Legislature:
Category:
Reset
Active:

BICC – skema tal-iskills card

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-inizjattivi ġodda li qiegħda tagħmel il-Building Industry Consultative Council (BICC) biex tiżgura li l-iskema tal-iSkill Cards tirnexxi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-BICC qed taħdem sabiex isiru National Occupational Standards għal diversi snajja fl-industrija tal-kostruzzjoni. Hu pjanat li matul din is-sena jinħargu Skill Cards/Professional Cards għal 15-il settur ġdid. L-għan aħħari hu li s-snajja u l-professjonijiet kollha marbuta mal-industrija tal-kostruzzjoni jkunu regolati permezz tal-iskill card/professional card. Meta dan isir, l-iskill card ma tibqax aktar volontarja imma ssir mandatorja għal kull min irid jidħol fuq sit ta’ kostruzzjoni.

BICC – liċenzja tal-bennejja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel il-Building Industry Consultative Council (BICC) flimkien mal-Bord tal-Bennejja fid-dawl tal-fatt li s-settur tal-industrija tal-bini qiegħed dejjem jikber u diversi ħaddiema qed jistaqsu jekk il-liċenzja tal-bennejja għadhiex valida fil-ġurnata tal-lum, speċjalment minħabba li l-kontenut tal-kors biex wieħed jakkwista l-liċenzja ilu snin ma’ jiġi aġġornat? Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex ukoll jilqa’ għall-isfidi ġodda fil-qasam tal-kostruzzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-BICC qed tiltaqa’ mal-Masons Board u ġiet diskussa din il-problema li l-kors mhux aġġornat biżżejjed għalkemm saru xi tibdiliet fih f’dawn l-aħħar xhur. Minn naħa tal-BICC tlestew il-preparamenti biex is-sistema amministrattiva tal-licenzji tibda titħaddem mill-BICC. Dan l-aħħar qed issiru diskussjonijiet mal-BICC fuq diversifikazzjoni tal-ħiliet li llum tinkludi l-industrija tal-bini. Id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u l-Masons Board qed jagħtu l-kontribut tagħhom lill-BICC dwar din il-kwistjoni. Minbarra dawn il-ħiliet varji, il-liċenzja tal-bennej tradizzjonali għadha valida llum u huwa essenzjali li n-nies li huma responsabbli fis-siti tal-kostruzzjoni jkunu esperjenzati u kompetenti mat-teknika tal-bini tagħna, ħiliet u materjali. Is-sillabu eżistenti ġie aġġornat biex jirrifletti bidliet riċenti fir-regolamenti u l-avviżi legali. Barra minn hekk, il-mod li bih qed isir l-eżami nbidel b'tali mod li jirrifletti aktar l-metodi kurrenti tal-assessjar.

Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini – ċertifikati dwar ir-Rendiment tal-Enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ Ċertikati dwar ir-Rendiment tal-Enerġija rreġistrati mal-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini (BRO) minn meta ngħatat bidu tali sistema, sal-lum?

Response (BORG, IAN)

In-numru ta’ Ċertikati dwar ir-Rendiment tal-Enerġija rreġistrati mal-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini (BRO) minn meta ngħatat bidu tali sistema sal-10 ta’ April 2018 huwa ta’ 36,366.

Awtorità tal-Artijiet – applikazzjonijiet online

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif wieħed jista’ japplika online għad-diversi servizzi msemmija fuq is-sit tal-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wieħed jista’ japplika għal diversi servizzi billi jaċċessa s-sit tal-Awtorita’ tal-Artijiet fuq www.landsauthority.org.mt Is-servizzi online tal-Awtorita’ jinkludu formoli elettroniċi, informazzjoni fuq tenders li toħroġ l-Awtorità, struzzjonijiet għal kif tħallas il-kera online fuq is-sit stess, u informazzjoni fuq konsultazzjonijiet pubbliċi. Il-lista ta’ formoli elettroniċi jvarjaw minn applikazzjonijiet għall-tiġdid ta’ permessi ta’ titlu ta’ kera kummerċjali, applikazzjonijiet għal encroachment inkluż imwejjed u siġġijiet, applikazzjonijiet għal kiri ta’ art aġrikola, u oħrajn. Kull formola elettronika tiggwida l-persuna kif għandha tissottometti l-applikazzjoni kif ukoll id-dokumenti neċessarji relevanti għall-applikazzjoni. Ta’ min isemmi wkoll illi fiż-żmien qarib, ser jiżdiedu formoli elettroniċi oħra li jkopru oqsma oħra li jaqgħu taħt il-mandat ta' l-Awtorità tal-Artijiet. Dan kollu qed nagħmluh sabiex intejbu s-servizz u nkunu iktar aċċessibli għall-pubbliku.

Awtorità tal-Artijiet – applikazzjonijiet ipproċessati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ipproċessati applikazzjonijiet mill-bord tal-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi numru ta’ applikazzjonijiet li ġew ipproċessati mill-Bord tal-Awtorita’ tal-Artijiet fl-2017 jammonta għal 1,317.

