Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet minn uffiċjali tal-LESA matul is-sena 2025, maqsuma ġimgħa b’ġimgħa? Jista’ jgħid ukoll għal liema raġunijiet ingħataw dawn iċ-ċitazzjonijiet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31762, fejn intqal li “Sadanittant it-tagħrif għadu qed jinġabar”, jista’ l-Prim Ministru issa jagħti rendikont totali tal-ispiża għall-kampanja ta’ reklamar b’rabta mal-Baġit 2026?
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-għaqdiet sportivi li rreġistraw skont il-liġi mal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tal-anti-doping matul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-testijiet li saru fl-2025 irriżultaw pożittivi u x’passi ttieħdu wara kull każ ta’ riżultat pożittiv?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31965 fl-intier tagħha u ċjoè jgħid kemm ħallset pagamenti finanzjarji l-Air Malta mit-30 ta’ Marzu 2024 sal-ġurnata li fiha tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u lil min?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li għadhom fuq il-kotba tal-Air Malta fil-ġurnata li fiha tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema li għadhom fuq il-kotba tal-Air Malta u kemm tħallsu pagi mill-ġurnata li fiha għalqet l-Air Malta (30 ta’ Marzu 2024) sal-ġurnata li fiha tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li attwalment hemm 16 il-persuna fuq il-kotba tal-kumpanija bi spiża mensili ta’ €77,751.89.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tal-Gvern biex iċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) ma jibqax jopera mill-binja preżenti fl-Isptar San Luqa u jimxi għal binja ġdida?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ħabbart f’dan il-Parlament, għaddejin il-preparamenti biex ic-Child Development Assessment Unit (CDAU) jimxi għal sit temporanju ġewwa B’Kara fi żmien qasir.
Fid-dawl li ċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) jintuża minn pazjenti li jkollhom mobilità limitata u ġieli anke jużaw il-wheelchairs, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex il-lift li hemm fil-binja tas-CDAU fl-Isptar San Luqa, ilu ma jaħdimx għal diversi ġranet (minn tal-inqas mill-15 ta’ Jannar sat-28 ta’ Jannar), b’inkonvenjenza u detriment għal dawk il-persuni li jkollhom jużaw it-taraġ biex mil-livell tar-reception (level 0) jitilgħu fil-livelli ta’ fuq, b’mod partikolari fil-livelli 3 u 4?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Skejjel primarji u sekondarji - Sospensjonijiet ta’ studenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fi skejjel primarji u sekondarji li ġew sospiżi (suspended) mill-iskola kull sena fis-snin bejn l-2021 u l-2025 u jagħti t-tagħrif separatament għal skejjel primarji u dawk sekondarji? F’każ li m’hemmx din l-informazzjoni, jista’ jagħti l-aħħar ċifri miġbura?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-produzzjonijiet teatrali Maltin li jsiru fit-Teatru Manoel u jgħid x’inhi r-raġuni li t-Teatru Nazzjonali jkollu produzzjoni waħda biss bil-lingwa Maltija kull staġun, apparti l-produzzjoni tar-rebbieħ/a konkors Francis Ebejer?
Response (BONNICI, OWEN)
Dan l-istaġun 2025/2026 it-Teatru Manoel qed itella’ 4 produzzjonijiet bil-Malti: Sofie, ta’ Anthony Portelli (rebbieħ tal-premju Studio Francis Ebejer), Pawlu Redux ta’ Oreste Calleja (minn Teatru Malta), Wara l-Mewġ, u Luke u n-Nannu Ċisju, dawn l-aħħar tnejn bħala parti mill-programm għat-tfal.
It-Teatru Manoel, minbarra d-drammi, itella’ produzzjonijiet ta’ kull xorta - kunċerti kemm orkestrali, tal-baned u mużika kontemporanja, opri, musicals, spettakli taż-żfin, u jilqa’ wkoll produzzjonijiet minn pajjiżi differenti.
Dan l-istaġun qed jittellgħu żewġ drammi oħra - waħda bit-Taljan (il Processo ta’ Kafka) u waħda bil-Franċiż (Le Jour du Mister).
Junior Eurovision Song Contest - Produzzjoni tal-video mużikali - Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fuq il-produzzjoni tal-video mużikali użat għall-Junior Eurovision Song Contest 2025 li sar il-Ġeorġja?
Junior Eurovision Song Contest - Delegazzjoni Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta’ persuni li kienu jiffurmaw parti mid-delegazzjoni Maltija għall-Junior Eurovision Song Contest 2025 li sar f'Tbilisi, il-Ġeorġja? Jista’ wkoll jagħti lista ta’ dawn il-persuni u jgħid x’kien l-irwol tagħhom?
Jista’ jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa totali fuq din il-parteċipazzjoni (Tbilisi, il-Ġeorġja 2025) u jaqsam dan l-ammont skont l-oqsma ewlenin (eż. ivvjaġġar, akkomodazzjoni, drittijiet ta’ parteċipazzjoni, produzzjoni artistika, u allowance per diem)?
