Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kindergarten Educators Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Kindergarten Educators (KGE) Għawdxin li fil-preżent qed jaħdmu fi skejjel primarji ġewwa Malta? Jista’ jgħid ukoll f’liema skola jaħdmu, kemm minnhom huma relievers u kemm ilhom relievers?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li preżentement hemm 30 KGEs Għawdxin li qegħdin jaħdmu fi skejjel primarji f’Malta.

Visa – Regolamenti ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif Malta qiegħda tirrispondi għar-regolamenti l-ġodda tal-Istati Uniti dwar il-Visa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel xejn nixtieq nikkjarifika li Malta tibbenifika mill-‘Visa Waiver Program’ tal-iStati Uniti. Taħt dan il-programm, il-Maltin jistgħu jivvjaġġaw lejn l-iStati Uniti għal raġunijiet ta’ turiżmu u negozju sa massimu ta’ disgħin (90) ġurnata mingħajr viża. F’dan il-każ, il-vjaġġatur irid japplika għall- ‘ESTA’ is-Sistema Elettronika għall-Awtorizzazzjoni tal-ivjaġġar. Fir-rigward tal-‘ESTA’ u anke l-viżi, sa llum Malta ma ġietx infurmata bl-ebda tibdil mill-proċess innifsu. Madankollu, il-Gvern Amerikan qiegħed japplika skrutinju akbar u qed isegwi l-proċeduri b’aktar reqqa, kif stabbilit fil-liġi Amerikana. L-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarjiet Barranin u t-Turiżmu kompla jżomm ruħu aġġornat bl-iżviluppi li qegħdin jiżvolġu fid-Dipartiment tal-Istat, u se jkompli jaċċerta li ċ-ċittadini Maltin ikunu nfurmati bl-aħħar żviluppi permezz tal-pariri dwar l-ivjaġġar, li jinsabu fuq is-sit elettroniku uffiċjali ‘Consular Plus’.

MCCAA – Deċiżjonijiet regolatorji kkontestati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il deċiżjoni regolatorja maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni f’ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ġiet kontestata quddiem il-qrati mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u minn min? F’kull każ, jista’ jgħid x’inhu l-istatus attwali tal-proċeduri quddiem il-Qrati?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat illi mill-2020, ġew ikkontestati żewġ deċiżjonijiet maħruġa mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni.  Deċiżjoni minnhom ġiet ikkontestata minn Lidl Immobiliare Malta Limited (C 36321) u Lidl Malta Limited (C36317), filwaqt li d-deċiżjoni l-oħra ġiet ikkontestata minn Dr John Vassallo. Illi fir-rigward tal-kawża Lidl Immobiliare Malta Limited Et vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), fis-17 ta’ Novembru 2025, ingħatat sentenza fejn il-Qorti ċaħdet it-talbiet tas-soċjetajiet rikorrenti u ordnat il-prosegwiment tal-kawża. Il-kawża inkwistjoni hija ddifferita għas-16 ta’ Frar 2026 sabiex jinstemgħu l-provi tar-rikorrenti. Illi fir-rigward tal-kawża fl-ismijiet Dr John Vassallo vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), il-każ kien appuntat għall-ewwel seduta għas-26 ta’ Jannar 2026

Ta’ Qali - Picnic area - Żrar

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender għaż-żrar fil-picnic area f’Ta’ Qali? Jista’ jgħid ukoll jgħid jekk ġewx osservati l-liġijiet tal-procurement?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32729.

Il-Mosta - Persuni li jirċievu l-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti l-Mosta li qed jirċievu l-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Pensjonijiet Mosta Pensjoni tal-Eta' mhux Kontributorja 67 Pensjonijiet Kontributorji tal-Irtirar 3,375 Pensjoni tar-Romol 770 Pensjoni tal-Invaliditá 90 Total 4,302

Ħ’Attard - Persuni li jirċievu l-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti f’Ħ’Attard li qed jirċievu l-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Pensjonijiet Attard Pensjoni tal-Eta' mhux Kontributorja 32 Pensjonijiet Kontributorji tal-Irtirar 2,004 Pensjoni tar-Romol 323 Pensjoni tal-Invaliditá 27 Total 2,386

