Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #4973 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta’ Pjazza San Franġisk

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4263, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti l-ġodda li saru għall-Pjazza San Franġisk fir-Rabat, Għawdex? Tista' tgħid min kien il-perit li għamel il-pjanti oriġinali fil-leġiżlatura li għaddiet u kemm tħallas għax-xogħol tiegħu? Tista' tgħid min hu l-perit li għamel ix-xogħol fuq il-pjanti l-ġodda u kemm tħallas jew se jitħallas tax-xogħol tiegħu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-perit inkarigat mix-xogħol, huwa wieħed mill-Periti tad-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp (DPD) tal-Ministeru u ma hemm ebda ħlas miżjud mar-remunerazzjoni tiegħu. Qed inpoġġi ukoll il-pjanti relattivi fuq il-Mejda tal-Kamra

Kiri ta' Fire Engines

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il darba nkrew fire engines tad Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili minn kuntratturi privati biex jintużaw biex ixarrbu t-trab fit-twaqqigħ ta’ bini, mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid kemm minn dawn id-drabi kien għal xogħol f'Għawdex u kemm drabi għal xogħol f'Malta? Jista' jgħid min hu l-persuna li jawtorizza biex il-fire engines jinkrew għal dan l-iskop, u kemm hi l-miżata li jħallsu l-kuntratturi biex jinkrew għal dan l-iskop? Kemm daħħal b'kollox id-dipartiment minn dan it-tip ta' kiri minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ilu snin twal jikri l-Fire Engines lil terzi persuni għal diversi raġunijiet. Fl-aħħar 10 snin il-Protezzjoni Ċivili tat 1,263 servizz lill-kuntratturi privati u oħrajn kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dan is-servizz jingħata wkoll permezz tal-one stop shop u jinsab ukoll on line biex il-klijent ikun jista’ jinqeda aħjar u saħansitra jista’ jħallas ukoll on line. Mill-2013 sad-data imsemmija darba biss kien hemm kiri biex jintużaw ħalli jxarrbu t-trab waqt twaqqigħ li huwa l-istess wieħed imsemmi fil-mistoqsija. Peress li dawn l-applikazzjonijiet huma prassi hemm skrivan li jipproċessa dawn l-applikazzjonijiet. Il-prezz ivarja skont is-sigħat mitluba u d-Dipartiment f’dan il-każ tħallas €869.72.

Unjoni Ewropea – Public Prosecutor

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-Public Prosecutor tal-Unjoni Ewropea? X’inhi l-pożizzjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fit-12 ta’ Ottubru 2017, ir-Regolament li permezz tiegħu nħoloq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ġie adottat minn għoxrin Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, li huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, u s-Slovakkja. Malta, flimkien ma’ sebgħa Stati Membri oħra (id-Danimarka, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Olanda, il-Polonja, l-Isvezja, u r-Renju Unit) iddeċidew li ma jissieħbux f’dan l-Uffiċċju, almenu f’dan l-istadju. Fil-każ ta’ Malta, id-deċiżjoni ttieħdet b’mod preliminari sabiex wieħed jara kif l-Uffiċċju se jinġieb fis-seħħ u kif se jitħaddem, qabel ma tissieħeb fih. S'issa dan l-Uffiċċju għadu fi stadju ta’ infanzja bikrija, fejn, għalkemm ġie stabbilit li s- sede tiegħu se tkun ġewwa l-Lussemburgu, m’huwiex mistenni li dan l-Uffiċċju jibda’ jopera b’mod effettiv qabel madwar tliet snin oħra. Il-funzjoni ta’ dan l-Uffiċċju se tkun li jinvestiga u jipprosekwixxi reati kontra l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni Ewropeja. F’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea li saret fid-9 ta’ Marzu 2018 ġewwa Brussell, infurmajt lill-Kunsill tal-Ministri bl-intenzjoni ta’ Malta li tissieħeb f’dan l-Uffiċċju fix-xhur li ġejjin.

