Legislature:
Category:
Reset
Active:

ARMS - Kontijiet - Audit indipendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min qed jagħmel l-audit indipendenti fuq is-sistema tal-kontijiet tal-ARMS u x’inhuma t-terms of reference ta’ dan l-audit?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li l-kumpanija li tqabbdet mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika hija l-kumpanija tal-awditjar Grant Thornton Malta. L-għan tal-audit hu li b’mod indipendenti jistabbilixxi dak kollu li seħħ u r-rispons għalih, kif ukoll li jipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni, bil-għan li finalment ikomplu jissaħħu s-sistemi ta’ governanza tal-ARMS. Nirreferi wkoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33754, fejn assigurajt ukoll li anke f’dan il-każ kulħadd jieħu dak li hu tiegħu.

ARMS - Qari tal-meters

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ meters li l-qari tagħhom jasal regolari b’mod awtomatiku għand l-ARMS?  Tista’ tgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ meters li l-konsumaturi jridu jagħtu l-qari tagħhom huma jew jistennew meter reader?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Għawdex – Pazjenti bi problemi fil-kliewi – Dijaliżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan għad-dijaliżi għal pazjenti li jbatu minn problemi fil-kliewi li jgħixu f’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ser jitwettaq proġett infrastrutturali ġdid li jinkludi l-bini u l-iżvilupp ta’ klinika ddedikata apposta għas-servizzi relatati mal-kura tal-kliewi u d-dijaliżi.  B’hekk il-pazjenti tal-kura tad-djaliżi li jkollhom bżonn jiġu l-isptar fuq bażi regolari għall-kura ser jagħmlu dan fi klinika aktar moderna u addattata kif ukoll konformi mal-istandards kliniċi u ta’ sigurtà.  Ser inżidu wkoll il-frekwenza tas-servizz ta’ nefrologu għal dawn il-pazjenti.

Short Lets – Proġett Pilota

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid fiex wasal il-proġett pilota dwar ir-regolamentazzjoni tax-short lets u jekk hux ser ikun fis-seħħ qabel jibda bis-sħiħ l-istaġun turistiku tas-sajf? Jista’ wkoll jagħti indikazzjoni ta’ x’ser ikunu l-miżuri l-ġodda?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 33809.

Picnic Area Ta’ Qali - Espert

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33737 u jgħid min huma l-persuni jew l-entità li ġiet imqabbda bħala espert biex tagħti pariri dwar il-ħaxix tal-picnic area f’Ta’ Qali, kemm qabel li ntefa’ ż-żrar kif ukoll wara? Jista’ jgħid ukoll kif intgħażlet tali persuna jew entità, u jgħid kemm qed titħallas għal dan is-servizz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-persuna li qed taqdi l-funzjoni ta’ espert għal dan il-Ministeru f’ħidma marbuta mas-settur huwa s-Sur Joe Schembri, illi għandu aktar minn għoxrin sena ta’ esperjenza fil-qasam ta’ proġetti ta’ tħaddir madwar il-pajjiż. Il-kuntratt datat 7 ta' Jannar 2026 ingħata skont ir-regolamenti dwar ix-xiri, bir-rata ta' ħamsin ewro fis-siegħa eskluż VAT għal massimu ta’ 180 siegħa.

Ħaż-Żabbar – Sqaq Bursett – Double Yellow Lines

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32146, jista’ l-Ministru jikkjarifika għalfejn hemm double yellow lines quddiem il-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li tinsab fi Sqaq Bursett, f’Ħaż-Żabbar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li l-implimentazzjoni tal-linji sofor fi Sqaq Bursett saret b’approvazzjoni mill-awtorità kompetenti.

Ħaż-Żabbar – Sqaq Bursett – Double Yellow Lines

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32130, jista’ l-Ministru jikkjarifika għalfejn hemm double yellow lines quddiem il-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li tinsab fi Sqaq Bursett, f’Ħaż-Żabbar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tpinġija tad-double yellow lines f’din it-triq ma tirrappreżentax introduzzjoni ta’ sinjali ġodda, iżda kienet limitata għal tiġdid u manutenzjoni ta’ markings eżistenti li diġà kienu fis-seħħ.

Żgħażagħ taħt il-35 sena li xtraw proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm żgħażagħ taħt il-35 sena li xtraw il-proprjetà tagħhom waħedhom jew ma’ xi ħadd ieħor, bejn l-2008 u l-2012, maqsuma sena b’sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Birkirkara - Triq Ganu - Akkomodazzjoni affordabbli - Proġett

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33691 u jgħid fiex wasal il-proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli (affordable housing) għall-anzjani fi Triq Ganu, Birkirkara?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Rabat, Malta - Ta’ Buqana - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ katusi fit-triq li minn Ta’ Buqana, ir-Rabat Malta, tagħti għaċ-Chadwick Lakes, u jekk hux ser jingħata kumpens lill-bdiewa li fl-għelieqi tagħhom tħallew l-inġenji u l-materjal sakemm jitlestew tali xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-tqegħid tal-imsemmija katusi sar u bħalissa qed isir il-pressure testing tagħhom.

