Legislature:
Category:
Reset
Active:

First Aid & Life Saving Techniques

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-First Aid & Life Saving Techniques humiex ser jiddaħħlu fil-kurrikulu jew bħala study unit, sabiex jiżdied l-awareness fit-tfal sa minn età żgħira?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġett imsemmi mhuwiex suġġett li jiġi mgħallem waħdu. Infatti diversi aspetti tiegħu huma integrȧti f’għadd ta’ suġġetti, fosthom is- Science, Physical Education u Personal, Social & Career Development (PSCD), fejn it-tfal jiġu mgħallma ħiliet relatati mas-sigurtà personali, prevenzjoni ta’ inċidenti u kif għandhom jirreaġixxu f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Barra minn hekk, l-iskejjel ħafna drabi jorganizzaw korsijiet ta’ First Aid permezz tal-għalliema tal-Health and Safety, sabiex jiżdied l-għarfien prattiku tal-istudenti minn età żgħira u jiġi assigurat li l-edukazzjoni dwar is-sigurtà tkun kontinwa u adattata għall-etajiet rispettivi.

Toroq neqsin minn dawl xieraq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32629, tista’ l-Ministru tara kemm hemm toroq prinċipali li jinsabu fi stat mudlam tant li s-sewwieqa jkollhom isuqu bid-dawl mixgħul b’periklu għal sewwieqa oħra? Tista’ tara li din il-materja tkun indirizzata bis-serjetà mill-entità kkonċernata biex jitnaqqsu l-perikli fit-toroq tagħna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fir-rigward tad-dawl f’toroq arterjali dan jiġi ddisinjat skont l-istandard Ewropew EN13201 biex ikun żgurat livell għoli ta’ sigurtà. Normalment l-installazzjoni ta’ lampi f’toroq residenzjali fl-ibliet u rħula ssir mill-Kunsill Lokali. Enemalta tipprovdi s-servizz tal-elettriku biex jinxtegħlu wara li l-Kunsill Lokali jissottometti applikazzjoni STL.

Bollards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32628, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-kuntrattur responsabbli mill-bollards fit-toroq tal-pajjiż jieħu ħsieb il-manutenzjoni tagħhom biex jiżgura li dawn il-bollards huma fi stat tajjeb u li qegħdin jilħqu l-għan tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ittieħdet konjizzjoni tal-mistoqsija parlamentari.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32588 u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31030, 31407 u 31917 dwar ix-xogħlijiet fi Triq l-Emigranti, fin-Nadur, jista’ l-Ministru jgħid: i.    Kemm fiha tul Triq l-Emigranti, fin-Nadur? ii.    Meta nbeda x-xogħol fuqha? iii.    Meta ser jitlesta minn kollox (xahar u sena) ix-xogħol f’din it-triq? iv.    Min kien/u l-kuntrattur/i li ħadem fuq din it-triq s’issa? v.    Min se jkun il-kuntrattur li se jkompli x-xogħol f’din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jibdew fl-ewwel Ġimgħa ta’ Frar.

Sejħa għal ‘hire of one ropax vessel under a time charter agreement (bimco ropaxtime)’

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25138, jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar fil-proċess biex il-kumpanija Gozo Channel toħroġ it-tender għall-kiri tar-raba’ vapur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-konnettivita bejn iż-żewġ gżejjer. Kif tħabbar waqt il-konferenza stampa li saret nhar l-14 ta’ Jannar li għadda, dan il-Gvern għandu pjan ċar biex il-flotta tal-Gozo Channel tkompli tissaħħaħ biex taqdi d-domanda dejjem tiżdied ta’ vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer. Il-pjan huwa li sas-sena 2029, il-flotta tal-Gozo Cannel se jkollha b’kollox ħames vapuri; it-tlett vapuri eżistenti li se jiġu rinovati, vapur ġdid tal-passiġġiera li se jkun jesa mal-250 karozza u vapur ieħor iżgħar li jservi bħala cargo ship li se jopera traġitti bejn il-Freeport, il-Port il-Kbir u l-Port tal-Imġarr. Dan il-pjan - li se jkun ifisser investiment ta’ madwar €130 miljun – se jkun qed jikkumplimenta l-viżjoni tal-Gvern għas-sena 2050, li tpoġġi bħala prijorita l-iżvilupp sostenibbli, it-titjib fl-infrastruttura u l-iżvilupp urban. Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni joħroġ tender għall-kri tar-raba’ vapur.

Projects Gozo - Inizjattivi u proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema inizjattivi ġodda u proġetti ġodda qiegħda tmexxi Projects Gozo fil-preżent?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Projects Gozo Ltd ingħatat ir-responsabbiltà sħiħa tal-amministrazzjoni tal-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion. Din ir-responsabbilita’ tinkludi fost l-oħrajn, il-ġestjoni, l-operat tas-sistemi ta’ prenotazzjoni u dħul, u t-twettiq tal-obbligi statutorji, u ta’ rappurtar lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Fiż-żmien li ġej hekk kif il-kumpanija tkun qed tingaġġa aktatr persuni tekniċi tkun qiegħda tieħu responsabbiltajiet addizzjonali.

