Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn – Livell tal-ilma baħar – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu sabiex tkun indirizzata l-problema tal-livell tal-ilma baħar fi Pjazza Dun Tarċis Agius u Pjazza Mifsud Bonnici f’Wied il-Għajn?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33868.

Wied il-Għajn – Xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni – Pjanti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-pjanti dettaljati għax-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni li qed isiru bħalissa fil-bajja ta’ Wied il-Għajn, Triq ix-Xatt, Triq is-Salini u Triq San Ġorġ f’Wied il-Għajn?

Response (BONETT, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq din il-Mejda tal-Kamra l-pjanta ta’ kif hu mistenni li jiġi jidher il-proġett la darba jkun lest.

Wied il-Għajn – Prekawzjonijiet f’każ ta’ maltemp estrem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ittieħdu meta nħarġet it-twissija ta’ maltemp estrem, sabiex oġġetti, bħal ħadid, li kienu jinsabu f’diversi żoni fix-xatt ta’ Wied il-Għajn minħabba xogħlijiet, ma jiċċaqalqux bil-maltemp?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33868.

Proprjetajiet - Spezzjonijiet għal under declaration

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32888, 33161 u 33695 u jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq proprjetajiet li nxtraw biex jaraw li ma kienx hemm under declaration mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien hemm persuni li nstabu li kellhom under declaration u li ma jirriflettix il-piż attwali matul l-istess perjodu?  Jista’ jgħid ukoll kemm inġabru taxxi b’dan il-mod matul l-istess perjodu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Il-Magħtab - Ilmenti dwar irwejjaħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-miżuri li l-Ministeru qiegħed jieħu biex jiġu indirizzati ilmenti minn residenti fil-Magħtab dwar irwejjaħ ta’ skart u trab li joħorġu mill-impjant tal-iskart?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 2120.

Wind farms - Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tagħti update ta’ fejn wasal il-proġett tal-wind farms?  Tista’ tgħid ukoll x’inhuma t-timeframes għat-twettiq ta’ dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, wara l-pubblikazzjoni tal-Kwestjonarju ta’ Kwalifika Preliminari (PQQ) f’Diċembru 2024, kienu sottomessi tliet offerti f’Lulju 2025. Bħalissa, l-evalwazzjoni ta’ dawn l-offerti, li tinkludi wkoll stadju ta’ due diligence, għadha għaddejja u mistennija li titlesta aktar tard din is-sena. Il-kandidati li jintgħażlu mbagħad ikunu mistiedna jipparteċipaw fl-istadju li jkun imiss, dak ta’ djalogu kompetittiv, li mbagħad iwassal għat-tielet stadju li huwa dak tal-Aħjar u l-Aħħar Offerta (Best and Final Offer).  Dan iwassal għall-għażla ta’ dak l-iżviluppatur li se jkun responsabbli għall-bini, it-tħaddim u l-immaniġġjar tal-farm tar-riħ taħt ftehim ta’ konċessjoni ta’ 35 sena, kif ukoll taħt Kuntratt għad-Differenza (Contract for Difference) ta’ 25 sena. Il-proċedura ta’ djalogu kompetittiv hija mistennija li tiġi konkluża sal-2028, sakemm ma jkunx hemm xi dewmien mhux previst. Wara l-iffirmar tal-kuntratt, din it-tip ta’ infrastruttura normalment tieħu mill-inqas ħames snin biex titwettaq, u għalhekk nistennew li l-farm tar-riħ jidħol fis-servizz bejn wieħed u ieħor lejn is-sena 2033/2034. Barra minn hekk, l-iżviluppatur magħżul se jkun ukoll responsabbli għall-kostruzzjoni, t-tħaddim u l-manutenzjoni tas-Sistema ta’ Konnessjoni mal-Grid (Grid Connection System – GCS), li se tkun proprjetà tal-Gvern. Din tinkludi substation offshore u sistema ta’ cables għall-esportazzjoni tal-enerġija mill-farm għal Malta. F’Novembru 2025, il-proġett tal-GCS ġie aċċettat għall-inklużjoni fil-Pjan ta’ għaxar snin tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp tan-Network tal-Enerġija.  B’hekk dan il-proġett sar eliġibbli bħala kandidat fil-lista tal-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCI) tal-UE għall-2027 u bis-saħħa t’hekk ikun ukoll eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Connecting Europe Facility.  Din tkun opportunità tajba ħafna biex jinkiseb appoġġ finanzjarju importanti għall-implimentazzjoni tal-proġett. Dan il-proġett jirrappreżenta pass importanti lejn il-mira tagħna li nkunu pajjiż newtrali għall-karbonju sal-2050, filwaqt li jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna.

