Legislature:
Category:
Reset
Active:

Charging Points li kienu jintużaw mill-Kumpanija GOTO

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33962, u ċjoè: Fid-dawl ta’ nuqqas ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi, jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhumiex qed jintużaw il-pilastri tal-iċċarġjar li kienu jintużaw mill-kumpanija GOTO, li waqqfet l-operat tagħha f’Settembru 2022, u li minnhom hawn aktar minn 400 pilastru?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33961.

Tas-Sliema - Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant'Agata – Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iwassal biex numru ta' djar fl-inħawi ta' Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant' Agata f’Tas-Sliema, qed jinqagħtalhom id-dawl b'mod frewkenti, madwar tliet darbiet f'xahar, inkluż okkażjoni fejn ir-residenti damu 17-il siegħa mingħajr enerġija? Tista' tgħid ukoll meta hu ppjanat li din il-problema tissolva għal kollox?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fit-toroq indikati, l-qtugħ fil-provvista kien skont ma jiġri f’ċirkostanzi normali, jew minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew inkella s-sospensjonijiet tas-servizz kienu ppjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli. Infurmata wkoll li fir-rigward taċ-ċirkostanza partikolari li qed issir referenza għaliha fil-mistoqsija, l-ħsara dak inhar ġrat kaġun tal-maltempata ‘Harry’ li laqtet lill-pajjiż fejn ġew ikkawżati numru ta’ ħsarat bir-riħ qawwi fuq l-linji tat-triq. Madankollu, it-tiswijiet setgħu jiskattaw biss kif naqset il-forza tar-riħ biex tkun imaħrsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minħabba li biex issir it-tiswija kien hemm bżonn li jintużaw ‘cherry pickers’. Ladarba l-maltemp beda jnaqqas, inbeda x-xogħol u ngħatat lura l-provvista tal-elettriku.

Nefqa PR u Marketing - Project Green

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33119, tista’ l-Ministru tispjega kif qed jitkejjel is-suċċess ta' investiment qawwi fil-marketing u PR mill-aġenzija Project Green u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe studju jew informazzjoni li turi li din in-nefqa qed tagħti riżultati tanġibbli u proporzjonati għas-somma li l-Gvern qed joħroġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li iktar ma jinfetħu spazji miftuħa ġodda, iktar ma ssir konsultazzjoni dwar proġetti differenti u iktar ma jkunu organizzati attivitajiet, kif spjegat fi tweġiba 33119, iktar l-informazzjoni għall-pubbliku hija importanti. L-effettività ta’ dawn il-kampanji tirriżulta mill-fatt li r-rispons għall-inizjattivi ta’ Project Green qed ikun wieħed tajjeb, il-parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni hi waħda wiesgħa u l-attivitajiet li jsiru jkunu suċċess.

Project Green - Nefqa PR u Marketing

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33119, tista’ l-Ministru tagħti break down dettaljat ta' kif kienet imqassma n-nefqa minn Project Green ta’ kważi €627,000 f'informazzjoni, u speċifikament kemm intefqu fuq reklamar fil-mezzi tax-xandir, kemm fuq il-midja soċjali, u kemm fuq materjal stampat? Tista' tindika wkoll min kienu l-benefiċjarji ta' dawn il-pagamenti (kumpaniji, aġenziji jew individwi) u tgħid jekk dawn intgħażlux permezz ta' tenders jew direct orders?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Project Green - Marketing

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tan-nefqa fil-marketing u PR mill-aġenzija Project Green mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-marketing u l-PR minn Project Green, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, ammonta għal €17,895 (eskluża l-VAT).

L-Imtarfa - Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ Garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ Tiswija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33357, jista’ l-Prim Ministru jgħid kif ġie ngaġġat il-perit tal-proġett u kif intgħażel il-kuntrattur responsabbli għat-tiswija tas-soqfa tal-garaxxijiet fil-Qasam Binja Qlejgħa fl-Imtarfa? Jista' wkoll jispjega r-raġuni għalfejn il-Method Statements ittellgħu fuq is-sistema tal-Awtorità tal-Ippjanar reċentement, minkejja li huma datati għal Novembru 2025?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-periti tal-proġett ġew ingaġġati permezz ta’ direct order, peress li kienu diġà wettqu xogħol sostanzjali fuq l-istess proġett fil-passat mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa. Ix-xogħol imsemmi jifforma parti minn ftehim li l-Awtorità tad-Djar għandha ma’ Infrastructure Malta; għaldaqstant, il-kuntratturi responsabbli mill-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jintgħażlu minn Infrastructure Malta. Fil-fatt, l-ewwel kuntrattur li kien intgħażel – u li saħansitra l proċessi ta’ selezzjoni kienu waslu fi stadju avvanzat – irrifjuta li jibda bix-xogħlijiet fuq is-sit. Konsegwentement, kien meħtieġ li jintgħażel kuntrattur ġdid, u b’hekk il-proċessi relatati kellhom jerġgħu jibdew mill-ġdid. Din is-sitwazzjoni tispjega għaliex il-Method Statements huma datati Novembru 2025, minkejja li ttellgħu fuq is-sistema tal-Awtorità tal-Ippjanar f’data aktar reċenti.

Picnic Area Ta’ Qali - Avvenimenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33738, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji li jiddistingwixxu jekk isirux kunċerti u avvenimenti fil-picnic area f’Ta’ Qali jew fiż-żona dedikata għall-kunċerti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżistux kriterji stabbiliti kif imsemmija fil-mistoqsija.

Baġit 2026 - Spiża fuq reklamar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33895 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31762, fejn intqal li “Sadanittant it-tagħrif għadu qed jinġabar”, jista’ l-Prim Ministru issa jagħti rendikont totali tal-ispiża għall-kampanja ta’ reklamar b’rabta mal-Baġit 2026?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

AIMS - Għaqdiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33890 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-għaqdiet sportivi li rreġistraw skont il-liġi mal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li s’issa ġew reġistrati 58 għaqda sportiva u dawn jinsabu pubblikament; https://aims.org.mt/our-work/regulatory-legal-affairs/

Testijiet tal-Anti-doping

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33889 u jgħid kemm saru testijiet tal-anti-doping matul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-testijiet li saru fl-2025 irriżultaw pożittivi u x’passi ttieħdu wara kull każ ta’ riżultat pożittiv?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li s’issa saru 360 test tal-anti-doping fejn 11 irriżultaw pożittivi. Infrumat ukoll li tiġi meħuda l-azzjoni dixxiplinarja skont il-Kodiċi tal-WADA.

Air Malta - Pagamenti finanzjari

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33888 u ċjoè jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31965 fl-intier tagħha u jgħid kemm ħallset pagamenti finanzjarji l-Air Malta mit-30 ta’ Marzu 2024 sal-ġurnata li fiha tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u lil min?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mit-30 ta’ Marzu sa’ llum, l-Airmalta ħallset €50,448,287.076 f’pagamenti.

CDAU - Lift bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33885 u ċjoè: Fid-dawl li ċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) jintuża minn pazjenti li jkollhom mobilità limitata u ġieli anke jużaw il-wheelchairs, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex il-lift li hemm fil-binja tas-CDAU fl-Isptar San Luqa, ilu ma jaħdimx għal diversi ġranet (minn tal-inqas mill-15 ta’ Jannar sat-28 ta’ Jannar), b’inkonvenjenza u detriment għal dawk il-persuni li jkollhom jużaw it-taraġ biex mil-livell tar-reception (level 0) jitilgħu fil-livelli ta’ fuq, b’mod partikolari fil-livelli 3 u 4?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa ħabbart fil-Parlament u anke kif weġibt fil-PQ 33886, fi żmien qasir is-servizzi li kienu jingħataw mill-bini fl-Isptar San Luqa ser jimxu għall-binja aktar moderna u b’aktar faċilitajiet f’B’Kara.