Għawdex, Triq l-Imġarr - Inċidenti tat-traffiku - Miżuri

Question

B’ referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31918 dwar miżuri ta’ traffic calming measures li qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu fl-immedjat sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv fi Triq l-Imġarr li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex, u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija fejn ġie mwieġeb ‘illi fl-aħħar xhur Transport Malta ħejjiet studju fuq Triq l-Imġarr Għajnsielem/ Xewkija/Rabat li jinkludi numru ta’ miżuri ta’ traffic calming measures u li ġew mgħoddija lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għall-implimentazzjoni’, jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar u sena huwa maħsub li dawn ir-rakkomandazzjonijiet li jinkludu numru ta’ miżuri ta’ traffic calming measures jiġu mwettqa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa bdew jiġu mplimentati l-miżuri. Għadd oħrajn ta’ miżuri se jkomplu jiġu mplimentati fil-ġimgħat li ġejjin.

Pulizija Għawdxin jaħdmu Malta - Talba għal trasferiment biex jaħdmu Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija Għawdxin li jaħdmu Malta fil-lista biex jaħdmu Għawdex?  Jista’ jgħid ukoll kemm-il sena kull wieħed u waħda minnhom ilhom jaħdmu Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta’ Diċembru tas-sena 2025 kien hemm 148 pulizija li jaħdmu Malta u li huma rreġistrati residenti Għawdex bit-tagħrif mitlub jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Ninsab infurmat ukoll li ma jfissirx li dawn l-uffiċċjali kollha jridu jmorru jaħdmu Għawdex, il-għaliex hemm minnhom li meta jmiss lilhom li jagħżlu li jmorru, jiddeċiedu li jibqgħu jservu f’Malta. Ninsab infurmat ukoll li fejn dan l-interess ikun hemm, l-opportunità li wieħed iservi f’Għawdex tkun tista’ tingħata meta u kif ikunu jippermettu l-esiġenżi tas-servizz.

Numru tal-emerġenza 112 - Telefonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il telefonata waslet fuq in-numru tal-emerġenza 112 minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jelenka dawn it-telefonati u jgħid jekk kinux relatati mal-Pulizija, mal-Protezzjoni Ċivili jew mal-ambulanza?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni se tiġi provduta f'seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Residenti li qegħdin jiskontaw sentenza twila ta’ priġunerija u qegħdin fuq parole

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32547, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qegħdin jiskontaw sentenza twila ta’ priġunerija minn 20 sena ’l fuq u qegħdin fuq parole mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li hemm żewġ (2) ‘parolees’ li jinsabu fuq il-liċenzja tal-Parole li s-sentenza tagħhom taqa’ taħt terminu ta’ għoxrin (20) sena jew iktar priġunerija u li l-liċenzja tal-parole tagħhom ħarġet wara l-2020, id-data indikata mill-Onorevoli Interpellant. Il-liċenzja tal-Parole relatata ma’ dawn il-persuni daħlet fis-seħħ fis-snin indikati hawn taħt: 2024 – wieħed (1) 2025 – wieħed (1)

Allokazzjoni ta’ riżorsi bejn l-Isptar Mater Dei u l-Kura tas-Saħħa Primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tiġi determinata l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn l-Isptar Mater Dei u l-Kura tas-Saħħa Primarja sabiex ikun hemm bilanċ ġust u effiċjenti bejn iż-żewġ livelli ta’ kura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi kull sena isir eżerċizzju tal-ħtiġijiet tar-riżorsi umani f’kull qasam tas-saħħa u l-anzjanità attiva, liema eżerċizzju hu bbażat fuq il-compliment meħtieġ biex jingħataw is-servizzi diġa eżistenti kif ukoll il-ħtiġijiet għall-servizzi ġodda ppjanti.  Jittieħed ukoll inkonsiderazzjoni kemm persuni jkunu mistennija li jirtiraw.  Dan l-eżerċizzju jservi ta’ bażi biex meta jkun hemm intake ta’ professjonisti, l-allokazzjoni tar-riżorsi umani tkun skond dawn il-ħtiġijiet.

