Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #5180 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ta’ Ċenċ — Bini ta’ vilel

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk intlaħaqx ftehim jew le bejn il-partiti l-kbar biex isir il-bini ta’ vilel f’Ta’ Ċenċ u jekk, biex iseħħ daqshekk, kienx hemm ksur tal-liġijiet dwar il-Finanzjament ta’ Partiti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhix kompetenza tal-partiti politiċi li jiddeċiedu dwar is-suġġett imsemmi.

Prezz tal-petrol

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex hawn Malta l-prezz tal-petrol, qabel il-ħlas tad-dazji u t-taxxi, huwa t-tieni l-għola fl-Unjoni Ewropea, wara dak tad-Danimarka, skont il-Bulletin taż-Żejt ta’ kull Ġimgħa tal-Kummissjoni Ewropea? Dan il-prezz jinkludi l-qliegħ. Jista’ jgħid kemm qiegħda tagħmel qliegħ l-Enemed Company Limited fuq il-petrol? Qegħdin jitħallsu xi commissions? X’inhi r-raġuni li l-prezz tal-petrol hawn Malta huwa ta’ 56.079 ċenteżmi ta’ ewro il-litru qabel id-dazji u t-taxxi, li huwa 6.73 ċenteżmi ta’ ewro aktar mill-medja Ewropea? Hemm xi raġuni għalfejn il-prezz tal-petrol hawn Malta, qabel id-dazji u t-taxxi, huwa kważi 10 ċenteżmi ta’ ewro għola minn dak tar-Renju Unit?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prezz tal-petrol (eskluż il-ħlas tad-dazji u t-taxxi) għandu diversi komponenti li jinkludu: · Il-prezz li jinxtara bih mir-raffineriji jew trading companies skont il-kuntratt li jigi negozjat mill- Procurement Committee . Ta’ min jgħid ukoll li l-prezz tal-petrol jinxtara bid-Dollaru Amerikan. · Ir-rata tal-kambju bejn id-Dollaru Amerikan u l-Ewro. · L-Ispejjeż tal-operat tal-Enemed. · Il-prezz tal-komponent tar- renewable source skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja għal Malta biex jintlaħaq ir- Renewables Target. · Il-qliegħ li tagħmel il-kumpanija Enemed. · Il-qliegħ massimu li jagħmlu s-sidien tal-pompi tal- Petrol minn fejn jinbiegħ il-fjuwil. · Il-miżata annwali li titħallas lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. · U l-ispejjez tas- Security Stock kif obligat li jkollu l-pajjiż. Kif mistenni, l-ikbar komponent fil-prezz finali huwa l-prezz li jinxtara bih il- petrol minn terzi. Dan il-prezz ivarja skont l-istaġuni speċjalment bejn ix-Xitwa u s-Sajf, fejn fis-Sajf, il-prezz jogħla internazzjonalment minħabba d-domanda kbira għalih mis-suq Amerikan. Apparti l-istaġjonalita’, il-prezz jiddependi ħafna ukoll fuq fatturi oħrajn fosthom il-konsum annwali tal-pajjiż, il-kwantitijiet li jiġu ordnati ( ordering patterns ), il-mezz ta’ trasport li bih jasal fil-pajjiż, ir-regjun fejn ikun irid jitwassal u finalment in-numru ta’ kumpaniji li lesti jwasslu l-prodott fil-post fejn ikun meħtieġ. Peress li l-Onor. Interpellant għoġbu jqabbel il-prezz tal- petrol mal-medja Ewropeja u anke speċifikament ma’ dak tar-Renju Unit, skont ir-rapport intitolat ‘’Oil Bulletin Prices History – Consumption Worksheet’’ u li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, Malta għandha l-inqas konsum ta’ Petrol mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropeja, fejn Malta tikkonsma 77 elf tunellata (fl-2016) li