Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Sistema tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tindika kif is-sitwazzjoni tad-drenaġġ fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar mistennija tiġi indirizzata fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni matul is-sena kollha (esklużi t-turisti u dawk il-persuni li jkunu fil-lokalità biss matul ix-xhur tas-sajf) hija stmata li tlaħħaq 50,000 ruħ u mistennija tkompli tikber? Meta ġew imqiegħda fil-post il-pompi li hemm fil-lokalità bħalissa, u meta ġew upgraded l-aħħar? Tista’ tgħid ukoll jekk hux mistennija li jitqiegħdu iktar pompi tad-drenaġġ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma twettaq monitoraġġ kontinwu tal-pompli li hemm eżistensti u dawn jinbidlu jew jiżdiedu skont l-esiġenzi.  Infurmata li preżentament m’hemmx bżonn ta’ installazzjoni ta’ pompi ġodda. Infakkar li fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, il-Korporazzjoni għaddejja bi proġett estensiv u ambizzjuz b’investiment ta’ madwar €7 miljun, fejn permezz ta’ teknoloġija moderna ta’ microtunnelling se tkun qed tiddevja d-drenaġġ mill-qalba tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar lejn il-periferiji.

Melita Gardens u Kennedy Grove - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tindika meta huwa mistenni li jibdew ix-xogħlijiet fuq l-inħawi ta’ Kennedy Grove, kemm f’Kennedy Grove nnifsu, kif ukoll fl-inħawi tal-Melita Gardens? Peress li ħafna mill-equipment li hemm fuq is-sit għandu bżonn ta’ manutenzjoni serja, tista’ tgħid jekk inħarġux tenders biex isiru x-xogħlijiet neċessarji u meta nħarġu dawn it-tenders? Jekk le, tista’ tgħid min hu mistenni li jwettaq ix-xogħol li hemm bżonn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32059, inżid ninfurmaha li l-proċess tas-sejħa ġie appellat u jinsab fi stadju ta’ kunsiderazzjoni min-naħa tal-Public Contracts Review Board (PCRB) fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti.

In-Naxxar – Siti ta’ importanza storika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ importanza storika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, fin-Naxxar? Kemm minn dawn is-siti huma mistennija li jgħaddu minn interventi biex jiġi żgurat li ma jsofrux ħsara fiż-żmien li ġej? Meta sar l-aħħar restawr jew intervent ta’ tip ieħor mill-Gvern f’kull wieħed mis-siti li jinsabu fin-Naxxar? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif wieħed jista’ jżurhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-uniku sit li tamministra Heritage Malta fl-inħawi tan-Naxxar huwa l-katakombi tas-Salini. Dawn jinfetħu għall-pubbliku b’appuntament. F’każ ta’ appuntament, il-prezz tad-dħul huwa: €5 għall-adulti, €3.50 għall-istudenti u l-anzjani, €2.50 għat-tfal. Id-dħul ikun mingħajr ħlas f’każ ta’ attività organizzata għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta. Is- sit msemmi huwa mantnut regolarment mill-ħaddiema ta’ Heritage Malta.

Il-Mellieħa – Siti ta’ importanza storika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ importanza storika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, fil-Mellieħa? Kemm minn dawn is-siti huma mistennija li jgħaddu minn interventi biex jiġi żgurat li ma jsofrux ħsara fiż-żmien li ġej? Meta sar l-aħħar restawr jew intervent ta’ tip ieħor mill-Gvern f’kull wieħed mis-siti li jinsabu fil-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif wieħed jista’ jżurhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta ma tamministrax siti li jinsabu fil-konfini tal-Mellieħa.

San Pawl il-Baħar – Siti ta’ importanza storika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ importanza storika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, f’San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn is-siti huwa mistenni li jsirulhom interventi biex jiġi żgurat li ma jsofrux ħsarat fiż-żmien li ġej? Meta sar l-aħħar restawr jew intervent ta’ tip ieħor mill-Gvern f’kull wieħed mis-siti li jinsabu f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif wieħed jista’ jżurhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li San Pawl Milqu huwa sit storiku fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar li huma fir- responsabbiltà ta' Heritage Malta. San Pawl Milqi huwa aċċessibbli waqt open days organizzati minn Heritage Malta jew meta l-viżitaturi jibbukkjaw tour apposta b’appuntament. Il-ħlas f’każijiet bħal dawn huwa ta’ €5 għall-adulti, €3.50 għall-istudenti u l-anzjani, u €2.50 għat-tfal. Id-dħul huwa mingħajr ħlas għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta. Is-sit msemmi huwa mantnut regolarment mill-ħaddiema ta’ Heritage Malta.

Direct Order ‘Design of a visitor experience that includes services in the shelter/ underground areas, sanitary facilities in the outbuildings and landscaping and (re) construction of rubble walls in the immediate areas surrounding for the Fanal tal-Ġordan, Għasri’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Design of a visitor experience that includes services in the shelter/ underground areas, sanitary facilities in the outbuildings and landscaping and (re) construction of rubble walls in the immediate areas surrounding for the Fanal tal-Ġordan, Għasri’ li ngħatat fis-6 ta’ Awwissu 2024 mis-Strategy and Support Division fi ħdan il-Ministeru tiegħu, u x’servizzi ngħataw u ser jingħataw f’din id-direct order? Għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll jekk l-affarijiet li ntalbu permezz ta’ din id-direct order twettqux (sarux)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li infurmat li peress li l-intervent inkwistjoni huwa ta’ natura speċjalizzata u jitlob kompetenza teknika partikolari, ġiet avviċinata persuna teknika li għandha esperjenza estensiva u speċjalizzata f’dan il-qasam. Dan sar fid-dawl tal-karatteristiċi u n-natura speċifika tas-sit u tal-użu li għalih huwa intenzjonat, sabiex jiġi żgurat li l-ħidma tkun imwettqa skont l-aħjar prattiki u b’mod professjonali.