Skema ta’ għajnuna għall-kmamar tan-nar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif kif ser taħdem l-iskema ta’ għajnuna għall-Kmamar tan-Nar u jekk hemmx xi rekwiżiti partikolari sabiex dawn ikunu eleġibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-għan ewlieni wara dan il-proġett huwa t-tnedija ta’ skema finanzjarja li tagħti spazju lill-Kmamar tan-nar rispettivi, joħorġu bi u proposti li bihom jaghmlu: · Restawr tal-kmamar tan-nar infushom. · Investiment fl-infrastrutura tal-kmamar tan-nar. · Investiment f’makkinarju u għodda li jiffaċilitaw l-manifattura tan-nar u jagħmlu il-produzzjoni iktar sigura. · Investiment f’makkinarju u għodda maħsuba biex itejbu l-kwalita’ tal-prodott pirotekniku Malti. · Investiment f’apparat u armar biex ikunu jistgħu jaħaqru in-nar b’mod iktar sigur. · Investiment f’riżorsi ta’ tagħlim f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurta’ fil-manifattura tan-nar. · Tisħieh ta’ kollaborazzjoni bejn l-Kmamar tan-Nar Maltin. LINJI GWIDA GĦALL-PROPOSTA TAL-PROĠETT Il-proposta m'għandhiex taqbeż il-500 kelma u għandha tinkludi wkoll deskrizzjoni tal-proġett u baġit . Il-proposta tagħtik l-opportunità li turi f'aktar dettall kif il-proġett jissodisfa l-kriterji ta' valutazzjoni ta’ dan il-fond. Tittieħed deċiżjoni dwar l-iffinanzjar fuq is-saħħa tal-informazzjoni sottomessa. Deskrizzjoni tal-proġett Għandu jiġi pprovdut tqassim dettaljat ta' dan li ġej (fejn applikabbli): Deskrizzjoni Ġenerali: ● Il-kuntest tal-proġett ● L-għanijiet u l-obbjettivi tal-proġett ● Deskrizzjoni dettaljata u konċiża ta' dak li jinvolvi l-proġett, inklużi l-attivitajiet speċifiċi kollha relatati mal-proġett Perjodi ta’ żmien tal-proġett: Ipprovdi tqassim (b'dati indikattivi) tal-fażijiet jew attivitajiet ewlenin tal-proġett. Il-baġit tal-proġett Għandu jiġi pprovdut tqassim dettaljat ta' dan li ġej (fejn applikabbli): Baġit dettaljat tan-nefqa: Dan għandu jinkludi tqassim ta' spejjeż eliġibbli relatati mal-proġett, li jinkludu kemm is-servizzi kif ukoll spejjeż ta' partijiet terzi. Dawn jridu jkunu maqsuma hekk: 60% infiq fuq infrastruttura; u 40% infiq fuq spejjez kurrenti. KONFORMITÀ Lista ta' verifika għall-konformità tal-applikazzjoni tiegħek Obbligatorju 1. Formola tal-applikazzjoni kompleta, iffirmata u datata – tlett kopji (3) oriġinali 2. Kopja tal-karta tal-identità tiegħek – tlett (3) kopji 3. Il-proposta tal-proġett: Il-proposta trid tinkludi deskrizzjoni tal-proġett u baġit tal-proġett - 3 kopji 4. Certifikat ta’ registrazzjoni mal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volantarji – 3 kopji Lista ta' verifika għall-konformità tal-applikant Il-proġetti mhumiex konformi jekk: ● Jiġu sottomessi minn applikanti li mhumiex ċittadini Maltin / fil-pussess ta' permess ta' residenza f'Malta jew karta tal-identità. ● Ma jkunux konformi mall-Ufficcju tal-Kummissarju tal-Ghaqdiet Vonotarji fid-data tal-applikazzjoni u matul il-perjodu kollu tal-progett; ● L-applikazzjoni tingħata wara 12:00 (nofsinhar) tad-data ta’ skandenza rispettiva