L-Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali - Kirjiet qabel is-sena 2022 mingħand il-ġenituri
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33797 u jgħid jekk persuni li wirtu kirja mingħand il-ġenituri tagħhom u li kienu jirrisjedu f’post mikri mingħand l-Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali qabel is-sena 2022, iżda wirtu l-kirja wara s-sena 2022, jekk dawn humiex eleġibbli taħt l-iskema Sir Sid ta’ Darek biex jixtru l-post? Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, jista’ jispjega kif din mhix diskriminatorja ma’ persuni oħra li jkunu xtrawha, ġaladarba dan baqa’ l-istess titolu ta’ kirja?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33755 u jgħid kemm-il spezzjoni saret fuq vetturi minn Transport Malta matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar u kemm kienu l-vetturi li rriżultaw mingħajr liċenzja, mingħajr assigurazzjoni, sewwieqa mingħajr liċenzja jew li kienu qed jiksru xi dispożizzjoni oħra ta’ xi liġi? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawk li setgħu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom, għamlu hekk u kemm minnhom Transport Malta ħadet proċeduri oħra fil-konfront tagħhom?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-2025 saru total ta’ 133
roadblock
fuq diversi vetturi minn Transport Malta. Minn dawn l-ispezzjonijiet instabu total ta’ 262 vettura mingħajr liċenzja u assigurazzjoni, u 772 sewwieq mingħajr liċenzja u assigurazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33569 u jgħid kemm kien in-numru ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Transport Malta matul l-2025? Kemm minn dawn il-liċenzji nħarġu lil persuni Maltin, u kemm lil persuni mhux Maltin? Minn liema pajjiżi huma l-persuni mhux Maltin li nħarġitilhom il-liċenzja tas-sewqan u x’inhu n-numru ta’ liċenzji maħruġa, maqsuma skont in-nazzjonalità? Jista’ jgħid ukoll jekk tinżammx statistika tal-etajiet ta’ dawk li tinħarġilhom il-liċenzja?
Il-Gudja - Transport Malta - Illegalitajiet minn karozzi tal-kiri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħadet s’issa Transport Malta dwar illegalitajiet minn karozzi tal-kiri fi spazji pubbliċi fil-Gudja, li ġew irrappurtati fl-24 ta’ Novembru 2025?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala parti mill-ħidma tas-Sezzjoni tal-Infurzar, ittieħdu diversi azzjonijiet bil-għan li jiġi indirizzat u mnaqqas kwalunkwe abbuż li seta’ beda jseħħ min-naħa ta’ ċerti kumpaniji tal-kiri li joperaw mill-inħawi viċin l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-uffiċjali tal-Infurzar jissorveljaw din iż-żona f’diversi ħinijiet tal-ġurnata sabiex, f’każ li jiġu osservati vetturi tal-kiri pparkjati barra u li ma jkunux mikrijin, dawn jiġu mħarrka. Skont ir-regoli applikabbli, vetturi tal-kiri jistgħu jiġu pparkjati fuq barra biss jekk ikunu mikrijin, filwaqt li vetturi li għadhom ma ġewx mikrija għandhom jinżammu ġewwa l-faċilitajiet tal-kumpanija.
L-Awtorità qed taħdem mill-qrib mal-kunsilli lokali fl-istess inħawi, sabiex f’każ ta’ rapporti mingħand ir-residenti dwar irregolaritajiet, jintbagħtu uffiċjali fuq il-post biex jassistu u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa kontra min ikun qed jabbuża.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar dwar ir-rapport li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li jirrigwarda użu ta’ garaxxijiet għal skop kummerċjali kontra l-liġi tal-ippjanar fit-triq li isimha qed jintbagħat separatament ukoll fil-Gudja, minn meta sar dan ir-rapport fil-15 ta’ Diċembru 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret spezzjoni mid-Direttorat tal-Konformità u Infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar fis-sit fejn ġie rrappurtat użu illegali ta’ garaxxijiet għal skopijiet kummerċjali fi Triq Pietro Gagliardi, Il-Gudja. Waqt l-ispezzjoni, il-garaxxijiet kienu vojta u ma kien qiegħed isir l-ebda xogħol fihom.
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jitranġaw jew isiru mill-ġdid Triq San Albert; Triq Cameron; Triq il-Kubrit u Triq Reid, fil-Gżira?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq San Albert, Triq Cameron, Triq il-Kubrit u Triq Reid, fil-Gżira huma inklużi fil-lista ta’ toroq li l-Kunsill Lokali ppropona lil Infrastructure Malta biex twettaq xogħlijiet fihom. Ix-xogħol jibda skont l-esiġenzi tat-toroq li l-Kunsill Lokali ppropona.