Is-Siġġiewi - Knisja Parrokkjali - Xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier
Question
Jista’ l-Ministru jagħti updates dwar ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi u jgħid meta se jitlesta dan ix-xogħol?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti l-kbira taz-zuntier li tiġi quddiem il-Knisja u dik li tmiss ma’ Triq San Nikola hija lesta, u nbeda x-xogħol fuq il-parti taz-zuntier li tmiss ma’ Triq il-Parroċċa. Ix-xogħol kollu mistenni jkun lest fit-tieni kwart ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx ir-restawr kollu fil-Mużew Marittimu mill-fondi Norveġiżi (EEA) u jagħti rendikont dettaljat tal-ispiża kollha li saret? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xogħlijiet oħra ta’ restawr f’dan il-post amministrat minn Heritage Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-fondi Norveġiżi (EEA) koprew parti mill-proġett ta’ restawr fil-proġett tal-Mużew Marittimu. Nikkonferma wkoll li hemm pjanijiet biex jitwettqu xogħlijiet ta’ restawr ulterjuri f’dan is-sit fil-futur.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li żaru (dħul) f’kull sit amministrat minn Heritage Malta, f’Malta u f’Għawdex, minn Mejju 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jipprovdi din l-informazzjoni għal kull sit individwalment, għal kull xahar u sena elenkati, u skont jekk il-viżitaturi kinux tfal, adulti jew anzjani?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara din l-aħħar maltempata, daħlux ilmijiet fil-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS), ċentru artistiku li sewa madwar €30 miljun u li tlesta ftit aktar minn 15-il xahar ilu? F’każ li iva, jista’ jagħti garanzija li ma saret l-ebda ħsara lill-arti esebita?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minkejja li kien hemm xi dħul limitat ta’ ilma fil-binja tal-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) frott il-maltempata qawwija , ma saret l-ebda ħsara la lill-opri tal-arti esebiti u lanqas lill-istruttura tal-bini.
Is-sitwazzjoni ġiet indirizzata minnufih u ttieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-arti u l-faċilitajiet jibqgħu protetti u siguri.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33436 u jgħid kemm kien il-valur totali ta’ kontijiet għal mediċini mixtrija mill-Gvern pendent matul is-snin 2020, 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħala regola, l-invoices kollha li jaslu fis-Sezzjoni tal-Accounts tas-CPSU jitħallsu wara li jkunu ġew verifikati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-grant għall-karozzi elettriċi jibda jingħata meta jsir il-ftehim tax-xiri jew meta tasal il-karozza u mhux xhur wara, peress li hemm ammont kbir ta’ persuni li ma jaslux biex ikollhom biżżejjed flus x’joħorġu f’daqqa fuq karozza ġdida?
Ir-Rabat, Malta – Triq ir-Rumani – Charging points
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jibdew jaħdmu ċ-charging points tal-karozzi fi Triq ir-Rumani, ir-Rabat, Malta, peress li ilhom ġimgħat ma jaħdmu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li sal-lum għadu qatt ma kien hemm servizz tal-iċċarġjar tal-vetturi fit-triq indikata u għaldaqstant żgur li mhux il-każ li wieħed jgħid li dan ilu ġimgħat ma jaħdem. Dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huma xogħlijet infrastrutturali u elettriċi li saru bi tħejjija biex f’dik it-triq, għall-ewwel darba, issir charging pillar ġdida li se jkollha żewġ charging points.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jittieħdu t-testijiet tas-salmonella mit-tiġieġ tas-simna, kemm qed idum biex joħroġ ir-riżultat u x’qiegħed isir biex dan iż-żmien ikun iqsar?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-testijiet tas-salmonella li jsiru fuq it-tiġieġ tas-simna jiġu analizzati fil-laboratorju uffiċjali tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel. F’każ li t-testijiet jirriżultaw fin-negattiv, ir-riżultat jinħareġ bejn erba’ (4) u sitt (6) ijiem. F’każ li mit-testijiet jirriżulta li hemm il-preżenza tas-salmonella, ir-riżultat preliminari jinħareġ mhux qabel minn sebat (7) ijiem.