MCAST – Għalliema tal-Ingliż

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33866 u jgħid meta se tintgħażel għalliema ġdida tal-Ingliż fil-Level 2 Business fl-MCAST?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li ma hemmx bżonn ingaġġ ta' lettur peress li l-lezzjonijiet tal-Ingliż il-Level 2 Business ġew assenjatii lil letturi oħra.

ARMS - Qari tal-meters

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 33857 u tgħid kemm hu n-numru ta’ meters li l-qari tagħhom jasal regolari b’mod awtomatiku għand l-ARMS?  Tista’ tgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ meters li l-konsumaturi jridu jagħtu l-qari tagħhom huma jew jistennew meter reader?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Is-Siġġiewi - Proġett tal-housing estate - Nefqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33805 u jgħid kemm ġie jiswa l-proġett tal-housing estate li nbena fis-Siġġiewi? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm appartamenti u kemm minnhom huma ta’ kamra tas-sodda waħda (one-bedroom), ta’ żewġt ikmamar tas-sodda (two-bedroom) u ta’ tliet kmamar tas-sodda (three-bedroom) f’dan il-housing estate?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Skejjel sekondarji tal-Istat - Tneħħija tal-kurċifiss mill-klassijiet - Direttiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx direttiva sabiex fl-iskejjel sekondarji tal-Istat jitneħħa l-kurċifiss mill-klassijiet? Fin-nuqqas ta’ direttiva, jista’ jgħid jekk kienx hemm kurċifiss li tneħħa mill-klassijiet tal-inqas f’waħda mill-iskejjel sekondarji tal-istat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Coeliac Voucher Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi tibdil dwar il-mod ta’ kif persuni li huma coeliac jirċievu l-vouchers taħt is-Coeliac Voucher Scheme?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sar titjib importanti fl-appoġġ mogħti lil individwi li għandhom il- kundizzjoni magħrufa bħala Coeliac , fejn għandna aktar minn 2000 pazjent reġistrat . Fl-isforzi kontinwi biex innaqqsu l-burokrazija żejda u ntejbu l-aċċess għall-kura, b’effett minn din is-sena, kif fil-fatt tħabbar fil-Bagit 2026, l-iSkema tal-Vawċers tal-POYC ġiet trasformata  għall-mudell ta' Ħlas Dirett fil-kont bankarju tal- individwi. B'dan l-aġġornament, l-individwi rispettivi m’humiex aktar ristretti li jsarrfu vawċers  fi prodotti mingħajr glutina minn ħwienet speċifiċi. Minflok, issa għandhom il-libertà kollha li jagħżlu minn fejn u kif jużaw il-benefiċċju, inkluż fuq ikel naturali mingħajr glutina, li jista' joffri għażliet aktar b'saħħithom. Barra minn hekk, l-individwi issa m’għandhomx limitu ta’ meta jistgħu jużaw il-benefiċċju bħal ma kellhom bis-sistema tal-vawċers. Titjib ieħor importanti marbut ma dan il-benefiċċju tħabbar ukoll fil-Baġit 2026 u jirriggwaqrda ż-żieda ta’ € 20 fix-xahar lil kull individwu mal-ammont li kien jirċievi qabel.

Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani – Laqgħat tal-Kunsill

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba jiltaqa' l-Kunsill għall-Anzjani maħtur taħt l-Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani? Jista' jgħid ukoll meta saret l-aħħar laqgħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellanta, biex tirefferi għall-Mistoqsija Parlamentari 34026.

Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani – Membri tal-Kunsill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kunsill għall-Anzjani li nħatru taħt l-Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-ħatra tal-membri tal-Kunsill għall-Anzjani għas-snin 2026 – 2027, maħtura taħt l-Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani, se tiġi kkomunikata uffiċjalment ladarba l-proċess ikun konkluż skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi u mill-amministrazzjoni pubblika.