Persuni b’diżabilità - Sfidi biex jibqgħu jgħixu fil-komunità

Question

Peress li l-anzjani huma intitolati għal għajnuna fit-tindif tad-dar tagħhom, filwaqt li persuni b’diżabilità jingħataw biss tmien sigħat ta’ għajnuna kull erba’ ġimgħat, tista’ l-Ministru tgħid għaliex teżisti din id-differenza, fid-dawl tal-fatt li persuni b’diżabilità jaffaċċjaw iktar sfidi biex jibqgħu jgħixu fil-komunità?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-assistent personali jista’ jgħin lill-persuni b’diżabilità fit-tindif personali tagħhom, sakemm is-servizz jibqa’ wieħed ta’ assistenza personali u mhux limitat biss għat-tindif. Is-servizz ta’ assistenza personali jista’ jkopri aktar minn tmien sigħat kull erba’ ġimgħat, iżda n-numru ta’ sigħat ivarja minn każ għall-ieħor. Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għas-servizz ta’ ‘homehelp’, il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru kkonċernat.

San Ġiljan u s-Swieqi - Ħruġ ta’ skart barra mill-iskeda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni nqabdu mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li ħarġu skart barra mill-iskeda fil-lokalitajiet ta’ San Ġiljan u s-Swieqi separatament, minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?  Tista’ tgħid ukoll kemm inħarġu multi u kemm kienu jammontaw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tal-infurzar tal-iskeda Nazzjonali għall-Ġbir tal-Iskart, bejn l-1 ta’ Mejju 2024 u l-31 ta’ Diċembru 2025, l-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qabdu 227 persuna fil-lokalità ta’ San Ġiljan u fl-istess perjodu nħarġu 179 multa li jammontaw għal €27,400. Fl-istess perjodu, fis-Swieqi nqabdu 85 persuna u nħarġu 48 multa li jammontaw għal €7,200. Amministrattivament hemm proċess biex jinħarġu l-multi, allura, l-figuri ta’ kemm inqabdu persuni u l-figuri tal-multi li nħarġu ma jikkorrispondux minħabba li l-proċess amministrattiv jieħu ammont ta’ ġranet li jista’ anke jtawwal għal ġimgħat biex jiġi konkluż, minħabba li f’ċerti istanzi jkun hemm bżonn iktar informazzjoni biex tkun tista’ tinħareġ multa. Il-figuri mogħtijin jinkludu persuni li nqabdu joħorġu l-iskart kemm fil-ħin ħażin, fil-ġurnata l-ħażina kif ukoll ma’ ġenb xi skip jew kontenitur tal-iskart ieħor. Jinkludu wkoll persuni li ħarġu l-borża s-sewda mhux separata b’mod korrett u għalhekk ingħataw ittra ta’ twissija biss.

San Ġiljan u s-Swieqi - Short lets - Rapporti fuq storbju eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti mir-residenti fuq storbju eċċessiv minn proprjetajiet mikrija fuq bażi short let fil-lokalitajiet ta’ San Ġiljan u s-Swieqi separatament, minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?  Jista’ jgħid ukoll kemm persuni ġew imħarrka li kisru l-paċi pubblika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Mejju 2024 u s-27 ta’ Jannar 2026, il-Pulizija ta’ San Ġiljan irreġistrat tmienja u għoxrin (28) rapport mingħand residenti tas-Swieqi u San Ġiljan relatati ma’ storbju eċċessiv jew argumenti li jinvolvu persuni barranin li kienu qed joqogħdu f’diversi propjetajiet, inklużi dawk użati għal short lets u oħrajn. Dawn l-inċidenti seħħew kemm waqt li l-imsemmija persuni kienu ġewwa l-propjetajiet jew waqt li dawn ikunu barra fi triq deħlin għal l-istess propjetajiet. Kif isir dejjem f’dawn iċ-ċirkostanzi, meta l-Pulizija setgħet tivverifika l-ilmenti dwar l-istorbju, il-persuni kkonċernati ġew imwissija biex jieqfu. Fost dawn il-każijiet, kien hemm ukoll każ fejn inħarġu akkużi.

Gozo Channel – Vapuri ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-vapuri ġodda għal Gozo Channel, hux ser isiru mill-kumpanija Gozo Channel jew minn xi kumpanija oħra? Jekk ser jiġu mixtrija jew ordnati biex isiru ġodda minn kumpanija jew entità oħra, kif ser jiġu mgħoddija lil Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 33189.