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-Fondi Ewropej li bħalissa l-entitajiet taħt id-dekasteru tiegħu huma intitolati għalih? X’qed isir sabiex jiġi aċċertat li kemm jista’ jkun ma jintilfux minn dawn il-fondi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, attwalment, il-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali flimkien mad-dipartimenti, entitajiet u aġenziji tiegħu qed jibbenifikaw minn numru sostanzjali tà Fondi Ewropej allokati lil Malta għall-perjodu 2014-2020. B’kollox qed jiġu implimentati disà u għoxrin (29) proġett, b’investiment tà mhux inqas minn €85.17 Miljuni, fejn €64.39 Miljuni ser ikunu ffinanzjati minn Fondi Ewropej. Dan minbarra li ġew fi tmiemhom tlett (3) proġetti oħra taħt l-istess perjodu, b’nefqa pubblika tà €15.94 Miljun, fejn €14.05 Miljuni huma ffinanzjati minn Fondi Ewropej. F’iktar dettal, il-Ministeru konċernat qed jimplimenta żewġ (2) proġetti taħt il-Fond Nazzjonali għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni, b’allokazzjoni finanzjarja tà €9.19 Miljun, hekk kif taħt l-istess Fond qed jimplimenta proġett ieħor flimkien mà organizzazjoni internazzjonali, b’valur tà €1.25 Miljuni. Hu maħsub, li fuq dawn it-tlett (3) proġetti, Fondi Ewropej ilaħħqu l-valur tà €8.15 Miljuni. Addizzjonalment, il-Ministeru temm proġett taħt il-Fond Nazzjonali Tas-Sigurtà Interna b’nefqa pubblika tà €133 elf, b’ €100 elf ffinanzjat minn Fondi Ewropej. B’referenza għall-Forzi Armati tà Malta, bħalissa qed jiġu implimentati sitt (6) proġetti taħt il-Fond Nazzjonali Tas-Sigurtà Interna, b’allokazzjoni finanzjarja tà €54.76 Miljuni, fejn €41.13 Miljuni ser ikunu ffinanzjati minn Fondi Ewropej. Iżjed minn hekk, f’dan l-istess perjodu, il-Forzi Armati tà Malta temmew b’suċċess żewġ (2) proġetti taħt dan l-istess Fond, b’nefqa pubblika tà €15.81 Miljuni fejn €13.95 Miljuni huma ffinanzjati minn Fondi Ewropej. Il-Korp tal-Pulizija ukoll għaddej b’ħidma biex jimplimenta b’suċċess numru tà proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropeja, b’mod preċiż, tnax (12) il-proġett, b’allokazzjoni finanzjarja tà €7.47 Miljuni fejn €5.67 Miljuni huma Fondi Ewropej. F’iktar dettal, tnejn (2) minn dawn il-proġetti jaqaw taħt il-Fond Nazzjonali għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni b’allokazzjoni tà €1.87 Miljuni fejn €1.4 Miljuni huma Fondi Ewropej, filwaqt li l-għaxra (10) l-oħra jaqaw taħt il-Fond Nazzjonali Tas-Sigurtà Interna, b’allokazzjoni totali tà €5.6 Miljuni fejn €4.27 Miljuni huma Fondi Ewropej. Id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qiegħed jimplimenta proġett (1) ieħor taħt il-Fond Nazzjonali Tas-Sigurtà Interna, b’allokazzjoni finanzjarja tà €0.7 Miljuni fejn €0.53 Miljuni huma Fondi Ewropej, hekk kif is-Servizzi Sigrieti tà Malta qed jimplimentaw proġett ieħor taħt l-istess Fond, b’allokazzjoni finanzjarja tà €0.27 Miljuni, b’€0.2 Miljuni Fondi Ewropej. Bl-istess mod, l-Aġenzija għal-Ħarsien tà Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil qed timplimenta tlett (3) proġetti li jaqaw taħt il-Fond Nazzjonali għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni b’allokazzjoni finanzjarja tà €9.46 Miljuni fejn €7.09 Miljuni huma Fondi Ewropej, filwaqt li l-Kummissjoni għar-Refuġjati qed timplimenta żewġ (2) proġetti oħra taħt l-istess Fond, b’allokazzjoni finanzjarja tà €0.91 Miljuni fejn €0.69 Miljuni huma Fondi Ewropej. Fl-aħħar għandna id-dipartiment tas-servizzi korrettivi fi ħdan il-Faċilità Korrettiva tà Kordin, li qiegħed jibbenefika minn Fondi tal-Unjoni Ewropeja, din id-darba minn fondi strutturali, bi proġett taħt il Programm Operattiv II (il-Fond Soċjali Ewropew), b’allokazzjoni finanzjarja tà €1.16 Miljuni fejn €0.93 Miljuni huma Fondi Ewropej. Tà min isemmi, li dan ix-xogħol kollu jirrikjedi mekkaniżmu, fejn kull proġett għandu dedikat għalih koordinatur (project leader) li ħafna mid-drabi ikun espert fil-qasam fejn l-iskop irid jintlaħaq, assistit minn amministraturi fi ħdan l-istess dipartiment, speċjalment fejn tidħol il-formazzjoni għal-sejħiet publiċi u l-implimentazzjoni tal-istess proġetti, fost proċeduri oħra. Iktar minn hekk, il-Ministeru għandu fi ħdanu tim żgħir t’esperti fl-immaniġjar tà Fondi Ewropej, bl-għan li jimplimenta b’mod dirett il-proġetti tal-Ministeru konċernat, hekk kif joffri konsulenza lil istess koordinaturi matul traġitti differenti. Fuq kollox, l-isfida tà dan it-tim hu, li flimkien mal-koordinaturi tal-proġetti, jikkoordina b’mod effettiv l-andamenti meħtieġa biex jintlaħaq l-iskop tà kull proġett, hekk kif jitlestew fil-ħin stipulat u skond il-baġit allokat għal kull wieħed. Fl-aħħar nett, fl-irwol tiegħi bħala Ministru qiegħed inkun infurmat bl-andament tà kull proġett b’mod frekwenti hekk biex ngħamel żgur lid-deċiżjonijiet importanti jittieħdu fil-ħin.

