Legislature:
Category:
Reset
Active:

Allied Health – Konferenza – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-konferenza tal-Allied Health fis-snin 2024 u 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm attendew professjonisti għal kull sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-konferenza li saret fl-2024, attendew għaliha 250 persuna. Din kienet konferenza ta’ ġurnata waħda u l-ispiża totali ammontat għal €11,975.30. Iinfurmat ukoll li l-konferenza li saret fl-2025, attendew għaliha 600 parteċipant. Il-konferenza kienet maqsuma ta’ jumejn u l-ispiża totali ammontat għal €47,904.97.  L-ispiża tinkludi l-kera tas-sala (f’Dar il-Mediterran), catering (intuża wieħed mis-suppliers ta’ Dar il-Mediterran), loġistika organiżżattiva u spejjeż relatati mal-kelliema barranin. Irid jingħad, li l-konferenza tal-2025 kienet ibbażata fuq komponent xjentifiku, li kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fi ħdan id-Direttorat tal- Allied Health Services. Barra minn hekk, serviet ukoll bħala tħejjija u biex tinkiseb l-esperjenza meħtieġa meta Malta tospita l-Konferenza Ewropea tal-European Forum for Primary Care, li hija skedata li ssir fl-2027.

Physiotherapists u Occupational Therapists – Uniformijiet

Question

Peress li l-uniformijiet il-ġodda li ngħataw lill-Physiotherapists u lill-Occupational Therapists (OTs) is-sena l-oħra, mhumiex qed jintlibsu għax il-materjal tagħhom huwa inferjuri u trasparenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn l-uniformijiet humiex se jiġu mibdula, u jekk iva, meta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment ikkonċernat qiegħed jara li dawn l-uniformijiet li l-Onor Interpellant qed jagħmel referenza għalihom ikunu mibdula u skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi neċessarji. Il-fornitur qed ikun mitlub li mid-Dipartiment li jagħmel hekk mingħajr aktar dewmien.

Aġenzija Sapport - Ħaddiema - Kriterji

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-kriterji ta' eleġibbilità li wieħed irid jissodisfa biex jibda jaħdem f'wieħed miċ-Ċentri tal-Aġenzija Sapport? Tista’ tgħid ukoll jekk jingħatax taħriġ lil dawn il-ħaddiema qabel jew wara li jibdew l-impjieg u jekk iva, x'tip ta' taħriġ jingħata?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tispeċifika liema gradi jew professjonijiet qed tirreferi għalihom fil-mistoqsija tagħha.

Aġenzija Sapport - Tmiem ta’ impjieg - Dipartimenti/Entitajiet/Awtoritajiet oħra

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna ma baqgħetx taħdem mal-Aġenzija Sapport u marret taħdem ma’ dipartiment, entità jew awtorità oħra matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll kemm-il sena kienu ilhom jaħdmu mal-istess aġenzija dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Aġenzija Sapport ma għandhiex informazzjoni dwar impjegati li, matul is-sena 2025, telqu mill-Aġenzija u bdew jaħdmu ma’ xi dipartiment, entità jew awtorità oħra.

Aġenzija Sapport – Tmiem ta’ impjieg

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna temmet l-impjieg tagħha mal-Aġenzija Sapport matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll kemm-il sena kienu ilhom jaħdmu mal-istess aġenzija dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li matul is-sena 2025 ġew reklutati 102 impjegat, inklużi wkoll is-sostituzzjonijiet ta' 80 impjegat li temmew l-impjieg tagħhom. 9 minn dawn l-80 impjegat irtiraw. Il-perjodu ta' servizz tal-ħaddiema jvarja bejn ftit ġranet u snin, skont il-każ.

Aċċessibilita’ - Dar Residenzjali - Kriterji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li persuna trid tissodisfa biex tkun eleġibbli għall-ħlas tal-ispiża relatata mal-aċċessibilità fid-dar residenzjali tagħha? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm tibdil f'dawn il-kriterji matul dawn l-aħħar sentejn u jekk iva, x'kien dan it-tibdil u minn meta kien applikabbli?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-kriterji sabiex tkun eliġibbli għall-ħlas tal-ispiża relatat mal-aċċessibilità fid-dar residenzjali huwa:- 1. L-applikant irrid ikun sid/inkwilin tar-residenza 2. L-applikant irrid ikun ċittadin ta’ Malta jew l-Unjoni Ewropea 3. L-applikant irrid jagħmel ix-xogħol fir-residenza ordinarja tiegħu 4. L-applikant irrid ikollu diżabilità jew problemi ta’ mobilità. Ma kien hemm l-ebda tibdil fil-kriterji tal-iskema matul l-aħħar sentejn.

Ir-Rabat, Malta - Triq il-Buskett - Patching ta’ ħofor

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33579 dwar il- ‘patching’ tal-ħofor fi Triq il-Buskett bejn ir-Rabat u l-Buskett, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-‘patching’ hux ser isir fl-immedjat jew jekk hux ser isir ‘patching’ temporanju sakemm jitlesta l-proġett peress li l-ħofor huma tant kbar li qed jikkawżaw ħsarat lill-karozzi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-offerti ġiet ippubblikata riċentament u x-xogħol mistenni jibda fix-xhur li ġejjin. Sadanittant, infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat wettaq xogħol ta’ patching temporanju.

Liċenzji tas-sewqan – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 33569 u 33863 u jgħid kemm kien in-numru ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Transport Malta matul l-2025? Kemm minn dawn il-liċenzji nħarġu lil persuni Maltin, u kemm lil persuni mhux Maltin? Minn liema pajjiżi huma l-persuni mhux Maltin li nħarġitilhom il-liċenzja tas-sewqan u x’inhu n-numru ta’ liċenzji maħruġa, maqsuma skont in-nazzjonalità? Jista’ jgħid ukoll jekk tinżammx statistika tal-etajiet ta’ dawk li tinħarġilhom il-liċenzja?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32119, ninfurmaha li l-informazzjoni addizzjonali għadha qed tinġabar.

L-Imġarr, Malta - Klinika tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema klinika tal-Gvern (polyclinic) jistgħu jagħmlu użu r-residenti tal-Imġarr, Malta? Jista’ jgħid ukoll x’servizzi jingħataw lill-Imġarrin minn din il-klinika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li r-residenti tal-Imġarr, Malta jistgħu jużaw iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta bħala l-aktar klinika fil-viċin. Madankollu, għal servizz ta' tabib tal-familja, jistgħu jagħmlu użu minn kull klinika oħra f'Malta u Għawdex minħabba l-introduzzjoni ta' rekords elettroniċi. Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta jipprovdi lir-residenti kollha servizzi ta’ kura primarja inklużi konsultazzjonijiet mat-tabib tal-familja, kura tal-infermierija, tilqim, ġestjoni ta’ mard kroniku u referenzi għal investigazzjonijiet jew kura speċjalizzata meta meħtieġ. Għar-residenti tal-Imġarr hemm ukoll l-Mgarr Community Clinic, li toffri servizzi b’appuntament għal residenti tal-Imġarr fil-qasam ta' Speech Language Pathology u l-Psikoloġija.

Direttorat għat-Turiżmu - Direct Order MG 131/2023 ‘2 month promotional campaign in France’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order MG 131/2023 ‘2 month promotional campaign in France’ mid-Direttorat għat-Turiżmu fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’ servizzi ngħataw f’din id-direct order?  Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dan il-kuntratt jirrigwarda l-ingaġġ ta’ kumpanija Franċiża, Pixel Perfect , bbażata ġewwa Franza sabiex timplimenta kampanja promozzjonali ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta fil-Mediterran, bl-intenzjoni li Għawdex jiġi promoss għax-xhur tax-xitwa. Fuq nota ġenerali qiegħdin naraw riżultati pożittivi ferm, hekk kif ix-xitwa tas-sena 2025 rat żieda ta’ 11.4% ta’ turisti barranin li qattgħu lejl jew aktar f’Għawdex, filwaqt li fl-akkomodazzjoni kollettiva l-ammont ta’ żieda ta’ 13.5% f’żieda ta’ ljieli minn barranin. L-investiment f’din il-kampanja diġitali kien ta’ 15,000EUR fuq xahrejn, li kienu maqsumin f’baġitts ta’ 44% fuq Google, 48% fuq il-midja soċjali, u 8% b’sistema ta’ newsletter emails.  Kampanja diġitali li tippermetti l-faċilta’ li tkun aktar effettiva u effiċjenti, hekk kienet immirata f’reġjuni li jospitaw ajruporti b’konnettività diretta lejn Malta u elementi demografiċi oħra li jaqblu mal-profil tad-destinazzjoni. Kien hemm żewġ fatturi ewlenin li wasslu għad-deċiżjoni ta’ Direct Order. Meta tkun qed tagħmel kampanja mmirata u esklussiva f’pajjiż partikolari, huwa ta’ vantaġġ strateġiku li l-kumpanija li timplimenta l-kampanja promozzjonali tkun propju minn dak il-pajjiż hekk kif tgħolli aktar il-potenzjal tar-riżultati miġjuba ġa ladarba tkun aktar affluwenti mas-suq immirat. Ir-rapport finali tal-kampanja, fid-dawl ta’ dak li ġie investit, wera andament pożittiv ferm hekk kif wasslet għal aktar minn 63,000 klikk dirett. It-tieni raġuni tad-Direct Order, u li tallaċċa ma’ l-ewwel raġuni hija li l-kumpanija ngaġġata għandha esperjenza ppruvata ta’ promozzjoni turistika, anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-gżejjer Maltin.

Direct order ‘Networking Services for CPMR Assembly/Conferences’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Networking Services for CPMR Assembly/Conferences’ li ngħatat fit-8 ta’ Lulju 2024 għall-prezz ta’ €29,935.00 mill-Cultural Heritage Directorate fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw f’din id-direct order?  Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-direct order ingħatat lill-Aurora Bistro Café minħabba li l-konferenza saret fil-Kumpless Aurora (li kien l-unika venue f’Għawdex  li setgħa jilqa 200 delegat), u ma setgħetx toħroġ sejħa għall-offerti minħabba li l-Aurora Bistro Café hu attrezzat biex iservi catering għal konferenza li ġibdet il-fuq minn 200 delegat barrani. L-ispiza ta’ dan il-catering kien jinkludi 3 ikliet u waqfiet għal kafe matul 3 ijiem sħaħ.

Direct Order ‘Networking Services for CPMR European Night in view of the international Conference of Peripheral Maritime Regions’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Networking Services for CPMR European Night in view of the international Conference of Peripheral Maritime Regions’ li ngħatat fit-18 ta’ Ottubru 2024 għal-prezz ta’ €13,750.00 mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ‘Networking Services for CPMR European Night in view of the international Conference of Peripheral Maritime Regions’ kienet tikkonsisti f’riċeviment għal dawk li attendew wirja fit-Teatru Astra.

Direct Order ‘Procurement of barkchips icw the embellishment of Ġnien Wistin Dingli, Xewkija’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Procurement of barkchips icw the embellishment of Ġnien Wistin Dingli, Xewkija’ li ngħatat fl-24 ta’ April 2024 mis-Strategy and Support Division fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ta’ appoġġ lill-Kunsill Lokali fl-aħħar xogħlijiet meħtieġa biex jinfetaħ il-ġnien għall-pubbliku.  Inxtraw dawn il-barkchips biex tingħata dehra isbaħ lil-ġnien u biex jitnaqqas l-ammont ta’ ilma tat-tisqija minħabba li l-barkchips jgħinu biex il-ħamrija żomm iktar umda.  Għal dan il-għan il-Ministeru ma kellux dawk il-kwantitajiet ta’ barkchips biex ikunu jistgħu jitpoġġew madwar il-ġnien kollu.

Direct Order ‘Provision of 10 interpreters in 6 languages, travel and Logistics for the 52nd CPMR Conference’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Provision of 10 interpreters in 6 languages, travel and Logistics for the 52nd CPMR Conference’ li ngħatat fis-16 ta’ Diċembru 2024 mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għat-52 Assemblea Ġenerali tas-CPMR - li ittellgħet f’Għawdex bejn it-2 u l-4 ta’ Ottubru tas-sena 2024 - il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar kien ingaġġa s-servizz ta’ 10 interpreti. Min-naħa tagħhom, dawn l-interpreti kellhom l-irwol li jittraduċu 6 lingwi; Ingliż, Franċiż, Spanjol, Taljan, Grieg u Portugiż. Il-ħlas totali ta’ din id-direct order kien ikopri il-ħidma ta’ dawn l-interpreti waqt din l-Assemblea Ġenerali, u kif ukoll l-ispejjeż tal-vjaġġ u tal-loġistika tal-istess interpreti. Din id-direct order saret skont il-klawsoli tal- Procurement Policy u bl-approvazzjonijiet neċessarji .

Direct Order ‘Clearing of waterway at Għajnsielem near Pjazza tad-Dehra from the great reed (qasab) that is causing a blockage to the same waterway’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Clearing of waterway at Għajnsielem near Pjazza tad-Dehra from the great reed (qasab) that is causing a blockage to the same waterway’ li ngħatat fl-14 ta’ Ottubru 2024 mill-Eco Gozo Directorate fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’talba li rċieva l-Ministeru mingħand il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem, l-istess Kunsill wera l-urġenza li jsir tindif tal-bokka ta’ taħt il-Playingfield Amabile Cauchi li minna jgħaddi l-ilma kollu tal-Wied Simirat u żona sostanzjali min-Nadur. Il-Kunsill kien indika li l-bokka (fetħa ta' tunnel) tinsab totalment mgħaluqa bi pjanti invażivi (qasab), terrapien li akkumula mas-snin u zkuk ieħor. Billi d-direttorat EkoGħawdex kellu diġa il-permessi għat-tindif tal-wied, evalwa l-istess talba u permezz ta’ direct order tqabbad kuntrattur biex isiru x-xogħlijiet mitluba mill-istess kunsill. Fil-kuntest li kien qiegħed joqrob iż-żmien li jista’ jġib miegħu ammont ta’ xita li setgħet toħloq ħsarat u perikli, inħasset l-istess urġenza li għamel referenza għaliha l-istess Kunsill u din kienet il-fattur ewlieni għalfejn ingħatat d-direct order. Dan kien mezz temporanju biex isiru x-xogħlijiet sakemm eventwalment kienet ippublikata s-sejħa pubblika għat-tindif tal-widien madwar Għawdex bir-referenza CT3004/2025.

Uffiċċju tal-Prim Ministru - Impjegati b’diżabilità - Parkeġġi riservati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm parkeġġi riservati għall-impjegati b’diżabilità fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fi ħdan id-dekasteru  tiegħi hemm żewġ parkeġġi riservati għall- impjegati b’diżabilità.

Koppji tal-istess sess- Divorzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru divorzji minn koppji tal-istess sess fl-2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li kien hemm 12-il divorzju minn koppji tal-istess sess irreġistrati mar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta matul l-2025. Infurmat ukoll li ma kien hemm l-ebda divorzju ta’ koppji tal-istess sess irreġistrati mar-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tiegħu u jekk iva, kemm?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward issaħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tiegħu u jekk iva, kemm?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward issaħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.