Gozo Channel - Vapuri ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ordnati vapuri ġodda għal Gozo Channel? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li tkun ippubblikata t-tender li ser tinħareġ, u jekk din it-tender hux ser tkun biss biex ikun hemm vapur li jissostitwixxi l-vapur Nikolaus, jew inkella jekk hux ser tinkludi wkoll ir-refitting tal-vapuri eżistenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari PQ 33189.

Rabat, Għawdex - Pixxina u sports complex - Persuni b’diżabilità - Aċċessibilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pixxina u l-isports complex li ġew inawgurati fir-Rabat, Għawdex humiex totalment aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?  Jista’ jgħid ukoll jekk ingħatax ċertifikat ta’ aċċessibilità mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u jekk iva, jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion ġie ddisinjat biex jassigura aċċessibilita’ għal kull min jużah, inkluż persuni b’diżabilita’. Il-faċilita’ qed titmexxa b’mod inklussiv u ffukat fuq l-utent, filwaqt li qed tinżamm dedikazzjoni għal varjeta’ ta’ dixxiplini sportivi. B’rabta ma’ dan tlestiet spezzjoni inizjali ta’ aċċessibilita’. Ir-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet kollha minn dik l-ispezzjoni ġew indirizzati. Fiż-żmien li ġej huwa mistenni li ssir spezzjoni oħra. Wara din l-ispezzjoni u la darba l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ toħroġ iċ-ċertifikat finali ta’ aċċessibilita’, titqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra skont il-proċedura stabbilita. Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li, min-natura tiegħu, il-padiljun sportiv huwa suġġett għal reviżjonijiet operattivi kontinwi u titjib kontinwu. Il-miżuri ta’ aċċessibbilta’ se jkomplu jiġu aġġornati b’mod strutturat u ġust, allinjati mal-ħtiġijiet tal-utenti u l-aħjar prattika.

Awtorità tal-Ippjanar – Żviluppi li huma disabled friendly

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk l-iżviluppi li ġew approvati reċentement mill-Awtorità tal-Ippjanar u kemm minn dawk li għad iridu jsiru, huma ‘disabled-friendly’, jiġifieri m’għandhomx taraġ mill-bieb ta’ barra sal-lift?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ma żżomx l-informazzjoni mitluba.

Il-Fgura - Delitti marbuta ma’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti matul is-sena 2025 fil-lokalità tal-Fgura u kemm kienu marbuta ma’ serq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2025, in-numru ta’ delitti rrappurtati fil-lokalità tal-Fgura kien ta’ mitejn u disa’ u tmenin (289), li minnhom kien hemm erbgħa u sittin (64) marbuta ma serq.

Marsaxlokk - Delitti marbuta ma’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti matul is-sena 2025 fil-lokalità ta’ Marsaxlokk u kemm kienu marbuta ma’ serq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2025, in-numru ta’ delitti rrappurtati fil-lokalità ta’ Marsaxlokk kien ta’ mija u tlettax (113), li minnhom kien hemm ħamsa u erbgħin (45) marbuta ma serq.

Restawr ta’ kotba

Question

Jista’ l-Ministru jelenka r-restawr tal-kotba kollha li saru minn kull entità taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta irrestawrat 3 kotba, kif indikat hawn taħt: o             Government Gazette – 1822 o             Correspondence Book Register – 1903 o             Register of Letters – 1925–1931

Wied il-Għajn - Delitti marbuta ma’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti matul is-sena 2025 fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn u kemm kienu marbuta ma’ serq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2025, in-numru ta’ delitti rrappurtati fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn kien ta’ tlett mija u  sebgħa u erbgħin (347), u minnhom kien hemm ħamsa u sebgħin (75) marbuta ma serq.

Raħal Ġdid - Delitti marbuta ma’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti matul is-sena 2025 fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid u kemm kienu marbuta ma’ serq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2025, in-numru ta’ delitti rrappurtati fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid kien ta’ erba’ mija u ħamsa u għoxrin (425), u minnhom kien hemm seba’ u tmenin (87) marbuta ma serq.

Iż-Żejtun - Misraħ Karmnu Grima - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew ix-xogħlijiet ta’ Misrah Karmnu Grima, iż-Żejtun, issa li huma lesti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ix-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid tal-Misraħ Karmnu Grima, parti minn Triq Joe Attard, parti minn Triq L-Isqof Antonio Zahra u parti minn Triq Antonio Micallef, iż-Żejtun swew €595,998.31 kumplessivament. Dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fil-qlugħ tal-pavimenti eżistenti, kostruzzjoni ta’ bankini ġodda, konnessjonijiet ġodda ta’ servizzi mal-binjiet eżistenti, kostruzzjoni ta’ parkeġġ u kostruzzjoni ta’ toroq.