Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċertifikati tal-mewt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3022 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u li ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn jistgħu jinsabu u jinġiebu ċertifikati tal-mewt li jkunu tas-seklu 19 (madwar is-snin 1880)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

GU Clinic

Question

B’referenza għal mard li jittieħed mis-sess, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il każ ta’ mard sesswali attendew il-Genio-Urinary Clinic? Jista’ jgħid liema huma l-aktar kundizzjonijiet komuni? Kemm kien in-numru ta’ żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena li attendew il-GU Clinic fis-sena 2017? Jista’ jgħid kemm-il każ ta’ HIV ġie identifikat fis-sena 2017? Malta għadha kkunsidrata li għandha epidemija f’dan ir-rigward? X’miżuri qed jittieħdu? Jista’ jgħid jekk f’Għawdex hemmx ċentru speċjalizzat f’dan il-qasam?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru totali ta’ konsultazzjonijiet fil-GU Clinic fl-2017 kien ta’ 5864 li minnhom 107 kienu żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena. L-iktar tlett kundizzjonijiet komuni fl-2017 kienu l- warts , chlamydia u l- herpes. Matul l-2017 ġew identifikati 45 każ ta’ HIV. Id-Dipartiment tas-Saħħa kontinwament qed iżid l-għarfien sabiex iktar nies jiġu ttestjati u jibdew il-kura meħtieġa, kif ukoll qed issir emfażi kbira biex isir il-contact tracing. Ġew introdotti, Rapid testing b’xejn għall-HIV fil-klinika tal-GU kif ukoll self tests li huma disponibbli għall-pubbliku mill-ispiżeriji fil-komunita’. Barra minn hekk għaddejjin kampanji ta’ promozzjoni dwar is-saħħa sesswali biex tiżdied il-prattika ta’ sess sikur u biex nippromwovu ukoll rapid testing għall-HIV. Tajjeb li ninfurmah illi qed tiġi mfassla strateġija dwar l-HIV biex titratta oqsma relatati ma’ prevenzjoni, testjar, trattamenti u kura fit-tul.

Sptar Mater Dei – pazjenti self discharged

Question

Peress li hija l-prassi li pazjenti li huma self discharged ma jingħatawx discharge letter mill-iSptar Mater Dei, u dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni joħloq diffikultajiet kbar lill-tobba fil-komunità, għax dawn il-pazjenti jkunu vulnerabbli aktar minn oħrajn u ġeneralment tkun ferm diffiċli biex isegwi sew iċ-ċirkostanzi, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din il-prassi tinbidel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull pazjent li jkun discharged b’mod formali mill-isptar Mater Dei jingħata discharge letter. F’każ ta’ pazjent ‘discharged against medical advice’ l-pazjent jista’ jitlob kopja tal-file mediku tiegħu għal użu tat-tabib tal-familja.
Leg 13 PQ #5276 Sitting 102 2018-04-18 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali – uffiċjal Kap Eżekuttiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' impjieg tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Id-dettalji tal-pakkett ta’ remunerazzjoni qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv intagħżel wara li l-Bord tal-Gvernaturi kien ħareg sejħa pubblika.
Leg 13 PQ #5277 Sitting 102 2018-04-18 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord ta’ Gvernaturi tal-Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali — laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa tal-Bord ta’ Gvernaturi tal-Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali saret sena b'sena mis-sena 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Prim Ministru jagħti d-dati ta' meta saret kull laqgħa u jindika l-membri tal-Bord tal-Gvernaturi li kienu preżenti għal kull waħda mil-laqgħat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif mitlub mill-Onor Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #5278 Sitting 102 2018-04-18 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali – proġetti u inizjattivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema proġetti u inizjattivi oħra kien u/jew huwa involut il-Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali mis-sena 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien l-involviment tal-Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali f'kull wieħed mill-proġetti u inizjattivi oħra?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif mitlub mill-Onor Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #5279 Sitting 102 2018-04-18 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord ta’ Gvernaturi tal-Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali – proġetti u inizjattivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'talbiet għall-finanzjament ta' proġetti u inizjattivi rċieva l-Bord ta’ Gvernaturi tal-Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali mis-sena 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Prim Ministru jgħid minn min saru dawn it-talbiet, dwar liema proġetti u inizjattivi kienu, kemm kien l-ammont ta' finanzjament mitlub, x'kienet id-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi dwar kull waħda mit-talbiet u fil-każ ta' dawk il-proġetti u inizjattivi li ġew aċċettati mill-Bord tal-Gvernaturi x'kien l-ammont ta' finanzjament li ngħata mill-Bord ta’ Gvernaturi tal-Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li minn żmien għal żmien ikun hemm diskussjonijiet varji iżda f’dan l-istadju m’hemmx applikazzjonijiet formali.