jekk tqabblu mar-Renju Unit jiġi 149 darba inqas. Ta’ min jgħid ukoll li l-Enemed għandha l-limitazzjoni ta’ kemm tista’ taħżen Petrol li hu mhux aktar minn sitt ġimgħat. Dan iffisser li d-‘ ’delivery parcels ” irridu jkunu iżgħar minn kemm ekonomikament kumpanija jkun jaqblilha. Barra min hekk, hemm fattur ieħor li huwa l-qies tal-vapuri li jkunu jistgħu jitrakkaw mal-moll biex iħottu l- Petrol , jirristrinġi l-kwantita’ li tkun tista’ tinġarr u tinħatt. Peress li dawn il-kwantitajiet huma żgħar meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra (fejn id-domanda u l-faċilitajiet tal-port huma ħafna ikbar), il-prezz jiġi ogħla. Il-maġġoranza tal-pajjizi fl-Ewropa inkluż ir-Renju Unit mhux neċessarjament jużaw il-baħar biex jittrasportaw il-fjuwils iżda jagħmlu użu minn network ta’ pipelines jew trasport bl-art. Meta tqabbel dawn il-mezzi ta’ trasport mal-baħar, dan huwa l-aktar mezz li jiġi jiswa l-flus. Teżisti differenza ukoll fil-prezz jekk il-fjuwil iridx jitwassal fl-Ewropa Kontinentali jew fil-Mediterran. Fil-fatt, il-prezz li jiġi mixtri bih il- petrol huwa FOB Med (Freight on board) fejn dejjem hemm dak il-“ premium ” aktar milli jkun għal reġjuni oħra fl-Ewropa. Mhux kull kumpanija jew raffinerija taż-żejt lesta li tbiegħ il- petrol li tipproduċi fir-Reġjun tal-Mediterran bil-baħar minħabba l-fatt li kif semmejt qabel, peress li l-ispejjeż għal-kumpaniji jkunu ogħla, ma jkunux kompettitivi biżżejjed b’hekk ħafna minnhom jagħżlu li ma jikkompetux f’dan ir-Reġjun. Huwa proprju għal dawn ir-raġunijiet li semmejt li l-prezz tal- petrol f’ Malta huwa ogħla mill-bqija tal-medja Ewropeja. L-informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ kemm l-Enemed qed tagħmel qliegħ minn fuq il- petrol pgħandha valur kummerċjali u sensittiva għal Enemed Co. Ltd. Minħabba f’hekk, l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija. Madanakollu nixtieq inżid li l- mark-up li tagħmel l-Enemed, ilu ma jiġi aġġustat għal dawn l-aħħar 20 sena u dan proprju baqa’ kif kien fi żmien l-Enemalta Corporation. B’riferenza għall-mistoqsija jekk hux qed jitħallsu xi “ commissions ”, ninsab infurmat li l-Kumpanija Enemed la qatt ħallset u l-anqas qatt mhu ser tkun qed tħallas commissions li xi aġenti kemm Maltin kif ukoll barranin. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija fejn qed isir tqabbil mar-Renju Unit, kif diġà spjegajt, il-fatt li d-domanda għal Petrol fir-Renju Unit hija 149 darba aktar minn Malta u wkoll minbarra r-raġunijiet oħrajn li diġà tajt, hi biżżejjed biex il-prezz ikun orħos minn pajjiżna. Ngħalaq billi nippreċiża l-fatt li għalkemm l-impressjoni li tista’ tingħata minn din l-Interpellanza hija li l-konsumatur Malti qed iħallas aktar għal petrol meta mqabbel mal-medja Ewropeja (għax wara kollox il-konsumatur iħallas il-prezz li jinkludi d-dazji u taxxi oħra), il-prezz tal- petrol hawn Malta ilu ta’ l-anqas 15-il xahar orħos minn dak li jħallsu għalih ċittadini oħra fl-Unjoni Ewropeja. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ukoll tabella (Numru 2) fejn jidher ċar li l- policy ta’ stabilita’ li adotta dan il-Gvern qed jibbenefika bil-kbir minnha l-konsumatur Malti.