Kura tas-Saħħa Primarja - Żieda fit-tobba, infermiera u professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx strateġija biex in-numru ta’ tobba, infermiera u professjonisti oħra fil-Kura tas-Saħħa Primarja jiżdied sabiex jiġi evitat burnout u overloading, u sabiex il-kura primarja tkun aktar effiċjenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm strateġija biex in-numru ta’ GP trainees jiżdied biex eventwalment fil-Kura tas-Saħħa Primarja ikun hemm iktar tobba jaħdmu fi ħdanha. Qed naħdmu wkoll flimkien mal-People Management u mad-Direttorat tan-Nursing biex jintbagħtu aktar infermiera jaħdmu fid-dipartiment tal-Kura Primarja. Fejn jidħol in-numru tal-Allied Health Professionals huwa ppjanat li jiżdied skond il-bżonn u l-eżiġenzi tas-servizzi biex il-ħaddiema jkunu jistgħu joffru l-aħjar servizz għal dawk li jkollhom bżonn il-kura, filwaqt li tkun qed tigi ssalvagwardjata s-saħħa mentali tal-istess professjonisti, kif ukoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.

Electronic Patient Records

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar kif u meta se tkun implimentata bis-sħiħ is-sistema ta’ Electronic Patient Records sabiex ikun hemm kontinwità fil-kura bejn l-Isptar Mater Dei u l-Kura tas-Saħħa Primarja, u b’hekk jiġu evitati testijiet jew referenzi ripetuti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hekk kif deskritt fis-strateġija dwar is-saħħa diġitali u d-dejta tas-saħħa, il-Ministeru tas-Saħħa u -Anzjanità Attiva bħalissa qiegħed fil-proċess li jinkiteb tender għal Sistema waħda ta' Rekords Elettroniċi tal-pazjent fis-Sistema Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika. Ibbażat fuq ir-riżultat ta' dan it-tender, il-Ministeru jkun f'pożizzjoni li jipprovdi dettalji dwar il-perjodu tal-implimentazzjoni.

Servizzi ambulatorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex ċerti servizzi ambulatorji li bħalissa jsiru fil-livell tal-Isptar Mater Dei jiġu trasferiti jew estiżi lejn iċ-ċentri tal-komunità sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq l-isptar prinċipali tal-pajjiż?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li diversi servizzi speċjalizzati li tradizzjonalment kienu jingħataw fl-Isptar Mater Dei qed jiġu estiżi fiċ-Ċentri tas-Saħħa permezz ta’ outreach clinics, bil-għan li l-pazjenti jingħataw kura eqreb lejn id-djar tagħhom u titnaqqas il-pressjoni fuq is-servizzi tal-isptar prinċipali. Fost dawn hemm kliniċi ta’ Newroloġija, Kardjoloġija, Ortopedija u Gastroenteroloġija, fejn speċjalisti jżuru ċentri fil-komunità biex jaraw pazjenti li ma jeħtiġux kura immedjata. Dawn is-servizzi jtejbu l-aċċessibilità, inaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija għall-konsultazzjonijiet speċjalistiċi, u jsaħħu l-kontinwità tal-kura bejn il-livell primarju u dak sekondarju, filwaqt li jippermettu lill-Isptar Mater Dei jiffoka fuq każijiet aktar kumplessi u urġenti.

Kura tas-Saħħa Primarja - GPs u professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi estiż l-irwol tat-tobba tal-familja (GPs) u professjonisti oħra tal-Kura tas-Saħħa Primarja sabiex dawn ikunu l-ewwel linja ta’ riferiment u b’hekk jitnaqqas il-fluss ta’ pazjenti lejn l-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-irwol tat-tobba tal-familja (GPs) qed jiġi estiż bl-introduzzjoni tal-Clinical Streaming u bit-tkabbir tal-GP Appointment Clinics. Is-servizzi tal-infermiera qed jiġu estiżi permezz ta’ appuntamenti għal feriti u għat-teħid tad-demm. Beda wkoll servizz ta’ teħid tad-demm għat-tfal li għandhom ‘il fuq minn ħames snin fic-Ċentri tas-Saħħa ta’ Birkirkara u Ħal Kirkop. Min-naħa tal-Allied Health, is-servizzi kollha, apparti tar-Radjografija, jistgħu jiġu aċċessati mingħajr riferiment ta’ tabib. Il-pazjent jista’ iċempel il-Call Centre fuq 21231231 u jitlob appuntament għas-servizz meħtieġ.

