent Malta bdiet timplimenta proġett f’Għajnsielem bħala parti mill-Iskema ta’ Tħaddir Urban għall-Kunsilli Lokali li l-investiment tiegħu hu stmat li se jammonta għal €300,000 u huwa mmirat li jitlesta fis-sajf li ġej. Sadattant, qed tħejji sejħa għall-offerti biex taħt l-istess skema, b’investiment ta’ €23,862 isir proġett ta’ żona ta’ rikreazzjoni fi Triq il-Kunċizzjoni fil-Qala. Min-naħa tagħha l-ERA sar xogħol biex tindirizza u tikkontrolla l-ispeċi aljeni invażivi li qed jheddu l-integrità ekoloġika tas-sit protett tal-Għadira ta’ Sarraflu. Filwaqt li, permezz tal-proġett CORALLO, ċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni tad-Dwejra ġie promoss bħala ċentru ta’ edukazzjoni ambjentali marittima u użat bħala sit ewlieni ta’ għarfien dwar in-Natura 2000.

Għawdex - Resurfacing ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30836, 31274, 31579 u 32322 u jgħid liema toroq ġewwa Għawdex sar resurfacing fuqhom mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien fiha tul kull triq u kemm ġiet tiswa? Jista’ jgħid ukoll liema toroq hemm ippjanati li jsir resurfacing tagħhom, kemm fihom tul u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża fuq kull triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

‘I Belong Programme’ - Kandidati li bdew u temmew b’suċċess

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30706 u 31927 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid kemm kien hemm kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm ta’ ‘I Belong’ minn meta beda l-programm sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u minn liema pajjiż?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm ‘I Belong’ minn meta beda l-programm sal-aħħar tas-sena 2025, maqsuma sena b’sena u skont in-nazzjonalità, huwa kif ġej: ·       Korsijiet ta’ Fondazzjoni: 69 ·       Stadju 1: Ċertifikat ta’ qabel l-Integrazzjoni: 6,018 ·       Stadju 2: Ċertifikat ta’ Integrazzjoni: 2,069 Qed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra , analiżi dettaljata tal-parteċipanti skont in-nazzjonalità u s-sena. Fl-2023 ma kien hemm ebda applikazzjoni għal kors ta’ fondazzjoni, għaldaqstant dan jirrifletti fit-tabella  fejn għas-sena 2023 hemm imniżżel in-numru 0.

‘I Belong Programme’ - Kandidati li bdew u temmew b’suċċess

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30705 u 31926 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid kemm kien hemm kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm ta’ ‘I Belong’ għal din is-sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li n-numru ta’ kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm tal-‘I Belong’ fis-sena 2025, huwa kif ġej: ·       Korsijiet ta’ Fondazzjoni: 2 ·       Stadju 1: Ċertifikat ta’ qabel l-Integrazzjoni: 461 ·       Stadju 2: Ċertifikat ta’ Integrazzjoni: 731

‘I Belong Programme’ - Lista’ ta’ stennija

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30636 u 31925 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għal ‘I Belong Programme’ u li ilhom fil-lista ta’ stennija skont dawn iż-żminijiet: ·    0 – 6 xhur; ·    7 – 12-il xahar; ·    13 – 18-il xahar; ·    19 – 24 xahar; u ·    24+ xahar?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li 5,205 applikant ilhom fil-lista ta’ stennija għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur. Aktar min-nofs dawn l-applikanti applikaw fl-aħħar ħames xhur. Applikanti oħra kellhom dokumentazzjoni nieqsa fl-applikazzjoni tagħhom jew ma reġgħux involvew ruħhom fil-programm wara l-laqgħa inizjali. Iż-żieda fl-applikazzjonijiet fl-aħħar xhur huwa xhieda ċara tal-interess tal-komunità barranija lejn l-integrazzjoni fil-prattika. Sabiex il-Gvern ikun jista’ jilqa’ għal din id-domanda, fl-aħħar xhur saret ħidma sabiex il-lista ta’ stennija tal-ewwel stadju tal-kors tiġi indirizzata kollha. Fl-istess waqt, qed isir ristrutturar komprensiv tat-tieni stadju sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-programm skont l-impenn tal-Gvern fl- Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni (2025-2030) .

Donazzjoni ta’ katavru - Studji xjentifiċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32516 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u jgħid kemm kien hemm katavri li ngħataw għall-istudji xjentifiċi matul l-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mosta - Benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm residenti l-Mosta li jieħdu xi tip ta’ benefiċċju soċjali? Jista’ jgħid ukoll x’tip?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt. Tajjeb li ikun ċċarat illi, l-informazzjoni mogħtija qiegħda tagħmel referenza għall-benefiċċji soċjali skont l-Att dwar is-Sigurta Soċjali u ma hijiex tinkludi forom ta’ pensjonijiet varji u benefiċċji short-term u dan fin-nuqqas ta’ kjarifika fil-mistoqsija parlamentari. Benefiċċju Mosta Assistenza għal Persuni b’vista batuta 4 Allowance tat-Tfal 405 Allowance tat-Tfal (Flat Rate) 1,872 Allowance għal Carers 9 Għotja għal Carers 31 Assistenza għal Diżabilità 20 Allowance għal tfal b’diżabilità 125 Allowance għal tfal fil-kura 9 Allowance Miżjuda għal Carers 29 Assistenza Miżjuda għal Diżabilita’ Severa 44 Benefiċċju għal waqt l-Impjieg 1,150 Għajnuna Soċjali 92 Assistenza għal Diżabilità Severa 167 Għajnuna għal Mard 224 Allowance Supplimentari 585 Għajnuna Soċjali għal Ġenitur 32 Għajnuna Soċjali għal Diżimpjieg 8 Tnaqqis gradwali tal-benefiċċju 18

