Is-Siġġiewi - Knisja Parrokkjali - Xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier
Question
Jista’ l-Ministru jagħti updates dwar ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi u jgħid meta se jitlesta dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33552, jista’ l-Ministru jara li l-lift li hemm fil-Foss tal-Imdina jerġa’ jissewwa peress li kull meta tagħmel ix-xita dan qed jerġa’ jieqaf jaħdem?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ħsara, li ġrat ftit wara t-tiswijiet reċenti, kienet ikkawżata mill-elementi ħorox tal-maltempata ta’ nhar it-Tlieta. Ix-xogħlijiet ta’ tiswija diġà bdew.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu pproġettat li jsir bil-binja ta’ Villa Gwardamangia meta tkun restawrata?
Jista’ jgħid ukoll jekk hux ser:
i. jiġu esebiti memorabilja ta’ żmien ir-Regina Eliżabetta II meta kienet tgħix f’pajjiżna;
ii. tintuża bħala venue għall-avvenimenti privati bħal tiġijiet, fost oħrajn; u
iii. tkun qed tintuża għal użu kummerċjali biss, bħal ristoranti u/jew cafeteria?
Response (BONNICI, OWEN)
Dettalji se jkunu qed jingħataw fiż-żmien li ġej. Madankollu, neskludi minnufih ix-xenarju (iii).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jintroduċi skema jew mekkaniżmu speċjali sabiex dawk l-artisti fil-qasam tal-performing arts (bħal mużiċisti, atturi u artisti oħra), li jkollhom jieqfu kompletament milli jipprattikaw l-arti tagħhom meta jilħqu l-età tal-pensjoni u japplikaw għaliha, ikunu jistgħu jibqgħu jipprattikaw l-arti tagħhom b’mod limitat (pereżempju sa numru massimu ta’ sigħat fil-ġimgħa), mingħajr ma jitilfu d-dritt tagħhom għall-pensjoni?
Jista’ jgħid ukoll jekk sarux jew humiex qed isiru studji jew konsultazzjonijiet dwar kif din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel, sabiex l-artisti jkunu jistgħu jibqgħu attivi fil-qasam tagħhom, u l-pubbliku jkompli jgawdi l-esperjenza u t-talent tagħhom wara li jkunu ħarġu bil-pensjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti, permezz tal-ħidma strateġika tiegħu, qed janalizza diversi modi kif l-artisti u l-kreattivi mhux biss ikollhom karriera professjonali, iżda wkoll jibnu mudelli sostenibbli għall-intrapriża tagħhom. Għaldaqstant, filwaqt li s-settur artistiku u kreattiv diġa' jista’ jibbenefika minn miżuri eżistenti li jippermettu lill-ħaddiema jkomplu l-ħidma tagħhom wara l-eta' tal-pensjoni, permezz ta’ studji u riċerka li qed isiru flimkien ma’ msieħba settorjali, il-Kunsill qed jesplora wkoll mudelli internazzjonali li jistgħu jiġu implimentati f’pajjiżna fejn l-artisti u l-kreattivi jiġu ssalvagwardjati u offruti opportunitajiet akbar ta’ prattika professjonali kontinwa f’dan l-istadju avvanzat tal-karriera tagħhom.
San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Anzjani u ħaddiema trasferiti
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-anzjani u l-ħaddiema li kienu u qed jiġu trasferiti minn Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul ser jerġgħu lura fl-istess ward meta din titlesta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li ladarba din is-sala titlesta, il‑ħaddiema u r‑residenti li ġew trasferiti ser jirritornaw lura fl‑istess ward. Fir‑rigward tal‑pazjenti, kull deċiżjoni tittieħed skont il‑pjan ta’ kura individwali tagħhom, kif stabbilit mill‑konsulent responsabbli.
San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-impjegati li jaħdmu f’Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul ġew infurmati li l-ward ser tkun qed tingħalaq għax-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk ġewx infurmati fejn ser ikunu qed jiġu trasferiti fil-frattemp?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-impjegati ġew infurmati bil-għeluq temporanju tal-ward qabel ma beda t-trasferiment tar-residenti. Huma ġew ukoll avżati li matul dan il-perjodu kienu ser jiġu assenjati biex jaħdmu fi swali tad-dimenzja, peress li l-ispeċjalizzazzjoni u l-esperjenza tagħhom tinsab f’dan il-qasam.
San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Anzjani trasferiti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-anzjani u l-familjari tagħhom ġew infurmati li ser jiġu trasferiti minn Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-anzjani u l-familjari tagħhom ġew infurmati dwar it-trasferiment qabel ma dan beda jitwettaq, bl-istess mod kif kienu infurmati minn qabel il-ħaddiema.
Jista’ l-Ministru permezz tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), jgħid kemm hawn żgħażagħ taħt il-35 sena li jgħixu f’Malta?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skond l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), sa l-aħħar tas-sena 2024, huwa stmat li kien hawn 169,899 żgħażagħ (bejn l-eta ta’ 16 u 35 sena), li jgħixu f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-għanijiet, l-objettivi u l-kisbiet li l-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) biħsiebha tikseb matul is-sena d-dieħla, fid-dawl li l-fond għall-MICAS fl-Estimi Finanzjarji għas-sena d-dieħla żdied għal €2.5 miljun?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li
fl-Estimi Finanzjarji għas-sena kurrenti
allokati lill-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) , li jammontaw għal madwar €2.5 miljun, se tara lill-MICAS topera b’mod sħiħ u sostenibbli bħala mużew nazzjonali tal-arti kontemporanja.
