Legislature:
Category:
Reset
Active:

Burmarrad – Kappella ta’ San Pawl Milqi – Xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena hux mistennija li jsiru interventi ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ San Pawl Milqi, Burmarrad, biex jiġi assigurat li din il-kappella ma jibqgħux isirulha ħsarat kawża tal-ilma li jista’ jkun dieħel fl-istess binja? Jista’ jgħid ukoll jekk hux mistenni li jkun hemm interventi ta’ natura iktar serja fuq l-istess kappella?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li fl-2020 saret l-aħħar fażi tar-restawr tal-faċċati esterni tal-kappella. F’dan l-istadju l-kappella m’għandhiex bżonn ta’ interventi ulterjuri. Barra minn hekk, il-manutenzjoni meħtieġa qed titwettaq b’mod regolari mill-ħaddiema ta’ Heritage Malta.

Postijiet ta’ Wirt Storiku – Skemi ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi skemi ta’ restawr ta’ postijiet storiċi huma mistennija joħorġu matul din is-sena? Jista’ jgħid jekk hux ser joħorġu wkoll skemi għal postijiet privati li għandhom importanza għall-wirt storiku ta’ pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Iskema tar-Restawr għall-Kunsilli Lokali mistennija toħroġ fi Q2 2026.  Din l-iskema ma tkoprix proprjetajiet privati, u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni ma joħroġ ebda skema ta' dan it-tip.

Transport Malta - Swimming zones  Talbiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’talbiet pendenti għandha Transport Malta għal dak li jikkonċerna swimming zones fid-diversi lokalitajiet fejn hemm is-swimming zones? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet hemm talbiet biex jiġu stabbiliti swimming zones ġodda, jew biex jinbidlu l-konfini ta’ dawk li hemm diġà, kemm jekk dawn it-talbiet ġejjin mill-privat kif ukoll jekk ġejjin minn xi kunsill lokali?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30809.

Tallinja App - Aċċessibilità

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 26946 u 27225, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar l-aċċessibilità għall-Tallinja App, biex din tkun iktar aċċessibbli għal persuni neqsin mid-dawl jew li għandhom il-kundizzjoni tad-Dyslexia?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2025 il-website ġiet aġġornata sabiex tadotta l-qafas ta’ aċċessibbiltà POJO, li huwa l-istess standard użat fis-servizzi diġitali tal-Gvern, u b’hekk ġiet żgurata aċċessibbiltà mtejba għall-utenti kollha. L-APP tappoġġja l-kompatibbiltà mas-settings tas-sistema relatati mat-tipografija tat-test u l-modalità skura, bil-għan li jittejbu l-proporzjonijiet tal-kuntrast u tiġi msaħħa l-aċċessibbiltà għal utenti b’diżabilità fil-vista, inklużi individwi bid-dislessija, permezz ta’ leġġibbiltà aħjar tat-test. Matul l-2026 ser isir awditjar tal-aċċessibbiltà f’kollaborazzjoni mal-FITA. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju huwa li jiġu mifhuma aħjar ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ aċċessibbiltà taċ-ċittadini lokali u li jiġi żgurat li s-servizzi diġitali jkomplu jevolvu skont l-istandards tad-disinn inklussiv.

Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva - Re-audit - Rapport - Evalwazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28439 dwar l-evalwazzjoni tar-rapport tar-re-audit dwar l-edukazzjoni inklużiva li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva, fejn intqal li “l-evalwazzjoni għadha għaddejja”, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar l-istess rapport issa li għaddew tmien xhur oħra minn meta ngħatat it-tweġiba? Jekk iva, x’kienu dawn l-iżviluppi u liema partijiet mir-rapport fil-fatt iddaħħlu fis-seħħ minn meta tlesta? Jekk le, x’qed iżomm ir-rapport milli jiġi konkluż u kemm hi n-nefqa li tirriżulta biex jitwettaq dak li hu meħtieġ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Segretarjat għax-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Diċembru 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Segretarjat għall-Anzjanità Attiva – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Diċembru 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onorevoli Interpelant jireferi għall-Mistoqsija Parlamentari bin-Numru 33930.