Ħ’Attard - Benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm residenti f’Ħ’Attard li jieħdu xi tip ta’ benefiċċju soċjali? Jista’ jgħid ukoll x’tip?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazjzoni mitluba minnhu hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt. Tajjeb illi ikun ċċarat li, l-informazzjoni mogħtija qiegħda tagħmel referenza għall-benefiċċji soċjali skont l-Att dwar is-Sigurta Soċjali u ma hijiex tinkludi forom ta’ pensjonijiet varji u benefiċċji short-term u dan fin-nuqqas ta’ kjarifika fil-mistoqsija parlamentari. Benefiċċju Attard Assistenza għal Persuni b’vista batuta 5 Allowance tat-Tfal 128 Allowance tat-Tfal (Flat Rate) 948 Allowance għal Carers 6 Għotja għal Carers 13 Assistenza għal Diżabilità 16 Allowance għal tfal b’diżabilità 46 Allowance għal tfal fil-kura 8 Allownace Miżjuda għal Carers 13 Assistenza Miżjuda għal Diżabilita’ Severa 19 Benefiċċju għal waqt l-Impjieg 389 Għajnuna Soċjali 70 Assistenza għal Diżabilità Severa 87 Għajnuna għal Mard 101 Allowance Supplimentari 178 Għajnuna Soċjali għal Ġenitur 17 Għajnuna Soċjali għal Diżimpjieg 2 Tnaqqis gradwali tal-benefiċċju 4

Periklu fil-bankini/toroq - Każijiet ta’ inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fl-2025 fejn persuni weġġgħu minħabba bankini jew toroq perikolużi? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna rċeviet ħlas għal danni morali u għall-ispejjeż involuti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2025 ġew irrapurtati tlett każijiet.  Każ minnhom ġie konkluż u l-persuna ingħatat kumpens, filwaqt li ż-żewġ każi l-oħra għadhom qed jiġu evalwati.

Fondi Ewropej - NGOs li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm NGOs li bbenefikaw minn fondi Ewropej mill-2022 sal-2024?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bejn l-2022 u l-2024, mija u sebgħin NGO bbenefikaw minn diversi programmi ta’ Fondi Ewropej amministrati b’mod dirett mill-Ministeru għall-Fondi Ewropej u għall-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, kif ukoll minn dipartimenti u entitijiet li jaqgħu taħtu.

Kura tas-Saħħa Primarja - Electronic Health Records

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tal-proġett biex jinħolqu Electronic Health Records integrati għall-pazjenti tal-Kura tas-Saħħa Primarja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Kura tas-Saħħa Primarja diġà għandha sistema ta' Rekords Elettroniċi tal-Pazjenti. Is-sistema hija integrata ma' sistemi oħra tas-saħħa. L-integrazzjoni hija proċess kontinwu skont il-ħtiġijiet hekk kif l-infrastruttura tas-sistema tas-saħħa tkompli tiżviluppa u s-sistemi jkomplu jiġu modernizzati.

Ċentri tas-Saħħa - Overcrowding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi miżuri biex l-overcrowding fiċ-ċentri tas-saħħa l-aktar popolati bħal Raħal Ġdid u l-Mosta jitnaqqas?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu diversi miżuri biex il-pazjenti jinqdew kif inhu xieraq f’kull Ċentru tas-Saħħa, u dan b’enfasi fuq titjib fl-organizzazzjoni tas-servizzi u fl-effiċjenza. B’mod partikolari, ġie introdott proġett pilotata fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta fejn qed titħaddem sistema ta’ clinical streaming integrata ma’ sistema ġdida ta’ ticketing, li tiżgura streaming kliniku minn tabib tal-familja sabiex il-pazjenti jiġu direzzjonati malajr lejn l-aktar servizz xieraq, inkluża l-għażla ta’ appuntament mal-GP għal każijiet ta’ akutezza baxxa. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija, ittaffi l-pressjoni fuq is-servizzi sekondarji u ssaħħaħ il-kontinwità tal-kura tas-saħħa primarja. Aktar inizjattivi ser jittieħdu f’Ċentri oħra bil-għan li s-servizzi professjonali ikomplu dejjem jiġu offruti b’effiċjenza.

Kura tas-Saħħa Primarja - Differenza fil-livell ta’ servizz bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx differenza fil-livell ta’ servizz fil-Kura tas-Saħħa Primarja bejn Malta u Għawdex, u kif qed jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-livell ta’ servizzi mill-professjonisti fil-Kura tas-Saħħa Primarja huma tal-ogħla kwalità, ndipendenti mil-lokalità.