Il-kultura batterika mbagħad trid tintbagħat barra minn Malta sabiex isir is-serotyping f’laboratorju ta’ referenza li hu wkoll akkreditat. It-trasport tal-kampjuni jsir f’ġranet partikolari matul il-ġimgħa, minħabba raġunijiet loġistiċi u sabiex tiġi kkontrollata l-kundizzjoni tal-kampjun. Il-proċess ta’ analiżi tas-serotyping jieħu bejn għaxra (10) u ħmistax-il (15) ġurnata.
Il-proċedura ta’ analiżi ma tistax tiġi mqassra, madankollu l-ħaddiema jaħdmu kuljum inkluż is-Sibtijiet, il-Ħdud u festi pubbliċi sabiex jiġi evitat kwalunkwe dewmien mhux neċessarju. Madanakollu, festi internazzjonali jew kundizzjonijiet tat-temp avversi jistgħu jaffettwaw il-loġistika tat-trasport.
Birżebbuġa – Xogħlijiet – Compliance/Conformity Assessment Reports
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33603, tista’ l-Ministru tqiegħed il-Conformity Assessment Reports b’mod li l-informazzjoni sensittiva tkun eskluża?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġà ġie spjegat fit-tweġiba preċedenti li ngħatat, dan id-dokument jitratta l-infrastruttura kritika tal-pajjiż u għaldaqstant ma jistax jiġi pubblikat minħabba li huwa ta’ natura kunfidenzjali u sensittiva.
Birżebbuġa – Promenade - Project Plan għax-xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31960 u 32148, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tax-xogħlijiet li huma mistennija li jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2026 u ta’ dawk li mistennija jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2027 relatati mal-promenade ta’ Birżebbuġa u kemm hija mistennija li tkun l-ispiża għal kull sena?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellan li l-ewwel fażijiet infrastrutturali madwar il-Bajja ta’ San Ġorġ sal-Batterija Ferretti mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Wara li l-infrastruttura titlesta, jibda’ xogħol ta’ tisbiħ. Sal-aħħar ta’ din is-sena din iż-żona hi prevvista li tkun lesta.
Ser jinbdew partijiet oħra mal-promenade lejn il-bandli mill-Bajja ta’ San Ġorġ. Se tkun qed tiġi wkoll riġenerata l-area tal-hardstanding bejn Dawret il-Qalb Mqaddsa u Triq Santa Katerina, għal spazju mħaddar.
Għal kull sena l-ispiza prevvista hi dik ta’ Eur 5 miljuni.
Il-pjan għal 2027, għadu mhux finalizzat għaliex jiddependi minn permessi mal-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar u anke konsultazzjonijiet oħra ma’ entitiajiet rispettivi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi studji, anke jekk preliminari, dwar il-possibilità ta’ proġett ta’ riklamazzjoni tal-art ’il barra mill-perimetru tal-Freeport? Jekk iva, jista’ jqiegħed tali studji fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista’ jgħid jekk ikkummissjonax jew jekk hux ser jikkummissjona tali studji u x’tip ta’ studji kkummissjona jew ser jikkummissjona?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija Parlamentari 31902.