Segretarjat għaż-Żgħażaġħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażaġħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni , inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Diċembru 2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

BCRS – Fliexken li ma ġewx imsarrfa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm fliexken li ma ġewx imsarrfa fil-magni BCRS fl-2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fis-sena 2025 tqiegħdu fis-suq madwar 283 miljun kontenitur taħt l-iskema tal-BCRS. Ir-rata ta’ ġbir ikkonfermata mill-operatur hija li aktar minn 85 fil-mija ta’ dawn ġew aċċettati mill-magni tal-BCRS, b’numru ekwivalenti ta’ vouchers maħruġa. Ir-rata ta’ rimbors tal-vouchers qabżet ukoll it-98 fil-mija. Ninsab infurmata wkoll li l-magni tal-BCRS jirreġistraw biss in-numru ta’ tentattivi miċħuda (reject attempts). Dan għaliex kontenitur wieħed jista’ jiġi ppruvat diversi drabi, jew jiġi miċħud f’magna u mbagħad aċċettat f’oħra. Ir-rati ta’ ġbir u rimbors juru li l-iskema qed taħdem b’mod effiċjenti u mpenjati biex din tkompli tittejjeb. Nirringrazzja lill-pubbliku għall-kollaborazzjoni tiegħu u nħeġġeġ biex flimkien inkomplu nagħmlu użu sħiħ mis-sistema tad-depożitu, inkluż is-servizz speċjali provdut lil persuni anzjani u persuni vulnerabbli permezz tad-Diviżjoni tal-Indafa u l-Manutenzjoni.

Project Green – Ġonna ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-ġonna ppjanti li jinfetħu minn Project Green fis-sena 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 33918, ninforma lill-Onor. Interpellant li anke matul din is-sena, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għaddejjin b’ħidma fuq diversi proġetti li jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna u spazji miftuħa ġodda fil-lokalitajiet. Huwa mmirat li matul din is-sena jitlestew numru sabiħ ta’ proġetti oħrajn li mistennija jinkludu dak tar-Riserva Naturali tas-Simar (San Pawl il-Baħar), Ġnien Dun Nicholas Cachia (Siġġiewi), Ġnien Misraħ Karmelitani (Żurrieq), estensjoni tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa (Birżebbuġa), Ġnien il-Larinġ (Ħal Lija), Ġnien il-Madonna tal-Vitorja (Pembroke), Park tal-Mitħna (Mqabba), Park ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (Naxxar), Ġnien il-Koppin (Ħal Kirkop), Ġnien Għarram (Ħaż-Żebbuġ), Ġnien iż-Żgħożija (Imtarfa), Ġnien it-Tabib Mario Tabone (Swieqi), Għaxaq Picnic Site (Ħal Għaxaq), Rainwater Harvesting Park (Għajnsielem), parti minn Park l-Inħawi (Fgura), proġett f’Għajnsielem u ieħor f’San Ġiljan li qed isiru bħala parti mill-Iskema ta’ Tħaddir Urban għall-Kunsilli Lokali, Proġett Silva f’żewġ żoni afforestati fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb (Mellieħa), xogħlijiet ta’ tisbiħ fiż-żona Saver Zarb f’San Ġiljan, fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Barrakka t’Isfel, Roof Garden fuq il-binja tal-Liċeo l-Ħamrun, Ċentru tal-Vizitaturi (Marfa), ġnien u spazju miftuħ fid-daħla tal-Birgu u l-proġett ta’ Green Living Hub Malta (Ħaż-Żebbuġ).

Project Green – Ġonna ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-ġonna ġodda kollha li ġew inawgurati fl-2025 minn Project Green?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32727, inżid ninfurmah li l-proġetti li saru mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, mill-bidu tal-leġiżlatura sa tmiem l-2025, ammontaw għal 68 proġett differenti madwar il-pajjiż. Sa tmiem is-sena, tlestew ukoll il-proġetti ta’ Ġnien tal-Fuklar f’Ħ’Attard, Wied ta’ Ġnien Ħira fl-Imdina, Ġnien tal-Famlija f’Ħal Għaxaq u tlesta wkoll ir-Razzett tat-Tfal (ċentru edukattiv biex jippromwovi s-sostenibbiltà) fi Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera.

Ir-Rabat, Malta – Dwal fiż-żona tal-Lunzjata

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jerġa’ jinxtegħel id-dawl fejn id-dar tal-irtiri fil-Lunzjata, fil-limiti tar-Rabat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ħsara inkwistjoni kienet ikkawżata mill-maltempata ‘Harry’ u l-Enemalta diġà għamlet it-tiswijiet meħtieġa.