Is-Swieqi - Short lets - Proġett pilota

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti update ta’ fejn wasal il-proġett pilota dwar ix-short lets li tħabbar li ser isir fis-Swieqi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar tal-2025 il-Gvern nieda proġett pilota biex jindirizza l-impatt ta’ attivitajiet turistiċi fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta u s-Swieqi.  Il-proġett jinsab f'fażi ta’ implimentazzjoni. Il-Ministeru, wara li sema' l-preokkupazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kkonċernati, għamel eżerċizzju fejn ġabar lista ta’ proposti u miżuri, li ġiet diskussa u riveduta flimkien mal-Kunsilli Lokali rispettivi. Ġew identifikati l-miżuri li fuqhom qed isir ix-xogħol b’mod koordinat ma’ Ministeri u entitajiet oħra li wrew l-appoġġ tagħhom għall-inizjattiva. Il-proġett għandu l-għan li jibbilanċja l-bżonnijiet tal-komunità mat-tkabbir tal-industrija, b’enfasi akbar fuq l-ordni pubblika, s-sigurtà, kif ukoll il-ġestjoni tal-iskart.

Fort Cambridge - Ftehim

Question

B’referenza għall-ftehim li kien sar f’April 2007 bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq is-sit ta’ Fort Cambridge (site plan anness), jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim? Jista’ jgħid jekk Fort Cambridge u l-glacis (open defensive land) ġewx restawrati kif kienet obbligata tagħmel il-kumpanija skont il-ftehim? Jekk le, jista’ jgħid x’passi ser jieħu l-Gvern biex jara li dan iseħħ?  Jista’ jgħid meta ser tinfetaħ għall-pubbliku l-art li tinsab f’din il-konċessjoni u li tmiss ma’ Triq ix-Xatt ta’ Qui-Si-Sana u Triq Ċensu Xerri (kif jidher mis-site plan anness) kif kellu jsir skont il-ftehim? Jista’ jgħid ukoll x’passi ser jieħu l-Gvern biex din il-biċċa art tinfetaħ għall-pubbliku, anke fid-dawl li  l-Gvern qiegħed joħloq diversi spazji pubbliċi?

Response (BONNICI, OWEN)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt flimkien mal-pjanta tal-istess kuntratt kif mgħoddija lili. Rigward ir-restawr tal-Forti Cambridge u tal-Glacis, u l-aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-ftuħ ta’ toroq u spazji pubbliċi, il-kuntratt jiddetermina li dawn għandhom isiru skond il-permessi tal-Ippjanar.

Kumpanija - Debituri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32887 fejn kien intqal li l-informazzjoni ma tistax tingħata għaliex il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hija ‘public limited company’, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb din il-mistoqsija fid-dawl li l-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma fl-istess kumpanija u ċjoè jgħid jekk din il-kumpanija għandiex debituri? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji tal-ammonti li għandhom f’debitu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija Public Limited Company.  Għaldaqstant, ma nistax nipprovdi informazzjoni dwarha.

Kumpanija - Kredituri - Talbiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32885 li fiha l-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32283, fejn intqal li l-informazzjoni ma tistax tingħata għaliex il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, hija ‘public limited company’, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb din il-mistoqsija fid-dawl li l-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma f’dik il-kumpanija? Jista’ għaldaqstant jgħid kemm huma stmati t-talbiet tal-kredituri li għandha din il-kumpanija?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija Public Limited Company.  Għaldaqstant, ma nistax nipprovdi informazzjoni dwarha.

Is-Siġġiewi - Proġett tal-housing estate - Nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-proġett tal-housing estate li nbena fis-Siġġiewi? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm appartamenti u kemm minnhom huma ta’ kamra tas-sodda waħda (one-bedroom), ta’ żewġt ikmamar tas-sodda (two-bedroom) u ta’ tliet kmamar tas-sodda (three-bedroom) f’dan il-housing estate?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Kumpanija - Qagħda finanzjarja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32881, fejn kien intqal li l-informazzjoni ma tistax tingħata għax din hija ‘public limited company’, fid-dawl li din hija kumpanija fejn il-Gvern għandu maġġoranza tal-ishma, jista’ l-Prim Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba u ċjoè jgħid x’kienet il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’Mejju 2024, f’Jannar 2025, f’Mejju 2025 u f’Novembru 2025? Jista’ wkoll jagħti dettalji dwar għaliex hemm diverġenzi kbar minn sitwazzjoni ta’ profitt qawwi għal qagħda ta’ insolvenza?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija Public Limited Company.  Għaldaqstant, ma nistax nipprovdi informazzjoni dwarha.

Pazjenti li jbatu bid-Dijabete tat-Tip 1 - Kirurġija tal-istonku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex il-kirurġija tal-istonku ssir disponibbli għall-pazjenti li jbatu bid-Dijabete tat-Tip 1 u jagħżlu li jagħmluha?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Kirurġija tal-Istonku, bħalissa qed tiġi offruta lil pazjenti li jbatu min obesità u BMI ta 35% jew iktar jew pazjenti li għandhom BMI ta 30% jew iktar u jbatu minn kundizzjonijiet assoċjati mal-piż żejjed bħal Dijbete (iż-żewġ tipi), pressjoni, problemi bil-ġogi, problemi tan-nifs u oħrajn.

L-Isptar Karin Grech – Dipartiment tal-Fiżjoterapija – Evakwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar Karin Grech kellu jiġi evakwat fil-ġranet li għaddew?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ebda parti tad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-isptar Karin Grech ma ġiet evakwata.  Billi kienu għaddejjin xi xogħlijiet fis-sulari ta’ fuq, numru żgħir ta’ każijiet mhux urġenti ġew skedati għal data oħra.  Każijiet urġenti u numru kbir ta’ appuntamenti oħra ġew onorati, bil-pazjenti jiġu akkomodati f’żoni ’l bogħod meta kien hemm ħsejjes kaġun tax-xogħlijiet.