Awtorità tal-Artijiet – Proprjetajiet meħuda “by Public Tenure”
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31596 u 32153 dwar jekk il-Gvern għandux ħsieb illi jħallas lis-sidien tal-proprjetajiet meħuda minn għandhom “by Public Tenure” bejn is-sena 1960 u s-sena 1970 u li għalihom qed jirċievu r-Recognition Rent mill-Awtorità tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet li l-Gvern qed jippjana li japplika l-proviżjonijiet u t-termini kif stabbiliti fl-Artikolu 68 tal- Att Dwar l-Artijiet tal-Gvern, Kap. 573?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-propjetajiet għadhom qed jiġu determinati.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32455, jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ xogħlijiet li tlestew fiċ-Ċentru Ċiviku tal-Qrendi u jgħid kemm ġie jiswa kull wieħed mix-xogħlijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li ttieħdu proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom quddiem il-Qrati Maltin, riżultanti minn spezzjonijiet li saru minn awtoritajiet kompetenti u kemm kienu dawk li ġew irrappurtati mil-LESA, Transport Malta u mill-Pulizija Eżekuttiva matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li ttieħdu proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom quddiem il-Qrati Maltin, riżultanti minn spezzjonijiet li saru minn awtoritajiet kompetenti u kemm kienu dawk li ġew irrappurtati mil-LESA, Transport Malta u mill-Pulizija Eżekuttiva matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi dwar spezzjonijiet relatati ma
road-checks
, id-dettalji huma dawk li jidhru fit-tabella hawn taħt. Il-figuri jkopru biss akkużi li jkunu ħarġu għal reati li jkunu identifikati waqt tali spezzjonijiet u ma jinkludux kontravenzjonijiet maħruġa bis-sistema elettronika permezz ta’
traffic offence tickets
, waqt l-istess attività. Diversi drabi waqt dawn l-ispezzjonijiet il-Pulizija tkun assistita minn uffiċċjali tal-LESA u/jew Transport Malta. Dwar aktar informazzjoni ta’ każi ta’ akkużi mitluba biex jiġu maħruġa mill-Pulizija f’isem Transport Malta, nitlob lill-Onor. Membru tikkomunika l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Xahar
Numru ta’ spezzjonijiet
Numru ta’ akkużi maħruġa mill-Pulizija waqt spezzjonijiet
Każijiet riferuti lill-Pulizija mill-LESA biex jinħarġu akkużi dwar reati waqt spezzjonijiet
Jannar
432
259
2
Frar
300
232
4
Marzu
306
199
2
April
274
179
4
Mejju
275
197
3
Ġunju
214
113
4
Lulju
205
119
1
Awwissu
276
293
4
Settembru
317
141
2
Ottubru
229
144
2
Novembru
161
99
2
Diċembru
284
164
4
Total
3273
2139
34
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret fuq vetturi minn Transport Malta matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar u kemm kienu l-vetturi li rriżultaw mingħajr liċenzja, mingħajr assigurazzjoni, sewwieqa mingħajr liċenzja jew li kienu qed jiksru xi dispożizzjoni oħra ta’ xi liġi? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawk li setgħu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom, għamlu hekk u kemm minnhom Transport Malta ħadet proċeduri oħra fil-konfront tagħhom?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-ARMS tafx kemm kien l-ammont ta’ kontijiet residenzjali milquta min-nuqqas tekniku li wassal biex jitilfu l-eko-riduzzjoni, u jekk iva, kemm kien preċiżament dan l-ammont?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika dwar is-suġġett, fejn fiha spjegajt ukoll li ħtart audit indipendenti. Se nistenna l-eżitu ta’ dan l-audit.
Peró għall-korrettezza qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija tal-ARMS li fiha kien hemm inkluż ukoll email tal-ARMS li wriet li meta l-Onor. Interpellant mar jikkwota emails quddiem il-bini tal-ARMS, kien qed jiċċensura l-istess emails biex ta impressjoni li ma tirriżultax meta wieħed jara l-korrispondenza sħiħa.
Irrid infakkar ukoll li huwa dan il-Gvern li dejjem assigura l-orħos kontijiet tal-enerġija, u l-istess se jibqa’ jagħmel. L-istess kif solva inġustizzji mal-konsumaturi li ħalla Gvern Nazzjonalista kif spjegat ukoll fl-istqarrija tal-Ministeru li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Finalment, nassigura wkoll li anke f’dan il-każ kulħadd jieħu dak li hu tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid meta ġiet infurmata dwar in-nuqqasijiet fis-sistema tal-ARMS li wasslu biex eluf ta’ kontijiet residenzjali waqfu jirċievu l-eko-riduzzjoni?