Kura tas-Saħħa Primarja - Finanzjament u riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex il-finanzjament u r-riżorsi tal-Kura tas-Saħħa Primarja jkunu biżżejjed biex jiġi żgurat li każijiet li jistgħu jiġu trattati fil-livell tal-kura primarja ma jibqgħux jintbagħtu l-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħala parti mill-miżuri biex il-finanzjament u r-riżorsi tal-Kura tas-Saħħa Primarja jkunu biżżejjed, fil-2026 kien hemm żieda fil-baġit rekorrenti ta’ €8,163,000 fuq l-2025. Din iż-żieda tippermetti li jsir investiment f’servizzi u riżorsi addizzjonali fil-livell tal-Kura Primarja, sabiex każijiet li jistgħu jiġu trattati fil-livell primarju ikun jista’ jkompli jsir. Barra minn hekk, biex ir-riżorsi jkunu distribwiti b’mod aktar effettiv fis-settur kollu tas-saħħa u biex in-nies li normalment imorru l-Isptar Mater Dei jiġu indirizzati fiċ-Ċentri tas-Saħħa, ġie introdott is-servizz 1400. Dan is-servizz diġa qed jgħin biex jindirizza lill-pazjenti b’mod aktar effiċjenti fejn l-aħjar jirċievu l-kura jew il-ħtiġijiet mediċi tagħhom.

Triq Ħad-Dingli - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni meta ser jitlesta x-xogħol fi Triq Ħad-Dingli, it-triq li twasslek mir-Rabat għal Ħad-Dingli?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ir-Rabat, Malta – Triq il-Konti Ruġġieru - Patching

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir resurfacing jew patching fi Triq il-Konti Ruġġieru, ir-Rabat, Malta, wara li l-pjan biex isir ix-xogħol xi 5-7 snin ilu, ġie pospost?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq il-Konti Ruggieru qiegħda fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru bħala bini mill-ġdid ta’ triq (rikostruzzjoni), hekk kif mitlub mill-Kunsill Lokali.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Priġunieri taħt l-effett ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inqabdux priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li kienu taħt l-effett ta’ droga f’dawn l-aħħar tliet xhur, u jekk iva, kemm?  Jista’ jgħid ukoll kemm instabu oġġetti ta’ periklu bħal skieken, ħadid u oġġetti oħra mingħajr permess, matul dan l-istess perjodu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bejn l-2024 u l-2025 saru 11,088 test li minnhom 10 biss kienu pożittivi, u għalhekk huma biss 0.09% pożittivi filwaqt 99.91% kienu negattivi. Dan juri kif il-ħidma ta’ prevenzjoni, il-ħidma li ssir ta’ kuljum u l-investiment li sar fosthom ta’ scanners - qiegħda tħalli r-riżultati mixtieqa. Minn faċilità korrettiva mifnija bid-droga, għal faċilità li naddafniha mid-droga għaliex spiċċa wkoll iż-żmien li l-ħabs imexxuh il-barunijiet tad-droga. Għalhekk, jikkumplimenta din il-ħidma hemm ukoll infurzar kontinwu biex nassiguraw id-dixxiplina permezz ta’ tfittxijiet ta’ rutina li jsiru spissi. Magħhom ukoll qed issir ħafna ħidma favur politika ġenwina ta' riabilitazzjoni kif kelli ċans niprovdi informazzjoni diversi drabi. Dan anke permezz ta'.diversi professjonisti li jaħdmu fil-ħabs flimkien mal-uffiċjali Korrettivi. Wkoll ħidma ma' entitajiet oħrajn bħalma huma Il-Caritas, Fondazzjoni Rise, u Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl.

Baġit 2026 - Estimi Finanzjarji tal- - Line item 5947 - Fondi allokati

Question

B’referenza għal Line item 5947 tal-Estimi Finanzjarji tal-Baġit 2026 - International Cultural Relations, li l-fondi allokati huma dawk ta’ €380,000, jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall x’inhuma u fejn intefqu jew ser jintefqu dawn il-fondi u f’liema pajjiżi?

Response (BONNICI, OWEN)

It-total ta’ fondi allokati fil-line item 5947 huwa ta’ €380,000 li se jintefqu fuq Progett Pilota ta’ Cultural Representative gewwa l-Ingilterra kif ukoll fuq l-Edinburgh Fringe Mentorship Programme & Showcase gewwa Scotland. Dawn il-fondi se jintuzaw ukoll fil-partecipazzjoni ta’ Malta fil-EUNIC u EITM u f’top-ups tal-ICE u IPS.