Din l-allokazzjoni tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jinvesti b’mod serju u responsabbli fil-qasam kulturali, u li jiżgura li infrastruttura kulturali ta’ importanza nazzjonali bħall-MICAS ma tkunx biss bini miftuħ għall-pubbliku, iżda istituzzjoni ħajja, professjonali u effettiva fil-missjoni tagħha.
Parti sostanzjali minn dawn il-fondi hija diretta lejn it-tisħiħ tar-riżorsi umani meħtieġa sabiex il-mużew jitħaddem b’mod xieraq, inkluż dak amministrattiv, kuratorjali, tekniku, ta’ servizzi lill-pubbliku, sigurtà u manutenzjoni. Dan huwa essenzjali sabiex il-MICAS ikun jista’ joffri programm ta’ kwalità, jilqa’ lill-pubbliku b’mod professjonali u jopera skont l-istandards internazzjonali mistennija minn istituzzjoni ta’ dan il-livell.
Il-fondi jkopru wkoll spejjeż operattivi kontinwi, fosthom l-ispejjeż tal-utilitajiet, manutenzjoni tal-bini u tal-faċilitajiet, servizzi ta’ assigurazzjoni.
Nixtieq nenfasizza li din iż-żieda mhijiex marbuta ma’ xogħlijiet kapitali jew spejjeż ta’ kostruzzjoni jew spejjez ghal programm artistiku.
Fond ‘Compensations by Government to Victims of Crime’ – Persuni li bbenefikaw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni bbenefikaw mill-fond ‘Compensations by Government to Victims of Crime’ minn meta dan inħoloq?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta bdiet l-iSkema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità (SL9.12) fl-2012, ibbenefikaw minn din l-iSkema 19 -il persuna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-spiża fuq il-ħlas tal-esperti li ma kienux maħtura mill-Maġistrati Inkwirenti iżda mill-Qrati ta’ Ġuriżdizzjoni Kriminali fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istatistika tal-ispiża rigward il-ħlas tal-esperti tinżam globali minghajr distinzjoni jekk espert ikunx maħtur mill-Maġistrati Inkwirenti jew mill-Qorti li tkun qed tippresjedi l-kawżi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Transport Malta matul l-2025? Kemm minn dawn il-liċenzji nħarġu lil persuni Maltin, u kemm lil persuni mhux Maltin? Minn liema pajjiżi huma l-persuni mhux Maltin li nħarġitilhom il-liċenzja tas-sewqan u x’inhu n-numru ta’ liċenzji maħruġa, maqsuma skont in-nazzjonalità? Jista’ jgħid ukoll jekk tinżammx statistika tal-etajiet ta’ dawk li tinħarġilhom il-liċenzja?
Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġi żgurat li l-ħsara kkawżata mix-xogħol li sar mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) lill-ħajt li jifred l-għelieqi mit-triq (fiż-żona tal-Miżieb, fuq l-għolja li twassal għall-Imbordin) tissewwa kif suppost, peress li l-ilma qed jinżel fl-għelieqi u qed jikkawża ħsara li qed tissarraf f’danni lill-bdiewa tal-madwar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandhiex rapporti ta’ tiswijiet pendenti fiż-żona indikata, nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tipprovdi iktar dettalji speċifiċi f’każ li jirriżultalha li hemm xi tiswijiet li jeħtieġ isiru min-naħa tal-Korporazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid x’wassal biex partijiet sostanzjali ta’ San Pawl il-Baħar kienu bla ilma bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru, 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li kien hemm ħsara fuq il-mejn ewlieni li jissupplixxi Buġibba bis-servizz tal-ilma, u l-provvista kellha tingħalaq sakemm tissewwa din il-ħsara. Il-ħaddiema tal-Korporazzjoni raw li din il-problema tiġi solvuta fl-iqsar żmien biex l-inkonvenjent kien mill-inqas possibbli.
Tista’ l-Ministru tgħid x’qed iwassal għall-qtugħ frekwenti tad-dawl fl-inħawi tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll, b’mod partikolari, ir-raġuni li għaliha d-dawl inqata’ diversi drabi matul il-jum tat-8 ta’ Jannar, 2026?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fid-data indikata ma daħal l-ebda rapport ta’ qtugħ ta’ dawl fix-Xemxija, kemm fuq livell ta’ vultaġġ baxx kif ukoll fuq livell ta’ vultaġġ medju, u lanqas ma ġiet sospiża l-provvista minħabba xogħol ippjanat.
San Pawl il-Baħar – Triq l-10 ta’ Frar – Ċitazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, mill-uffiċjali tal-LESA, bejn Jannar u Diċembru 2025, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll għal liema kontravenzjonijiet inħarġu dawn iċ-ċitazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, inħarġu total ta’ 179 ċitazzjonijiet mill-uffiċjali tal-LESA. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tindika wkoll il-kontravenzjonijiet li għalihom inħarġu dawn iċ-ċitazzjonijiet matul il-perjodu bejn Jannar u Diċembru 2025.