Enemed – offerti għax-xiri tal-petrol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed tistenna l-Enemed biex tibda tħabbar l-offerti tagħha għax-xiri tal-petrol fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, biex issib l-orħos prezz, kif jagħmel il-Kumitat tal-Kuntratti?

Response (MIZZI, JOE)

M’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li diġa’ tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3919 magħmula mill-istess Interpellant.
Leg 13 PQ #5183 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Bank investigat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4609 dwar bank investigat, għalkemm nifhem li l-Ministru jista’ jkollu żball għax l-entitajiet msemmija jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, jekk ma jaqgħux taħt il-Minsiteru tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid taħt liema Ministeru jaqgħu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li l-entità msemmija fil-mistoqsija parlamentari 4609 ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Bejjiegħa tal-Monti tal-Belt Valletta u tar-Rabat Għawdex — kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm li jwasslu sabiex bejjiegħa fuq il-monti tal-Belt Valletta ikunu mogħtija kumpens biex jirtiraw il-permess tagħhom bħalha bejjiegħa tal-Monti tal-Belt? Jista' jgħid xi pjanijiet hemm sabiex iwasslu li bejjiegħa tal-Monti li kienu jarmaw fil-Pjazza tat-Tokk fir-Rabat, Għawdex, ikun mogħti kumpens biex ikunu mħajra jirtiraw il-permess tagħhom ta' bejjiegħa tal-Monti fil-post indikat? Jista' jgħid f'kull każ kien se ikun il-kumpens maħsub?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità tal-Artijiet – proċess ta’ scanning

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ scanning mill-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet għandha ‘l fuq minn 250,000 fajl li jammontaw għal aktar minn 25 miljun dokument li jridu jiġu proċessati biex jiġu diġitalizzati. L-Awtorità nediet dan il-proġett ġdid fejn qed jiġu analizzati dawn il-fajls u d-dokumenti, kif ukoll oħrajn ġodda. Għal dan il-għan, l-Awtorità daħlet fi ftehim ma' MaltaPost biex din tal-aħħar twettaq parti minn dan il-proċess. Il-bqija tal-fajls u tad-dokumenti qed jiġu scanned internament mill-impjegati tal-Awtorita’. L-Awtorità tal-Artijiet qed tippjana wkoll sabiex tiġi implimentata sistema ta’ Radio-frequency identification (RFID) illi awtomatikament tidentifika u ssegwi l-fajls fil-bini permezz ta’ tikketta elettronika. Il-proċess tal-iscanning beda f’Jannar 2018 ġewwa Għawdex u f’Marzu ġewwa Malta.

Valletta 2018 Foundation – persuni ngaġġati bħala konsulenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5075, jista’ l-Minsitru jgħid min huwa dan il-konsulent?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan il-konsulent huwa Dott. Jean Pierre Magro. Dott. Magro għandu dottorat mill-Università ta’ Exeter fi Transmedia Narrative li huwa suġġett li għandu x’jaqsam b’mod dirett mal-komunikazzjoni. Huwa ħadem ma’ diversi universitajiet u istituzzjonijiet ta’ livell terzjarju madwar id-dinja, inklużi l-London Film School u l-Università ta’ Southern California. Ħadem ukoll bħala kittieb ta’ film scripts fosthom ta’ film li kien ikkunsidrat għall-Oscars f’fażi preliminarja. Ta min jirrimarka illi Dott. Magro pproduċa żewġ films fl-Ingilterra u numru ta’ dokumentarji li rebħu diversi premjijiet kif ukoll ħadem f’kumpaniji tal-produzzjoni tal-films fl-Istati Uniti u fi Spanja u għandu kollaborazzjonijiet attivi ma’ organizzazjonijiet diversi fil-qasam tal-publikazzjoni fuq bażi internazzjonali. Dott. Magro jservi wkoll ta’ evalwatur prinċipali tal-programm Creative Europe fuq l-oqsma tal-film u t-televiżjoni.

żwiemel imdaħħla taħt il-kustodja tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żiemel ġie mdaħħal taħt il-kustodja tal-Pulizija fl-2017 u s'issa, fl-2018? Jista' jgħid minn fejn ġew meħuda dawn iż-żwiemel?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li d-dettalji kollha dwar żwiemel li ddaħħlu taħt il-kustodja tal-Pulizija fis-sena 2017 u din is-sena sal-lum, kienu l-istess żwiemel imsemmija fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet ħarlamentari 5066, 5067 u 5068, tal-istess Interpellant. Dawn inżammu fil-kustodja tal-Pulizija wara Eviction order li nħarġet fuq post fejn kienu miżmuma, fil-Biżbiżija.