Għawdex – Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi u kull tip ta’ makkinarju ieħor ġewwa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex fil-preżent? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm sezzjonijiet speċjalizzati differenti ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fil-preżent id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jopera minn żewġ sezzjonijiet speċjalizzati distinti f’Għawdex: it-taqsima tat-tifi tan-nar fuq l-art u t-taqsima tat-tifi tan-nar u s-salvataġġ marittimu. L-għodda għad-dispożizzjoni hija diversa fosthom numru ta’ fire engines, inġenji għat-tifi ta’ nirien tal-ħaxix, apparat tal-hazmat, rhib għal fuq il-baħar, bowser tal-ilma u vetturi li jintużaw f’inċidenti tat-traffiku u salvataġġ, fost oħrajn. Komplejna ninvestu wkoll fir-riżorsa umana b’kundizzjonijiet aħjar u ilbies protettiv aqwa wkoll. Intant, ninsab infurmat ukoll li fil-futur qrib se jkun hemm vettura oħra tat-tifi tan-nar ta’ daqs medju f’Għawdex, kif ukoll vettura speċjalizzata għal kontra l-inċidenti tal-kimika f’Għawdex ukoll. Dan bħala parti mill-moderninazzjoni u l-investiment kontinwu fil-Protezzjoni Ċivili.

Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva – Appelli

Question

B’referenza għat-Tieni Skeda tal- Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva, Kap. 490, jista’ l-Ministru jispjega x’inhuma l-kriterji segwiti biex jiġi stabbilit jekk appell minn deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva għandux isir quddiem il-Qorti tal-Appell Inferjuri jew inkella superjuri?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mir-riċerka kondotta ma jirriżultax li hemm xi kriterji tassattivi fuq il-leġislatur sabiex jiddetermina u jabbozza quddiem liem Qorti tal-Appell għandu jiġi ntavolat appell minn deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva. Madanakollu, jirriżulta li l-kriterji segwiti, jew li għandhom jiġu segwiti, sabiex jiġi stabbilit jekk appell minn deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva għandux isir quddiem il-Qorti tal-Appell Inferjuri jew inkella Superjuri huma prinċiparjament tnejn: i) in-natura tal-kwistjoni; u ii) l-valur tal-kwistjoni. Dawn il-kriterji ġew imsemmija fid-diskorsi Parlamentari mill-Onor. C. Mifsud Bonnici, lura fl-2007, meta kien qiegħed jinqara l-abbozz fil-Parlament (ara seduta Nru. 497 – 20 ta’ Frar 2007). Apparti minn hekk, f’diskors ieħor (Nru. 470 – 27 ta’ Novembru 2006), il-Ministru tal-ġurnata kien ukoll għamel referenza għall-użu tar-razzjonalizzazzjoni u loġika meta fi stadju ta’ abbozzar il-leġislatur ikun qiegħed jiddetermina fejn għandu jsir appell billi jħares lejn kriterji ta’ portata tal-kwistjoni, valuri, natura tal-każ, u tqassim tal-appelli fl-aħjar interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Fl-aħħarnett, u għall-kompletezza, fejn fit-Tieni Skeda hemm indikat ‘il-kompetenza tal-Qorti tal-Appell’ u taħtha hemm imsemmi “Kompetenza Superjuri/Inferjuri”, wieħed irid iħares lejn l-Liġi Sussidjarja relattiva, f’liema liġi sussidjarja hemm indikat fejn għandu jiġi ntavolat l-appell mis-sentenza tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva.

Port tal-Imġarr, Għawdex - Tqegħid ta’ containers/strutturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex f’dawn l-aħħar ġimgħat tpoġġew ammont ta’ containers/strutturi fuq xulxin maġenb l-uffiċini tal-Gozo Channel (Channel House) fil-port tal-Imġarr? Jista’ jgħid ukoll għal xiex qed jintużaw dawn il-containers/strutturi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

CfT: CT3007/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF RURAL ROADS IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER – WIED JUNU, GHAJN ABDUN AND TRIQ TA’ SPITERI, L/O KERCEM AND SAN LAWRENZ, GOZO

Question

B’referenza għas-sejħa CfT: CT3007/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF RURAL ROADS IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER – WIED JUNU, GHAJN ABDUN AND TRIQ TA’ SPITERI, L/O KERCEM AND SAN LAWRENZ, GOZO, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-‘Boring Works and Boulders fill for the creation of soakaway as Best Practise Quantity 120’ u il-‘Water Harvesting QTY 400’ li kien hemm fil-Bill of Quantities ta’ din is-sejħa sarux jew bdewx isiru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-items indikati fil-mistoqsija ma sarux.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Safety audit ta’ proġetti u toroq

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 32070 u 32593, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament tal-proġetti/toroq ġewwa Għawdex li s’issa sarilhom safety audit mil-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s'issa, żewġ proġetti li saru mill-Ministeru għal Għawdex, qed isirilhom safey audit.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Health and Safety Officers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tagħha u jekk iva, kemm?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Health & Safety Officer impjegat full time mhux mitlub mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tiegħu u jekk iva, kemm?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward issaħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.