Xagħra Għawdex – Triq il-Knisja – one way

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex biex parti minn Triq il-Knisja fl-istess lokal issir one way ma ġietx attwata minn Transport Malta u dan minkejja li din id-deċiżjoni ilha li ttieħdet? X’inhi l-pożizzjoni ta' Transport Malta fuq din id-deċiżjoni tal-Kunsill? Fiex wasal il-proċess biex parti minn din it-Triq il-Knisja ssir one way?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba mil-Kunsill Lokali tax-Xagħra sabiex parti min Triq il-Knisja ssir one way għadha ma ġietx approvata minn Transport Malta. Din it-talba għadha qed tiġi kkunsidrata in vista li għadhom għaddejjjin taħditiet bejn l-entitajiet konċernati biex inkunu ċerti li l-effett tagħha jkun milqugħ b’mod pożittiv minn kulħadd.

Malta International Contemporary Art Space – Chairperson u/jew membru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħa għall-pożizzjoni ta’ Chairperson u/jew membru tal-Malta International Contemporary Art Space, u jindika l-kundizzjonijiet finanzjarji mogħtija lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-ħatra tagħha u anke jindika l-esperjenza u l-kwalifiki tagħha li ġew ikkunsidrati għal ħatra tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ftehim kollettiv mal-MUT – żieda lill-edukaturi fl-iSkejjel tal-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-edukaturi fl-iSkejjel tal-Knisja mistennija jieħdu ż-żidiet dovuti lilhom skont il-ftehim kollettiv iffirmat fl-aħħar tas-sena li għaddiet mal-MUT?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u s-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja qablu li s-salarji ta’ Mejju ser jirriflettu ż-żidiet u sa Ġunju l-arretrati kollha jkunu mħallsa. Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-proċess li bih jitħallsu l-gradi tal-edukaturi impjegati mal-Iskejjel tal-Knisja, huwa differenti minn dak tal-gradi tal-edukaturi impjegati fl-Iskejjel tal-Istat. Filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol joħroġ direttament is-salarji għall-gradi tal-edukaturi impjegati fl-Iskejjel tal-Istat, fil-każ tal-gradi tal-edukaturi impjegati mal-Iskejjel tal-Knisja, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jibgħat il-fondi meħtieġa biex ikopri dawn is-salarji lis-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja li mbagħad joħroġ is-salarji tal-edukaturi li jinsabu fl-Iskejjel tal-Knisja.

Persuni li japplikaw għall-permess ta’ residenza biex jagħmlu xogħol volontarju – polza ta’ assikurazzjoni

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 5072 u 5073 jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk dawk il-persuni li japplikaw għall-permess ta’ residenza sabiex jagħmlu xogħol volontarju jew xogħol missjunarju f’Malta, humiex qegħdin jiġu mitluba jagħmlu polza tal-assikurazzjoni tas-saħħa jew humiex qegħdin jiġu eżentati minn dan u jiġu koperti bl-Avviż Legali 201 tas-sena 2004?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat li ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għal permess ta’ residenza temporanju għandu bżonn jippreżenta polza tal-assikurazzjoni. Din tkopri l-applikant jekk kemm-il darba jkollu żżonn assistenza medika f’Malta. Applikanti li jkunu eżentati mill-ħlasijiet skont il-provedimenti tal-A.L. 201 tal-2004 ma jintalbux polza tal-assikurazzjoni minn Identity Malta.

Valletta 2018 – festa l-kbira – stedina lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx stedina lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta sabiex il-Kunsill jattendi għall-kunċert tal-festa l-kbira bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Valletta 2018, u jekk ma kienx hemm stedina, jista’ jgħid ir-raġuni għalfejn ma nħarġitx stedina u min għamel id-deċiżjoni dwar il-persuni li jiġu mistiedna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-avveniment kien miftuħ għal kulħadd. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta huwa awtomatikament mistieden għal kull attività tal-Fondazzjoni Valletta 2018 peress li s-Sindku huwa wkoll wieħed mil-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Valletta 2018 f’isem, u bħala rapprezentant tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Attivitajiet organizzati tal-Valletta 2018 – stedini formali lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jindika kemm-il stedina formali sa issa nħarġet lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għall-attivitajiet organizzati fil-qafas tal-Valletta 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta nħarġulu ammont sostanzjali ta’ stediniet mill-2013 ‘il hawn. Sadanittant nirreferik għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 5217.

Valletta 2018 Foundation – persuni impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għal wara l-31 ta’ Marzu 2019 fil-konfront tal-ħaddiema full u part time kif indikati fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5074 u ċjoè jekk huwiex diġà maħsub li jiġu impjegati f’entitajiet oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif diga gie spjegat ghal diversi drabi b’mod pubbliku, l-Gvern se jkun qed iwaqqaf l-ewwel Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bħala parti mil-legat ta' Valletta 2018, skont kif miktub fil-Manifest Elettorali.

Operazzjoni Urġenti – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jsegwi l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, dwar operazzjoni urġenti li suppost saret fil-ġimgħat li għaddew, iżda ma rċevew l-ebda avviż?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.

POYC – pilloli tal-persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, minħabba li l-pilloli offruta lilha mill-POYC jagħmlulha l-ħsara, u jekk hijiex intitolata għall-pilloli simili b'ditta differenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ ġie segwit.

POYC – servizz ta’ pilloli lill-persuni anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi servizz għal dawk l-anzjani li jużaw is-servizz tal-POYC u li huma taħt is-70 sena u m' għandhomx min iġibilhom il-pilloli d-dar, minħabba li huma kostretti li jibqgħu f'darhom minħabba mard?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema tas-70+ ġiet imnedija fl-2016 u hija provduta fil-lokalitajiet kollha. Sa l-aħħar ta' Frar ta’ din is-sena il-POYC kellu 832 pazjent irreġistrat u li qed jibbenefika minn din l-inizjattiva. Din l-istess skema hija miftuħa għal pazjenti ta' 70 sena jew aktar kif ukoll għal persuni ta’ kull eta’ b'diżabilità rreġistrati mal-KNPD. Ninfurmah ukoll illi dan il-gvern beda jipprovdi servizzi bħal Renal Home Replacement Therapy kif ukoll Oxygen refilling services lill-pazjenti kollha u ta’ kull eta’. Fil-każ tal- Continuous Ambulatory Peritoneal Dialysis (CAPD), dan is-servizz tnieda fl-2016 u minnu ibbenefikaw pazjenti b’ kidney impairment for home dialysis . In-numru ta' pazjenti li jibbenefikaw minn dan is-servizz huwa ta' madwar 80. Is-servizz tal- Oxygen refilling services tnieda fl-2017 għal pazjenti li jsofru minn problemi respiratorji. In-numru ta' pazjenti li jibbenefikaw minn dan is-servizz huwa ta’ madwar 250.

Awtorità għall-Ippjanar — DNOs approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul is-snin kienx hemm applikazzjonijiet magħrufa bħala DNOs li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat nhar ta’ Sibt? Jekk iva, kemm kien hemm tali deċiżjonijiet fl-aħħar għaxar snin?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5229, skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-istess Awtorità approvat sbatax-il DNO (17) nhar ta’ Sibt mill-2008 sal-2017.

Awtorità għall-Ippjanar – summary decisions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm summary decisions, kif inhuma magħrufa issa kif ukoll kif kienu magħrufa qabel bħala delegated applications, li fuqhom ittieħdet deċiżjoni nhar ta’ Sibt mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5230, skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-istess Awtorità approvat elf u tmenin applikazzjoni tal-ippjanar (1,080) tat-tip delegated / summary nhar ta’ Sibt. Infatti fis-sena 2017 il-medja ta’ impjegati li rraportaw għax-xogħol fil-jum tas-Sibt kien ta’ 45 impjegat, u matul din is-sena sa issa l-medja kienet ta’ 53. B’dan il-mod l-Awtorita’ tkun tista’ tagħmel l-almu kollu tagħha biex tlaħħaq mad-domanda li tiffaċċja.

Ħal Qormi – Triq Amleto Spiteri – asfalt tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Triq Amleto Spiteri f'Ħal Qormi (il-parti indikata fis-site plan li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament) se tiġi asfaltata? Dan hekk kif l-istat infrastrutturali tal-istess triq qed iwassal biex iż-żona tattira numru ta’ abbużi fosthom rimi ta’ skart abbużiv, ipparkjar ta' vetturi kummerċjali u karozzi skrapjati, xi ħaġa li ma tixraqx lir-residenti Qriema b’mod speċjali dawk li jgħixu fil-blokka tal-appartamenti biswit l-istess parti tat-triq.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija, u toroq oħra bħalha li qatt qabel ma ġew mibnija u miksija bl-asfalt ser ikunu waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-aġenzija Infrastructure Malta, li ser titwaqqaf hekk kif il-liġijiet dwarha jiġu approvati mill-Parlament u jidħlu fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin. Infrastructure Malta ser ikollha l-fondi u r-riżorsi tekniċi meħtieġa sabiex tibni dawn it-toroq li qatt qabel ma ġew asfaltati.

Kunsill Lokali Ħal Qormi – talba għal devoluzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba għal devoluzzjoni li saret mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi liema talba għal devoluzzjoni se twassal biex il-Mitħna ta’ Ħal Qormi tiġi amministrata mill-Kunsill?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saret il-valutazzjoni tal-propjeta’ msemmijja. It-talba tinsab fil-proċess sabiex jiġi abbozzat il-kuntratt għad-devoluzzjoni.

Ħal Qormi – Triq Amleto Spiteri – tindif

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi assistenza sabiex isir it-tindif neċessarju fi Triq Amleto Spiteri f'Ħal Qormi (eżattament il-parti li tinsab indikata fis-site plan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament), liema triq qed jintrema fiha skart abbużiv fosthom karozzi skrapjati, xi ħaġa li ma tixraqx lir-residenti Qriema b'mod speċjali dawk li jgħixu fil-blokka tal-appartamenti biswit l-istess parti tat-triq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tindif ta’ toroq ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirefferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.