MGP NP 06/2025 - Negotiated Procedure for the Provision of Cleaning Services for the Ministry for Gozo and Planning

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order permezz ta’ Negotiated Procedure: ‘MGP NP 06/2025 - Negotiated Procedure for the Provision of Cleaning Services for the Ministry for Gozo and Planning’? Kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa, għal kemm perjodu ta’ żmien ħarġet din is-sejħa u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll meta kien l-aħħar li ħarġet sejħa pubblika biex jiġi pprovdut dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-kuntratt kien jikkonsisti f’xogħlijiet ta’ tindif fl-uffiċini, fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Il-kuntratt kien ikkummissjonat skont ir-rati minimi stabbiliti - ppubblikati fiċ-ċirkulari maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti - u kien għal perjodu ta’ sitt xhur. L-aħħar kuntratt kien ingħata fit-23 ta’ Awwissu tal-2022. Is‑sejħa pubblika l‑ġdida ma setgħetx tinħareġ fil‑perjodu indikattiv minħabba verifiki u allinjamenti meħtieġa rigward il‑klawsoli relatati mal‑prinċipju ta’ “equal pay for equal work”.

Procedure for the Provision of Air Ambulance Service for Gozo General Hospital (GGH) NP014-6148/25 [CPSU10225/2025]

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order permezz ta’ Negotiated Procedure: ‘Negotiated Procedure for the Provision of Air Ambulance Service for Gozo General Hospital (GGH) NP014-6148/25 [CPSU10225/2025]’? Kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa, għal kemm perjodu ta’ żmien ħarġet din is-sejħa u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll meta kien l-aħħar li ħarġet sejħa pubblika biex jiġi pprovdut dan is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-Negotiated Procedure imsemmija tikkonsisti fil-ġarr ta’ pazjenti permezz ta’ ħelikopter f’każ ta’ emerġenza mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lejn l-Isptar Mater Dei u viċi versa.

Ta’ Ċawla, Għawdex - Proġett ta’ Housing – Allokazzjoni ta’ appartamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-appartamenti tal-Proġett ta’ Housing li sar mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ġewwa Taċ-Ċawla, ġewx allokati lill-familji li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali u jekk iva, kif ingħataw u jagħti d-data ta’ meta ġew allokati?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Clinical Trials – Għajnuna mill-Gvern

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern jgħinx lill-persuni kollha li jkollhom bżonn ta’ clinical trials barra minn Malta? Jekk le, dawn jintgħażlu b’mod arbitrarju?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel din l-mistoqsija lill Ministeru kkonċernat.

Clinical Trials – Għajnuna mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jgħinx lill-persuni kollha li jkollhom bżonn ta’ clinical trials barra minn Malta? Jekk le, dawn jintgħażlu b’mod arbitrarju?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-assitenza hija provduta lil każijiet fuq bażi ta’ rakkomandazzjoni min-naħa tal-konsulent.

Sptar Mount Carmel - Proġetti ta’ manutenzjoni u modernizzar - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fondi ġew allokati u kemm effettivament intefqu fl-aħħar tliet snin fuq il-proġetti ta’ manutenzjoni u modernizzar tal-Isptar Mount Carmel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul is-snin imsemmija mill-interpellant, kif anke weġibt f’numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari, jkunu għaddejjin diversi xogħlijiet ta’ rinovazzjoni u manutenzioni fl-Isptar Mount Carmel. Kif jista’ jifhem l-Onor Interpellant, sakemm din il-faċilità tilqa’ fiha pazjenti biex jingħataw servizzi ta’ kura, hemm obbligu ċar li jiġi ipprovdut ambjent sigur, dinjituż u modern li jsaħħaħ il benesseri tal-pazjenti u li jiffaċilita r-rijabilitazzjoni u l-irkupru tagħhom. Għaldaqstant, l-Onor Interpellant jista’ japprezza li l investiment fl-infrastruttura ta’ dan l Isptar tibqa’ essenzjali. Infurmat li dan l-investiment kontinwu sabiex issir il-manutenzjoni u l-immodernizzar neċessarju fl-Isptar Monte Karmeli tilħaq is-€7,465,000.

Sptar Mount Carmel - Pjan ta’ ħames snin għall-modernizazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tal-pjan ta’ ħames snin għall-modernizazzjoni tal-Isptar Mount Carmel, liema swali ġew rinnovati diġà, u meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet li fadal?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-PQ 32428.