Membri tal-Korp tal-Pulizija Eżekuttiva – taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk hux maħsub aktar taħriġ għall-membri tal-Korp tal-Pulizija Eżekuttiva?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bħalissa bejn l-Amministrazzjoni tal-Korp u l-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati qed jitfassal programm ta’ Continuous Professional Development għall-membri mhux gazzettjati tal-Korp. Dan it-taħriġ hu mfassal fuq medda ta’ ġimgħa u jagħmel emfasi fuq community policing fost oqsma oħra bhal leġizlazzjoni u suġġetti oħra li l-membri tal-Korp jiltaqgħu magħhom kuljum fil-qadi ta’ dmirijiethom.Fl-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati, jingħata taħriġ ieħor minn żmien għal żmien lill-membri tad-distretti kif ukoll dawk li jservu f’oqsma speċjalizzati, fuq suġġetti varji, fosthom il-vjolenza domestika, taħriġ fl-armi, il-forensika u immigrazzjoni. Dan barra taħriġ mogħti barra minn Malta, fuq bażi individwali, lill-membri tal-Korp f’korsijiet residenzjali, seminars u programmi ta’ skambju organizzati mis-CEPOL, il-Europol, il-Frontex u aġenziji oħra Ewropej.

Liġi ġdida li tirregola l-gwardjani privati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk wasalx iż-żmien li ssir liġi ġdida li tirregola l-gwardjani privati [securities, private guards u bouncers] għal rashom u waħedhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li abbozz ta’ Ligi qiegħed fi stadju avvanzat.

Infurzar biex stabbilimenti jkollhom private guards jew bouncers

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif x’infurzar qed isir sabiex jiġi aċċertat li stabbilimenti, speċjalment ġewwa postijiet ta’ divertiment, ikollhom private guards jew bouncers liċenzjati? Kemm kien hemm spezzjonijiet f’dan is-sens fis-sena 2017 u x’kienu r-riżultanzi minn tali spezzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li f’kull okkażjoni fejn ikun hemm investigazzjonijiet relatati ma’ rapporti jew inċidenti li jikkonċernaw private guards u bouncers f’postijiet ta’ divertiment, il-Pulizija dejjem tindaga biex tistabbilixxi jekk dawn humiex liċenzjati, u fejn jirriżulta fin-negattiv, jittieħdu passi kontrihom.