Reviżjoni ta' kont tad-dawl u ilma — każ ta' persuni

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jivverifika mill-ġdid permezz ta' Water Services talba li saret lill-koppja anzjani biex iħallsu stima ta' kont tal-ilma li skont il-WaterServices din l-istima ta' aktar minn €1,000, ġiet mitluba għaliex minħabba ħsara fl-arloġġ, kien hemm konsum li qatt ma tħallas? Peress li għall-koppja anzjani li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, l-ammont li ġiet mitluba tħallas huwa għali wisq, jista' l-Ministru jitlob li jkun hemm rikonsiderazzjoni tal-ammont mitlub?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ammont mitlub mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (dak ta’ €1,067.04) jirrispekja reviżjoni għal perijodu ta’ 1771 ġurnata li matulhom is-Sinjuri msemmija ma kienux ġew mitluba ħlas għal konsum. Għaldaqstant il-kont maħruġ huwa ġustament dovut. Ta’ min jgħid li jeżistu mezzi kif wieħed jista’ jasal fi ftehim mal-ARMS biex jitħallsu kontijiet pendenti.
Leg 13 PQ #5270 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali — impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kellha jew għandha impjegati magħha l-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali sena b'sena mit-twaqqif tagħha fis-sena 2015? Jista' jagħti l-kariga ta' kull impjegat u d-dati ta' bidu tal-impjieg ta’ kull impjegat mal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-taghrif mitlub huwa fil-lista annessa: Bidu tal- Impjieg Kariga Numru ta’ Impjegati 1 ta’ Marzu 2017 Kap E¿ekuttiv 1 20 ta’ Marzu 2018 Kap (Finanzi) 1 26 ta’ Marzu 2018 Kap (Operat) 1 9 ta’ April 2018 Manager (Corporate Services) 1 Total 4
Leg 13 PQ #5271 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali – direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat mill-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, inkluż id-data, il-valur u l-isem tal-persuna u tal-kumpaniji li lilha ngħatat, mis-sena 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat li l-ebda direct order ma ngħata mill-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali mis-sena 2015 sad-data li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari .
Leg 13 PQ #5272 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali – persons of trust

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il person of trust hemm jew kien hemm fl-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali mis-sena 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti l-kariga ta' kull person of trust u d-data ta' meta bdiet taħdem mal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat li l-Aġenzija ma mpjegat l-ebda person of trust magħha mis-sena 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari. Kull impjegat inkluz l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv intagħżlu u gew ingaġġati mal-Aġenzija wara sejħa pubblika.
Leg 13 PQ #5273 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali – position of trust

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il position of trust hemm jew kien hemm fl-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali mis-sena 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti deskrizzjoni ta' kull position of trust u d-data ta' meta l-persuni li jokkupawhom, bdew jaħdmu mal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat li l-Aġenzija ma mpjegat l-ebda person of trust magħha. Kull impjegat, inkluż l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, intagħżlu u ġew ingaġġati mal-Aġenzija wara sejħa pubblika.
Leg 13 PQ #5274 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali – Ftehim dwar l-Operat tal-Aġenzija

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ftehim dwar l-Operat tal-Aġenzija li abbażi tiegħu jitwettaq l-operat tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali skont dak li jipprovdi l-artikolu 8 tal-Ordni dwar it-Twaqqif tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (Leġislazzjoni Sussidjarja 497.12) u l-artikolu 40 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Tweġiba tingħata f’seduta ohra.
Leg 13 PQ #5275 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali – struttura organizzattiva

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tabella organizzattiva li turi l-istruttura organizzattiva tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mosta – Bini mill-ġdid ta’ bankina fi Triq il-Kbira

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex immedjatament u bl-akbar urġenza, jitneħħa kull periklu wara t-tneħħija tal-bankina fejn qed tinbena binja quddiem il-bus stop immarkat “Tal-Qliegħa” fi Triq il-Kbira, il-Mosta, sabiex jiġu evitati inċidenti, anke serji, ladarba issa m’hemmx bankina peress li din saret parti mill-binja u allura ma baqa’ l-ebda spazju minn fejn jistgħu jimxu n-nies? Peress li f’mistoqsija parlamentari preċedenti fuq dan is-suġġett, mistoqsija numru 4544, il-Ministru infurmani li Transport Malta qed tevalwa t-talba tal-iżviluppatur li ssir bankina, jista’ jgħid kienx hemm żvilupp minn dakinhar, peress li issa għadda aktar minn xahar minn mindu ngħatat it-tweġiba fil-5 ta’ Marzu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan hu permess temporanju tal-bini u għaddejja diskussjoni bejn Transport Malta u l- Kuntrattur sabiex tinstab soluzzjoni biex il-pubbliku ma jinżilx mill-bankina u jekk jinżel dan isir b’mod sigur.