Direct Order ‘Architectural professional services to prepare the design of the upgraded belvedere area and the surroundings, preparation of BOQs and technical specifications, project implementation and certifications, BCA clearance document preparation and submittals for the upgrading of the belvedere known as Tal-Qaċċa which happens to be on the entrance to Xagħra village’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Architectural professional services to prepare the design of the upgraded belvedere area and the surroundings, preparation of BOQs and technical specifications, project implementation and certifications, BCA clearance document preparation and submittals for the upgrading of the belvedere known as Tal-Qaċċa which happens to be on the entrance to Xagħra village’ li ngħatat fil-31 ta’ Ottubru 2024 mill-ECO Gozo Directorate fi ħdan il-Ministeru tiegħu, u x’servizzi ngħataw u ser jingħataw f’din id-direct order? Għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll jekk dan ix-xogħol jistax isir mill-ħaddiema Tekniċi u Professjonali fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett ġiex implimentat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa l-Perit Mallia ipprovda d-disinji, il-BOQ, u t-technical specifications biex setgħet tinħareġ is-sejħa għall-offerti biex dan il-belveder magħruf bħala tal-Qaċċa jkun jista’ jiġi mmodernizzat u jsir aktar aċċessibbli. Is-servizzi ta’ Project Implementation u Certifications jibdew jingħataw mil-Perit malli jibdew ix-xogħlijiet.

Direct Order ‘Lease Agreement for Back-office services’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Lease Agreement for Back-office services’ li ngħatat fil-11 ta’ Lulju 2024 għal-prezz ta’ €131,375.00 mill-Operations Division fi ħdan il-Ministeru tiegħu? X’servizzi ngħataw u ser jingħataw, u kemm hu l-perjodu ta’ żmien ta’ din id-direct order? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-6 ta’ Novembru 2018, kienet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern Espressjoni ta’ Interess bin-numru EOI A1118 – Invitation to submit proposals for the lease of property.  Kien hemm 3 offerenti u minnhom kienet magħżula l-kumpanija General Tech Services Ltd.  Din il-propjeta’ qed tinkera biex jiġu ospitat l-Uffiċju tal- Malta Financial Services Authority .  L-ewwel kuntratt tal-kera kien ikopri mill-15 ta’ Lulju 2019 sal-14 ta’ Lulju 2024.  Meta dan il-kuntratt tal-kera skada, intalbet estensjoni tal-kera għal ħames snin oħra lill-Ministeru tal-Finanzi peress li kien sar investiment f’din il-propjeta’ u biex ukoll dan l-uffiċju ma jkollux bżonn jiċċaqlaq. Dan il-kuntratt huwa għal ħames snin mill-15 ta’ Lulju 2024. Il-kirja hija ta’ €26,275 fis-sena li għal ħames snin tammonta għal €131,375

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-konsulenti fil-Ministeru tiegħu kif ukoll mal-awtoritajiet u l-aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul l-2025 u r-rata li jitħallsu biha? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallsu dawn il-konsulenti matul l-2025?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti ingaġġati mal-Ministeru huma skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-konsulenti fil-Ministeru tiegħu kif ukoll mal-awtoritajiet u l-aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul l-2025 u r-rata li jitħallsu biha? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallsu dawn il-konsulenti matul l-2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari Nru 27768.

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32589 fl-intier tagħha u jgħid x’se jkun ir-rwol tal-Ministeru tiegħu fil-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li tpoġġew f’Ta’ Xħajma, Għawdex, issa li dan tlesta u ġie inawgurat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru okkupa rwol f’dan il-proġett, hekk kif ġie spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari PQ 32068. Issa, li dan il-proġett tlesta, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar mhuwiex qed jokkupa xi rwoli oħrajn.

Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tiegħu u jekk iva, kemm?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward is-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tiegħu u jekk iva, kemm?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward is-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Ministeru għall-Finanzi – Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tiegħu u jekk iva, kemm?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikjest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Health and Safety Officers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tagħha u jekk iva, kemm?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tiegħu u jekk iva, kemm?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-ligi. Madanakollu għarfien rigward is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29769, attendejt ukoll għas-sittin sena Anniversarju ta’ Malta bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Strassburgu, kif ukoll għall-ħamsa u tletin sena Anniversarju tal-Kumitat tal-Ministri ġewwa Venezja. Inżid ngħid li niġi mistieden diversi laqgħat f’fora tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Kunsill tal-Ewropa, madankollu l-attendenza tiegħi tiddependi minn xogħol Ministerjali f’pajjiżna.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa din is-sena m’attendejtx laqgħat tal-kunsill tal-Ministri. Għax-xhur li ġejjin, bħala prassi u sa fejn ikun possibli, jien ser nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropeja u li jkunu intenzjonati ghall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul ix-xahar ta’ Jannar ma attendejtx għal-laqgħat relatata mal-Kunsill tal-Ewropa jew fl-livell ta’ Unjoni Ewropea. Għax-xhur li ġejjin, bħala prassi u sa fejn ikun possibbli, jien ser nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi.