Ħal Qormi – Triq Amleto Spiteri – assistenza lill-Kunsill Lokali mill-Korp tal-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru permezz tal-Korp tal-Pulizija jipprovdi assistenza lill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi biex jinġabru l-vetturi skrapjati li jinsabu fi Triq Amleto Spiteri kif ukoll biex isir infurzar u jitneħħew il-containers u trakkijiet ipparkjati illegalment bħalma jidhru fir-ritratti li qed jintbagħtu separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li kif dejjem għamlet il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi ser tkompli tassisti lill-Kunsill Lokali tal-istess lokalità, sabiex kull ingombru, inkluż dak imsemmi fil-mistoqsija jitneħħa. Minħabba t-tip u ammont ta’ vetturi u containers li jinsabu fit-triq indikata, dan l-infurzar irid isir bl-assistenza ta’ Dipartimenti oħra peress illi jinħtieġu vetturi attrezzati għat-tneħħija tal-istess vetturi u/jew containers u peress illi wara jinħtieġ spazju fejn dawn jinżammu. Fil-frattemp il-Pulizija tkompli b’rondi regolari fil-lokalità biex jitnaqqsu aktar abbużi.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tinbidel il-bankina ta’ Triq il-Wied Ħal Qormi (il-parti ta’ quddiem il-Klabb tal-Boċċi) hekk kif ġiet imwiegħda lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi f’Mejju 2016?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' titjib fit-triq indikata qed jiġi ppjanat sabiex jitwettaq fiż-żmien li ġej.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4908 dwar meta se jsir l-asfaltar ta’ Triq il-Kanun (il-parti ta’ bejn Triq il-Valletta u Triq is-Sebħ), jista’ l-Ministru jispeċifika meta huwa ppjanat li jsir ix-xogħol hekk kif minn din l-istess triq jgħaddi ammont kbir ta’ traffiku kuljum hekk kif tispara għal ġo triq arterjali u l-kundizzjoni attwali hija ħażina ħafna?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti, ċittadini ta' Malta, li jattendu l-Iskejjel Ewropej, skola b'skola u skont is-sezzjoni lingwistika u ċ-ċiklu (nursery, primarja u sekondarja)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli kif ser nispjega:
L-ewwel tabella turi l-istudenti Maltin li hemm jistudjaw fl-iskejjel Ewropej, kull skola u kull Klassi. M tfisser maternelle (kinder) P hija l-Primarja u S tirreferi għas-sekondarja. S6 u S7 qishom il-post-sekondarja tagħna. Bħala tqassim f'sezzjoni tal-lingwa dawn ġeneralment ikunu fis-sezzjoni tal-Ingliż jew tal-Franċiż. L-informazzjoni preċiża ma jagħtuhiex minħabba data protection u tkun trid tintalab lil kull skola bil-kunsens tal-ġenituri.
It-tieni tabella hija l-istess bħall-ewwel waħda imma tindika lil dawk l-istudenti Maltin li jkollhom ġenituri ta' nazzjonalità mhux Maltija. Għalhekk ikun hemm il-0.5 u l-0.33 li hija s-sistema tagħhom biex jindikaw kemm kull pajjiż ikollu verament studenti tiegħu biex jikkalkulaw il-kontribuzzjonijiet ta' għalliema li kull pajjiż irid jibgħat.
Attachments:PQ 5249 - studenti maltin li jattendu skejjel ewropej.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid ir-raġuni għalfejn il-gwidi liċenzjati, ilhom minn Diċembru bla tag? Jista’ jgħid għalfejn iridu jmorru l-Kalkara għat-tag, b’telf ta’ ġurnata xogħol?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li t-tag li qed jirreferiha għaliha l-Onor. Interpellant, huwa dokument uffiċċjali tal-identita’ għall-gwidi maħruġ mill-istess Awtorita’ hekk kif stipulat mill-liġi. Il-gwidi ġew infurmati li l-validita’ tad-dokument ta’ identifikazzjoni ġiet estiża sakemm id-dokument il-ġdid jiġi pprovdut.
Dwar il-ġbir tad-dokument, ġejt infurmat li l-gwidi ingħataw tlett alternattivi b’ħinijiet estiżi:
1. It-Tnejn, it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mit-0830 sal-1630 mill-Uffiċju tal-Awtorità ġewwa Smart City, l-Kalkara;
2. Il-Ħamis mit-0800 sal-1600 fl-Uffiċju tal-Business First ġewwa l-Imrieħel; kif ukoll
3. Il-possibilta’ li l-gwida j/tibgħat lil xi ħadd għan-nom tiegħu/ha billi jipprovdi awtoriżżazzjoni bil-miktub.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3994, peress li fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu m’hemm l-ebda referenza għall-kumpanija li isimha qed jingħata separatament, jista’ l-Ministru tat-Turiżmu jikkonferma li dan ifisser li huwa m’għandu l-ebda rabta mal-imsemmija kumpanija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi l-ebda rabta.
Negozji, ħwienet jew outlets li huwa involut iċ-Chief of Staff
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3965, jista’ l-Prim Ministru jgħid fejn hemm ippubblikat l-informazzjoni rikjesta f’dik il-Mistoqsija, ċjoè l-lista sħiħa ta’ negozji, ħwienet jew outlets kummerċjali oħra li ċ-Chief of Staff tiegħu huwa involut fihom hu jew il-konjugi tiegħu, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Wieħed jassumi li l-Onor. Membru żgur qara r-rapporti fuq il-mezzi tax-xandir li tant ilu jikkwota.
Bank Ċentrali ta’ Malta – artikli finanzjarji u ekonomiċi miktuba minn impjegati tal-istess bank
Question
Jista' l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar sentejn kemm kien l-ammont ta’ artikli u papers ta’ natura finanzjarja u ekonomika li nkitbu minn impjegati tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, f'liema rivisti ġew ippubblikati, min kienu l-impjegati li kitbuhom u x’kien il-ħlas li ngħata lil kull impjegat għal kull artiklu u paper li kitbu?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
F’April 2014, il-Bank Ċentrali kien niedha skema ta’ inċentivi sabiex jinkoragixxi aktar riċerka u l-publikazzjoni ta’ din ir-riċerka f’rivisti lokali u internazzjonali. F’dawn l-aħħar sentejn, bejn April 2016 u Marzu 2018, inkitbu 19-il working paper u policy notes, u 14-il artiklu u occasional papers. Ir-rivisti li fihom ġew ippubblikati dawn l-artikli u papers huma:
11 - CBM working papers
8 - CBM policy notes
2 - ECB Occasional papers
2 - International Journal of Economics and Finance
1 - International Journal of Housing Markets and Analysis
1 - Applied Economics and Finance
1 - Intereconomics
1 - Journal of International and Comparative Social Policy
1 - Journal of Economic Integration
1 - Economics and Sociology
1 - Mediterranean Journal of Social Sciences
1 - Theoretical and Practical Research in Economic Fields
1 - Journal of Advanced Studies in Finance
1 - International Business Research
1 – Publikazzjoni tal-Bank Centrali Grieg
1 – Quarterly Review CBM
L-impjegati li kitbu dawn il-papers u artikli, kif ukoll l-ammonti mħallsa, huma elenkati hawn taht:
Isem
Ammont
Kif Kitbu il-papers/ artikli
Juergen Attard
166.67
1 co-author
Ian Borg
150.00
2 co-author
Luca Brugnolini
500.00
1 author
Karen Caruana
166.67
1 co-author
Jude Darmanin
500.00
1 author
Reuben Ellul
1,650.00
2 author, 2 co-author
John Farrugia
100.00
1 co-author
Daniel Gaskin
166.67
1 co-author
William Gatt
950.00
3 author, 3 co-author
Tiziana Gauci
300.00
2 co-author
Aaron Grech
2,600.00
3 author, 3 co-author
Owen Grech
400.00
3 co-author
Brian Micallef
7,100.00
9 author, 4 co-author
Bernadette Muscat
750.00
1 author
Christian Pace
500.00
1 author
Noel Rapa
3,500.00
5 author, 4 co-author
Sandra Zerafa
650.00
1 author, 2 co-author
Binja Laparelli tal-Bank Ċentrali ta’ Malta – nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-binja Laparelli tal-Bank Ċentrali ta’ Malta? Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol waqa’ lura, kemm suppost inġabru flus f'penali mingħand il-kuntratturi responsabbli mix-xogħlijiet għal dawk ix-xogħlijiet li ma sarux, jew li ma sarux kif suppost jew li ma sarux fil-ħin? Jista' jgħid jekk kienx hemm penali li ġew maħfura u jekk iva x'kienet ir-raġuni għaliex dawn il-penali ġew maħfura?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Binja Laparelli swiet EUR13,446,952.56 li minnha fadal jitħallas l-ammont ta’ EUR3,522,915.79. Ix-xogħol li waqa’ lura kien fit-tieni fażi ta’ kostruzzjoni. Fuq dan id-dewmien kienu imposti penali li jammontaw għal €102,660.00. L-ebda penali ma ġew maħfura.
Tista’ jekk jogħġobha l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq opri tal-arti mill-Ministeru għal Għawdex kull sena mis-sena 2000 sad-data ta’ meta qed titwieġeb din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli l-informazzjoni tingħata sena b’sena. Tista’ tgħid ukoll:
a. Meta nxtrat din l-opra tal-arti;
b. X’kienet din l-opra;
c. Min kien l-artist;
d. Mingħand min ġiet akkwistata/inxtrat;
e. Il-valur;
f. Fejn ġiet esebita meta nxtrat; u
g. Min kien li ta l-parir lill-Ministru għal Għawdex sabiex tinxtara din l-opra tal-arti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għal dak li ġie kkwotat fil-media lokali fejn intqal li skond il-Eurostat, il-ħlas medju għal siegħa xogħol f'Malta hu kważi €14, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema (separatament) li jitħallsu minn €4 sa €6, minn €6 sa €8, minn €8 sa €10, minn €10 sa €12 u minn €12 sa €14 fis-siegħa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet li jaqgħu taħtu mhumiex responsabbli minn kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż salarju.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – spezzjonijiet fil-kċina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tas-sanità fil-kċina tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar sitt xhur?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saret spezzjoni nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar 2018 mill-uffiċjali tas-sanità fil-kċina tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – sejba ta’ mobile phone f’Diviżjoni 5
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega x'passi ttieħdu wara s-sejba ta' mobile phone fid-Diviżjoni 5 fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin il-ġimgħa li għaddiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li proċeduri ta’ dixxiplina u siġurtà jiġu applikati f’każ ta’ sejba ta’ oġġetti projbiti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Identity Malta — Ċittadinanza b’investiment – aġenziji akkreditati
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-aġenziji akkreditati minn Identity Malta biex ibigħu l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment (IIP)? Jista’ jgħid kemm applikazzjonijiet issottomettew kull waħda minnhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
L-informazzjoni marbuta man-numru ta’ applikazzjonijiet li ssottomettew kull waħda minnhom ma tistax tingħata minħabba raġunijiet ta’ privatezza u protezzjoni tad-data.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — nefqa fuq reklamar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 186 u jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz ta’ media (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) fl-2017 xahar b’xahar sal-lum?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Avukati jew ditti ta’ Avukati li pprovdew xi konsulenzi jew servizzi lill-AirMalta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-avukati jew ditti ta' avukati li pprovdew xi konsulenzi jew servizzi oħra lil AirMalta wara Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza u l-ħlas li sar rispettivament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
Avukati jew ditti ta’ Avukati li pprovdew xi konsulenzi jew servizzi lill-ARMS Ltd
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-avukati li pprovdew servizzi ta' konsulenza jew servizzi oħra lil ARMS Ltd wara Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza u l-ħlas rispettivament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità tal-Ippjanar – Xagħra Għawdex – applikazzjoni għal Construction of New Waste Water Discharge Point
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-iskop tal-applikazzjoni li saret mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-Construction of New Waste Water Discharge Point li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fix-Xewkija Għawdex? Jista’ jgħid fejn eżatt ser isir dan il-Waste Water Discharge Point u kemm art agrikola ser tittieħed għal dan l-iskop? Jista’ jgħid dan l-impjant kif ser jaffettwa r-residenti u l-istabbilimenti kummerċjali li hemm fl-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop ta’ din l-applikazzjoni huwa li jiġi provdut post speċifiku fejn l-operaturi tal-bowsers reġistrati jkollhom fejn jarmu d-drenaġġ fis-sistema.
Dan l-iżvilupp ser ikompli jiffaċilita lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tinforza r-regolamenti għar-rimi tad-drenaġġ u żżid sistema ta’
traceability
fuq kull min ikun qed jagħmel użu minn din il-faċilità.
L-ebda art li bħalissa qed tintuża għal produzzjoni fl-agrikoltura mhi ser tkun qed tittieħed għal dan l-iżvilupp. Għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġi mistqarr f’din l-interpellanza, dan l-iżvilupp ma jistax jitqies bħala mpjant iżda post fejn l-operaturi tal-
bowsers
li jġorru d-drenaġġ jista’ jbattlu dan b’mod sigur.
Ta’ min jgħid ukoll li mhux mistenni li dan il-proġett ikollu effett fuq resdienzi u/jew stabbilimenti kummerċjali.
Tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex biex itaffi l-qagħda ħażina tat-Triq li mix-Xagħra twassal sal-Bajja tar-Ramla?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jiffinanzja parti sostanzjali mix-xogħlijiet għal din it-triq li kienet tagħmel parti minn Proġett Għawdex u li minnu, diversi lokalitajiet f’Għawdex qegħdin u ser igawdu minn tisbieħ u tranġar fit-toroq tul l-2018. It-tender ġie ppublikat, pproċessat u ngħata. Ix-xogħlijiet mistennija li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Il-fondi li alloka l-Ministeru għal Għawdex għal din it-triq huwa ta’ €150,015,05.
Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi – bord tat-tmexxija – laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn mindu twaqqfet l-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi (MRA) kemm-il darba il-Bord tat-tmexxja fi ħdan l-istess MRA, kellu laqgħat sena b’sena ? Kemm minn dawn il-laqgħat tal-Bord kienu dejjem preżenti l-membri kollha, u jekk tul il-laqgħat qattx ittieħed vot u jekk iva, kemm-il darba u dwar xiex?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.