Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Strateġija biex jiżdied it-teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-ministeru biex jiżdied it-teleworking sabiex jissaħħaħ il-kunċett ta’ work-life balance u jitnaqqas it-traffiku?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 33366.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Teleworking – Medja ta’ sigħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fil-ministeru li jaqgħu taħtu li jippermettu teleworking u x’inhi hi l-medja tan-numru ta’ sigħat ta’ teleworking fil-ġimgħa f’kull entità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru li jien responsabbli minnu, fejn huwa possibbli u x-xogħol jippermetti, jaddottaw miżuri ta’ prattiki tax-xogħol moderni għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

In-Nadur – Triq Ta’ Bordin – Żebgħa ta’ sinjali tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nżebgħu l-aħħar is-sinjali taż-żebgħa tan-nofs fi Triq Ta’ Bordin sad-daħla tar-raħal tan-Nadur? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn is-sinjali jistgħux jerġgħu jinżebgħu mill-aktar fis possibbli, peress li kważi m’għadhomx jidhru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żebgħa fit-Triq Ta’ Bordin, sad-daħla tar-raħal tan-Nadur, sar fl-aħħar ta’ Novembru.

Għawdex – Skejjel tal-Gvern – Livell sekondarju u post-sekondarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ tfal li bħalissa qed jattendu l-iskejjel tal-Gvern fil-livell sekondarju u post-sekondarju f’Għawdex, maqsuma skola skola, u kemm minnhom huma barranin? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ tfal li bdew jattendu f’dawn l-iskejjel, fil-bidu ta’ din is-sena skolastika u kemm minnhom huma barranin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex bħalissa hemm total ta’ 1,386 student fl-iskejjel sekondarji u dak post-sekondarju.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31911 u jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Ministeru tiegħu għal xogħol fit-Terminal ġewwa l-Port tal-Imġarr Għawdex, fil-Parkeġġ ta’ taħt l-art u fil-Marshalling Area, u għal kull każ jgħid lil min ingħataw, x’kien l-ammont u liema xogħol kien ikopri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistqosija parlamentari b’numru 31911.

CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26919, 31916 u 32587 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, liema xogħlijiet tlestew minn kollox, fejn saru permezz ta’ din is-sejħa u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Kumpanija - Kapital investit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali tal-kapital investit mill-Gvern fil-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sal-lum, u kif ġie maqsum bejn il-proġetti differenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija Public Limited Company.  Għaldaqstant, ma nistax nipprovdi informazzjoni dwarha.

Sptar Mount Carmel - Bini ta’ faċilità ġdida - Pjan strateġiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan strateġiku fit-tul sabiex tinbena faċilità ġdida li tissostitwixxi kompletament lill-Isptar Mount Carmel, u jekk iva, x’inhu l-kalendarju ta’ dan il-proġett?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija parlamentari Nru 18907.

Sptar Mount Carmel - Spezzjonijiet strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’rapporti ta’ spezzjoni strutturali saru fuq il-bini tal-Isptar Mount Carmel matul l-aħħar sentejn u x’miżuri ta’ sigurtà ttieħdu biex jiġi żgurat li l-pazjenti u l-ħaddiema jibqgħu f’ambjent sigur?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li permezz tal-periti u l-inġiniera tal-FMS, saru diversi spezzjonijiet neċessarji u fejn kien indikat li jrid isir xi xogħol strutturali dan sar.  Sakemm tlesta x-xogħol, is-servizzi kienu qed jingħataw minn parti oħra tal-isptar u dan isir biex ikun żgurat ambjent sigur.