Il-Mellieħa – Ta’ Masrija – applikazzjonijiet approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien/jew hemm PC applications fuq is-sit magħruf bħala Ta’ Masrija fil-Mellieħa li ġew approvati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu approvati? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokument relatat ma’ dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumnti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn huma l-Planning Control Applications li ġew approvati fuq is-sit magħruf bħala Ta’ Masrija fil-Mellieħa. M’hemm l-ebda applikazzjoni valida li għadha qed tiġi pproċessata f’dan il-mument, li tirrigwarda dan is-sit. PC46/13: “Partial Review of the Ta' Masrija Planning Policy (2006).” – Applikazzjoni mil-MEPA, li ġiet approvata fit-13/08/2015 PC42/15: “Partial change to PC46/13, to include shifting of private open space to create a better design and layout” – Applikazzjoni ġiet approvata fl-04/03/2016 PC21/17: “Partial change to PC 46/13, to include shifting of private open space to create a better design and layout.” - Applikazzjoni ġiet approvata fit-28/08/2017 PC25/17: “Change in alignment in approved PC 46/13 on site in question.” Applikazzjoni ġiet irrifjutata mill-Awtorita’ ta’ L-Ippjanar fl-14/09/2017, iżda approvata mill-Bord ta’ l-Appell fl-01/03/2018

Il-Mellieħa – Ta’ Masrija – applikazzjonijiet rifjutati/spiċċaw quddiem appell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien/jew hemm PC applications fuq is-sit magħruf bħala Ta’ Masrija fil-Mellieħa li ġew rifjutati u li spiċċaw quddiem appell? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokument relatat ma’ dawn l-applikazzjonijiet li ġew rifjutati u jekk/jew sussegwentement dawn l-istess applikazzjonijiet kellhomx id-deċiżjoni tar-rifjut mibdula favorevolment fl-appell?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma l-Planning Control Applications li ġew irrifjutati fuq is-sit magħruf bħala Ta’ Masrija fil-Mellieħa. M’hemm l-ebda applikazzjoni valida li għadha qed tiġi pprocessata f’dan il-mument, li tirrigwarda dan is-sit. PC62/16: “Partial change to PC 46/13 to exclude a small part of the private open space due to aesthetical reasons.” – Applikazzjoni ġiet irrifjutata fil-11/01/2018 PC25/17: “Change in alignment in approved PC 46/13 on site in question.” Applikazzjoni ġiet irrifjutata mill-Awtorita’ ta’ L-Ippjanar fl-14/09/2017, iżda approvata mil-Bord ta’ l-Appell fl-01/03/2018

Slipways fil-konfini tal-Mellieħa — manutenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-islipways li jinsabu fil-konfini tal-Mellieħa li fost l-oħrajn jinkludu dawk tal-Għadira, iż-żona tat-Tunnara, Triq it-Trill, ix-Xatt ta’ Santa Maria, il-Mistra, l-Aħrax, l-Armier, it-Torri l-Abjad, iż-Żona Ramla ta’ Kejli, il-Marfa u ċ-Ċirkewwa jsirilhom il-manutenzjoni meħtieġa qabel ix-xhur tas-sajf?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta fasslet pjan ta’ xogħlijiet għall-manutenzjoni ta’ numru ta’ slipways f’lokalitajiet diversi. Fil-preżent għaddejjin xogħlijiet fuq slipways f’ Baħar iċ-Ċagħaq kif ukoll fil-Ġnejna. Ix-xogħol fuq slipway tal- Exiles ġewwa tas-Sliema mistenni li jinbeda fil-futur qarib, wara li għadu kemm ġie ffinalizzat il-proċess ta’ evalwazzjoni tat-tender għal dawn l-istess xogħlijiet. Bħalissa għaddej ukoll il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ sejħa għall-offerti li ġiet ippubblikata għal xogħlijiet ta’ restawr fuq 10 slipways ġewwa l-lokalita’ ta’ M’Xlokk. Dan filwaqt li diġà ġew sottomessi applikazzjonijiet mal-PA u mal-ERA għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq slipways oħrajn fostom ġewwa l-Marfa, B’Buġia u l-Qawra. Transport Malta hija kommessa sabiex tkompli għaddejja b’din il-ħidma ta’ manutenzjoni fuq siti oħrajn li jinħtiegu dan it-tip ta’ xogħlijiet.

Slipways fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Salini — manutenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-islipways li jinsabu fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u s-Salini jsirilhom il-manutenzjoni meħtieġa qabel ix-xhur tas-sajf?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5124 tal-istess Seduta.

In-Naxxar – Vjal il-Labour Junction ma’ Triq Franġisku Pisani – xogħol fuq bini ta’ roundabout

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq bini ta’ roundabout fit-tarf ta’ Vjal il-Labour junction ma’ Triq Franġisku Pisani fin-Naxxar, liema roundabout ilha tintalab għal dawn l-aħħar sentejn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett infrastrutturali biex tinbena r-roundabout imsemmija huwa ppjanat li jibda jitwettaq fil-ġimgħat li ġejjin.