Kura tas-Saħħa Primarja - Programmi ta’ prevenzjoni u screening

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Kura tas-Saħħa Primarja qed tintuża bħala punt ta’ kuntatt primarju għall-programmi ta’ prevenzjoni u screening sabiex titnaqqas id-domanda fuq l-Isptar Mater Dei għall-kura aktar kumplessa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Iskrining fi ħdan id-Dipartiment tal-Kura Primarja jikkoordina erba’ programmi nazzjonali ta’ skrining maħsuba biex jiskopru mard fl-istadju bikri u jiffaċilitaw referiment fil-ħin għall-kura qabel ma jkun hemm komplikazzjonijiet. Dawn il-programmi jkopru kanċer tas-sider, kanċer tal-musrana l-kbira, kanċer ċervikali u aneurysm tal-aorta addominali. L-identifikazzjoni bikrija tnaqqas kemm il-kumplessità tal-interventi meħtieġa kif ukoll il-pressjoni fuq is-servizzi terzjarji. Tnaqqas ukoll il-preżentazzjonijiet fid-dipartiment tal-emerġenza u l-admissjonijiet fl-isptar billi tgħin fit-trattament tal-pazjenti qabel ma jevolvu sintomi u mard avvanzat. Barra milli jiskopru l-mard fil-bidu tiegħu, il-programmi ta’ skrining kolorettali u ċervikali jinkludu komponent prevenzjonali. L-iskrining kolorettali jidentifika adenomi li jitneħħew waqt interventi endoskopiċi, u b’hekk jipprevjenu l-progressjoni tagħhom għal kanċer. L-iskrining ċervikali jiskopri lesjonijiet prekanċerużi u bidliet displastiċi li jiġu trattati fil-kolposkopija, u b’hekk inaqqas l-inċidenza tal-kanċer ċervikali. Permezz ta’ dawn il-mekkaniżmi, il-programmi jikkontribwixxu biex jitnaqqas il-piż totali tal-kanċer li normalment jidher fil-livell tal-isptar. Fl-2025, fl-erba’ programmi ta’ skrining, total ta’ 53,000 individwu ġew skrinjati. Minn dawn, 2,000 persuna ġew mgħajta għal valutazzjoni ulterjuri. Ġie dijanjostikat 135 każ ta’ kanċer, filwaqt li 1,335 individwi oħra kellhom bżonn investigazzjonijiet u trattament addizzjonali wara l-identifikazzjoni bikrija.

Kura tas-Saħħa Primarja - Modernizzazzjoni tal-infrastruttura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-pjanijiet għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-Kura tas-Saħħa Primarja, inkluż tagħmir u refurbishments, sabiex il-faċilitajiet fil-komunità jkunu tal-istess livell ta’ kwalità bħal dawk fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Kura tas-Saħħa Primarja (KSP) qiegħda tippjana u twettaq diversi proġetti ta’ rinnovar u żvilupp fil-faċilitajiet tagħha. Fost dawn hemm li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla ser ikun qed jgħaddi minn rinnovar sħiħ, li ser jitwettaq f’fażijiet sabiex is-servizzi jibqgħu jingħataw. Fir-rigward taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, is-servizzi tiegħu qed jiġu rilokati fl-Isptar Boffa, filwaqt li l-ippjanar tar-rinnovar tal-bini tal-Furjana diġà beda. L-Isptar Boffa, fi żmien opportun, ser jospita wkoll iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Iskrining. Barra minn hekk, il-KSP qiegħda tippjana l-ftuħ ta’ kliniċi komunitarji ġodda f’numru ta’ lokalitajiet.

Kura tas-Saħħa Primarja - Riallokazzjoni ta’ riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tintuża d-data u d-dashboards real time tal-Kura tas-Saħħa Primarja biex tittieħed deċiżjoni dwar riallokazzjoni ta’ riżorsi fejn ikun hemm domanda ogħla?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Dashboard Real Time tal-Kura tas-Saħħa Primarja tuża data mis-Sistema Elettronika tar-Rekord tal-Pazjent kull 5 minuti biex juri l-ħinijiet ta’ stennija tal-pazjenti f’kull Ċentru tas-Saħħa. Il-ħin ta’ stennija jiġi kkalkulat mill-mument li l-pazjent jasal fiċ-Ċentru tas-Saħħa u jirreġistra għall-appuntament fir-reception, sa meta l-pazjent jintalab jidħol għall-konsulta. Dan il-ħin jitqies medju mal-ħin ta’ stennija ta’ pazjenti oħra sabiex wieħed ikun jista’ jara l-ħin medju li pazjent ikollu jistenna biex jara tabib tal-familja. B’din l-informazzjoni tkun tista tittieħed deċiżjoni dwar ir- riallokazzjoni ta’ riżorsi billi wieħed jikkonsidra kemm id-distanza li pazjent għandu jivvjaġġa biex jasal ċ-Ċentru tas-Saħħa, kif ukoll il-ħin medju ta’ stennija.

L-Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali - Kirjiet qabel is-sena 2022 mingħand il-ġenituri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni li wirtu kirja mingħand il-ġenituri tagħhom u li kienu jirrisjedu f’post mikri mingħand l-Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali qabel is-sena 2022, iżda wirtu l-kirja wara s-sena 2022, jekk dawn humiex eleġibbli taħt l-iskema Sir Sid ta’ Darek biex jixtru l-post? Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, jista’ jispjega kif din mhix diskriminatorja ma’ persuni oħra li jkunu xtrawha, ġaladarba dan baqa’ l-istess titolu ta’ kirja?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.