Sptar Mount Carmel - Proċess ta’ modernizazzjoni u trasferiment tas-servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex ikun hemm biżżejjed staff professjonali (psikjatri, infermiera u carers) biex jappoġġjaw il-proċess ta’ modernizzazzjoni u trasferiment tas-servizzi mill-Isptar Mount Carmel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fis-servizzi tas-saħħa mentali qed jittieħdu diversi miżuri sabiex jiġi assigurat li jkun hemm biżżejjed staff professjonali, inklużi psikjatri, infermiera u carers, biex jappoġġjaw il-proċess ta’ modernizzazzjoni u t-trasferiment tas-servizzi mill-Isptar Monte Karmeli. Qed isir reklutaġġ kontinwu ta’ infermiera, b’mod partikolari ta’ dawk li jtemmu b’suċċess il-kors ta’ Mental Health Nursing, kif ukoll reklutaġġ ta’ infermiera u carers permezz ta’ kuntrattur. Dawn il-ħaddiema jingħataw taħriġ f’konsultazzjoni mal-management tas-servizzi tas-saħħa mentali sabiex tissaħħaħ il-kwalità tal-kura pprovduta. Il-management, flimkien mal-professjonisti involuti, qed jaħdem b’mod koordinat biex jidentifika oqsma ta’ titjib fl-operat tas-servizzi u biex jitwettaq ippjanar strateġiku. Barra minn hekk, qed isiru investimenti fit-taħriġ kontinwu u fl-iżvilupp professjonali tal-istaff eżistenti. Dan jinkludi korsijiet speċjalizzati, fosthom fl-AMSR, Mentalization, Domestic Violence for Mental Health, Trauma Informed CBT, Basic Life Support, De-escalation u l-amministrazzjoni ta’ injections, kif ukoll is-superviżjoni klinika lil ħaddiema ġodda fis-servizzi tas-saħħa mentali.

Sptar Mount Carmel - Trasferiment ta’ pazjenti għal djar komunitarji jew għas-servizz akut fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti ġew jew huma mistennija jiġu trasferiti mill-Isptar Mount Carmel għal djar komunitarji jew għas-servizz akut fl-Isptar Mater Dei, u xi pjanijiet ta’ sapport huma fis-seħħ għal dawn il-pazjenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2025, ġew trasferiti 110 pazjenti lejn djar fil-komunità. Sat-28 ta’ Jannar 2026, ġew trasferiti wkoll 18-il pazjent ieħor lejn djar fil-komunità. Bħalissa hemm lista ta’ 56 pazjent li qed jistennew biex jiġu trasferiti fil-komunità. Sadanittant, dawn il-pazjenti qed jingħataw il-kura meħtieġa u s-sapport multidixxiplinarju fl-Isptar Mount Carmel, skont il-bżonnijiet kliniċi tagħhom. Fir-rigward tas-servizz akut fl-Isptar Mater Dei, dan bħalissa jservi bħala punt ta’ kura għal pazjenti li jippreżentaw b’emerġenzi relatati mas-saħħa mentali. Is-servizz jinkludi wkoll servizz ta’ liaison għal pazjenti li jkunu qed jingħataw kura fl-Isptar Mater Dei.

Kura tas-Saħħa Primarja/Ċentri tal-Komunità - Estensjoni tal-ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiġu estiżi l-ħinijiet tal-Kura tas-Saħħa Primarja jew ċentri tal-komunità, inkluż filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa, sabiex pazjenti ma jkollhomx għalfejn imorru l-Isptar Mater Dei għall-każijiet semi-urġenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32553.

Aġenzija Sapport - Trasferimenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il trasferiment ta’ impjegati ngħata fl-Aġenzija Sapport f’dawn l-aħħar xahrejn u jekk għadx baqa’ trasferimenti xi jsiru fil-ġimgħat li ġejjin? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm xi tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema b’riżultat ta’ dawn it-trasferimenti, u x’kienu r-raġunijiet għaċ-ċaqliq? Dawk l-impjegati li sarilhom trasferiment, kemm kienu ilhom jaħdmu fiċ-Ċentru li ngħataw trasferiment minnu?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ċ-ċaqliq tal-ħaddiema jsir minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi operattivi, bil-għan li jiġi assigurat servizz xieraq u denju lil persuni b’diżabilità, u skont il-policy tal-Aġenzija Sapport kif ukoll il-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiema. Kull impjegat, fil-bidu tal-impjieg tiegħu, jiffirma dikjarazzjoni li jista’ jiġi mċaqlaq minn ċentru, residenza, servizz jew dipartiment għal ieħor. Il-ħaddiema ma tilfu l-ebda benefiċċju li huma intitolati għalih, marbut mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Fir-rigward tal-ħaddiema taċ-ċentri, iż-żmien li ilhom jaħdmu f’ċentru jvarja bejn 39 sena u 5 snin.