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk intalabx permess jew parir mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali għall-sparar fuq il-ħamiem fid-dawl tax-xemx fil-Birgu? Jekk intalab permess, minn min intalab u x’kienet ir-risposta tad-Direttorat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa rrispondejt f’Mistoqsijiet simili fil-leġislatura li għaddiet, skont l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali (Kapitlu 439) Artiklu 48 tal-Liġijiet ta’ Malta, l-kontroll tal-pesti mhumiex regolati mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lil Ministru kkonċernat. Jingħad ukoll li għas-skans ta' dubji, d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ma ta l-ebda permess f'dan ir-rigward.

Birgu – qtil tal-ħamiem

Question

B’referenza għall-qtil tal-ħamiem fil-Birgu, liema ordni jidher li saret mill-Kunsill Lokali tal-Birgu, filwaqt li nifhem li l-ħamiem fi kwantità hu pest li jrid jiġi kkontrollat, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkunsidrati metodi oħra li jeżistu kif jiġi kkontrollat l-ammont ta’ ħamiem liema metodi alternattivi m’humiex daqstant krudili?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Birgu li allegatament kien wara d-deċiżjoni li jsir sparar fuq ħamiem fid-dawl tax-xemx, talabx parir professjonali biex jiġi kkontrollat l-ammont ta’ ħamiem fil-Birgu u jekk iva lil min talab?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #5161 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

B’referenza għall-isparar fuq il-ħamiem li sar fid-dawl tax-xemx fit-toroq tal-Birgu, għalkemm hemm metodi oħra anqas krudili kif jiġi kkontrollat il-ħamiem li meta jkun fi kwantità hu pest, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu li dan l-isparar sar fid-dawl tax-xemx fit-toroq tal-Birgu quddiem tfal li raw b’għajnejhom il-ħamiem jaqa’ mal-art wara li jiġu sparati tiri fuqu u jibqa’ jirtogħod sakemm imut (filmat tat-Times of Malta)? Barra li dan il-fatt hu kundannabbli fin innifsu, jaħsibx il-Ministru li hu ferm aktar gravi meta dan l-isparar fuq ħamiem sar proprju meta t-tfal tal-iskola kienu fil-vaganzi tal-Għid?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan il-każ kif spjegata fl-istqarrija tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima maħruġa permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni - PR 180722.
Leg 13 PQ #5162 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

B’referenza għall-qtil barbaru li sar fil-Birgu quddiem tfal fl-età tal-iskola meta ngħatat ordni biex il-ħamiem jinqatel permezz ta’ sparar fuqu, jaħsibx il-Ministru li dan jikkontrasta sew ma dak li qed jiġi mgħallem fl-iskejjel tagħna biex it-tfal iħobbu u jitrattaw sew lill-annimali u li dak li sar fil-Birgu jmur kontra d-diversi inizjattivi li jsiru fl-iskejjel tagħna biex it-tfal jiġu mgħallma jħobbu l-annimali u inizjattivi oħra simili biex tinħoloq kultura fost it-tfal kontra l-moħqrija tal-annimali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 5161.

Sparar fuq il-ħamiem – investigazzjoni mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jispjega jekk il-Pulizija hux ser tieħu passi kontra min ta l-ordni li jsir sparar fuq il-ħamiem bil-konsegwenza li dan beda jaqa’ mal-art u jmut bil-mod meta dan jammonta għall-moħqrija fuq l-annimali? Għalkemm nifhem li ammont kbir ta’ ħamiem hu pest iżda billi hemm metodi oħra kif jiġi kkontrollat il-ħamiem li huma anqas krudili, qed issir investigazzjoni mill-pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpelant li l-informazzjoni mitluba għandha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 13 PQ #5167 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Airmalta – refunds, ħlasijiet żejda tal-crew, leasing hotel u ikel mogħti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew komplessivament ir-refunds, il-ħlasijiet żejda ta’ crew, il-leasing hotel u l-ikel mogħti fix-xhur ta’ Frar u Marzu 2018 fl-Airmalta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4998, u ninfurmah li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.