Mosta – Bini mill-ġdid ta’ bankina fi Triq il-Kbira

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa b’mod urġenti sabiex jitneħħa għal kollox il-periklu li hemm quddiem żewġ bus stops immarkati “Qliegħa” fil-Mosta f’tarf ta’ Triq il-Kbira fid-direzzjoni lejn l-Imġarr, għaliex fuq l-ebda naħa tat-triq ma hemm bankina u dan qed joħloq periklu għall-persuni li jkunu jridu jitilgħu jew jinżlu minn vettura tat-Trasport Pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5282.

Salini – tindif ta’ kanal

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-kanal li hemm fiż-żona tas-Salini li jaqa’ taħt il-Valley Management jiġi mnaddaf mill-alka u materjal ieħor peress li dan qed joħloq inkonvenjent lir-residenti li jgħixu fl-akkwati kif ukoll lil nies oħra li jgħaddu mill-istess żona?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif tal-kanal tas-Salini jaqa’ taħt ir- responsabbiltà tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, għaldaqstant l-Onor. Interpellant għandu jirefferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – periklu minn sit ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-periklu li hemm kawżat minn sit ta’ kostruzzjoni li jinsab bejn l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali u l-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi Triq San Pawl f’San Pawl il-Baħar, jiġi rimedjat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-iżviluppatur laħaq ftehim mal-Kunsill Lokali msemmi sabiex jinħoloq culvert li permezz tiegħu ilma li jkun qed joqgħod fit-triq jaqleb lejn il-baħar u għaldaqstant l-imsemmi ħajt mhux possibbli li jitneħħa qabel isiru x-xogħlijiet imsemmija peress li l-interventi li ser isiru jafu jkunu kaġun ta’ xi nċident.

Is-Servizz “Managing Abusive Behaviour”

Question

Jista’ l-Ministru jindika fid-dettal fiex jikkonsisti l-programm “Managing Abusive Behaviour”? Meta ġie mwaqqaf dan il-programm u kemm kien hemm persuni li ħadu sehem biex isolvu l-problema tagħhom? X’għandu wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dan il-programm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, s-servizz tal-Managing Abusive Behaviour, ġie mwaqqaf fl-1999. Dan is-servizz jassisti persuni li jkunu abbużivi u vjolenti fl-imġieba tagħhom. Parti mis-servizz jaħdem ma’ irġiel li jkunu abbużivi u vjolenti lejn is-sieħba tagħhom. Dawn l-irġiel jiġu mgħejjuna professjonalment biex jaħdmu fuq l-attitudni abbużiva tagħhom, kemm fuq bażi individwali kif ukoll fi grupp. Dan is-servizz jaħdem mill-qrib mas-servizz tal-vjolenza domestika sabiex tingħata informazzjoni fuq il-progress tal-persuna abbużiva. Fl- 2016, dan is-servizz ġie estiż ukoll għan-nisa. Fl-2017 ġie mniedi ukoll is-servizz Child to Parent Violence, bil-għan li nindirizzaw ukoll l-attitudni abbużiva ta’ minuri fuq il-ġenituri tagħhom. Dawn il-minuri qed ikunu segwiti u mgħejjuna b’mod profesjonali u jaħdmu flimkien fuq diffikultaijiet u trawmiet li setgħu waslu lil minuri ikunu vjolenti. Dan is-servizz qed ikun provdut flimkien mas-Psychological Services, l-Family Therapy u l-Home Based Therapy Services. Magħtul is-sena 2017, 6 minn 12-il raġel li bdew il-programm fis-sena 2016 temmew il-kors b’suċċes, filwaqt li f’Novembru tas-sena 2017, 14-il participant ieħor bdew il-programm li huwa twil 26 ġimgħa. B’kollox ġew riferuti 6 nisa għal programm immirat lejn il-mara, madanakollu kien hemm biss mara waħda li kienet eleġibbli u li aċċettat l-għajnuna. Hekk kif il-programm Child to Parent Violence għadu pjuttost ġdid, għadu kmieni biex wieħed jgħid kemm ġew irriferuti nies għal dan is-servizz. Madanakollu, fl-2015, l-Aġenzija Appoġġ kienet diġà ġiet mgħarrfa b’100 każ fejn kien hemm vjolenza mit-tfal, fuq il-ġenituri tagħhom.