Bypass tal-Imrieħel – lifts fil-pedestrian footbridge

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data definittiva meta ser jiġu nstallati u jibdew jitħaddmu l-lifts li suppost diġà jinsabu nstallati fil-pedestrian footbridge li tinsab fil-bypass tal-Imrieħel ġaladarba jirriżulta li dawn l-istess lifts ma ġewx installati sal-aħħar ta' Frar 2018 kif kien stqarr il-Ministru fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari numru 2966 ta' nhar il-31 ta' Jannar 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ftehim ma’ ditta Ingliża

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim u/jew tal-ittra ta' ingaġġ (letter of engagement) li l-Gvern ta' Malta għandu mad-ditta Ingliżi li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament, kif ukoll kopja ta' kwalunkwe fattura u/jew talba għal ħlas maħruġa mill-istess ditta Ingliża u mibgħuta lill-Gvern ta' Malta għas-servizzi legali mogħtija lilu mill-istess imsemmija ditta Ingliża b'rabta mal-emendi proposti mill-Oppożizzjoni għall-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili dwar enforzar f'Malta ta' sentenzi ta' Qrati barra minn Malta fuq malafama?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li qieghed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-fattura mitluba. Sadanittant għall-bqija tad-dettalji mitluba, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 4823.

Lista’ ta’ dawk li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Ministru jindika fejn u meta ġiet ippubblikata l-lista ta' dawk li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija fl-2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — nefqa fuq promotions fuq mezzi tal-media soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 248 u jgħid kemm nefaq flus l-Uffiċċju tiegħu, inkluż kull entità taħtu, għall-promotions fuq Twitter, Faceboook u social media oħra, minn Marzu 2013 sal-lum, xahar b'xahar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar u tinghata f’xi seduta ohra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — ħaddiema - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 265 u jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-Onor. interpellant japprezza li wħud mill-entitajiet li qed nitkellmu dwarhom huma entitajiet edukattivi u għaldaqstant marbutin ma’ programmi speċifiċi. Għaldaqstant, il-ħtieġa li jingaġġaw edukaturi partajm b’kuntratt definit skont il-ħtieġa tal-entità kkonċernata. Fil-fatt biex ikunu jistgħu joffru l-firxa ta’ servizzi tagħhom, żewġ entitajiet, jiġifieri SportMalta u l-MCAST, jagħmlu użu minn staff skont il-ħtieġa. Hekk pereżempju SportMalta tuża s-servizz ta’ 407 partajm coaches/helpers biex tkun tista’ tanalizza l-bżonn, tipproċessa applikazzjonijiet, u torganizza l-programmi/korsijiet sportivi tagħha. L-MCAST tagħmel użu minn 309 partajm Teachers li l-għadd tagħhom huwa marbut skont il-ħtieġa tal-units tal-programmi offruti u l-għadd ta’ studenti li japplikaw għal kors partikolari, minn 16 Awturi tal-units partajm li jaħdmu fuq assignments skont il-ħtieġa tal-MCAST, u tmien (8) persuni f’xogħol speċjalizzat li l-MCAST mhux dejjem ikollu bżonnhom. L-għadd ta’ ħaddiema oħrajn b’kuntratt definit fl-entitajiet (18 minn 19-il entità) li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hu ta’ 77, ilkoll b’objective reason kif indikat fid-Direttiva nru. 12. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li jonqos tingħata kjarifika dwar in-numru ta’ ħaddiema b’kuntratt definit ta’ xogħol minn entità waħda (l-Università ta’ Malta). Din l-informazzjoni tkun tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħata l-kjarifika mitluba.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ħaddiema - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 271 u jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirrefferi lill-Onorevoli interpelant ghall-mistoqsija parlamentari numru 271.

Ministeru għas-Saħħa — Ħaddiema - xogħol

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 273 u jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Monument tal-Fjamma Eterna – spejjeż

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 259 fejn qal li l-ispejjeż għall-Monument tal-Fjamma Eterna taħt il-Ministeru tiegħu kienu €26,919.54, u peress li fuq it-Times of Malta bit-titolu ‘Flame’ monument will cost about €350,000 datat 2 ta' April 2017 (il-link tal-artiklu qed jingħata separatament) kienet qalet li l-ispejjeż kienu ferm iktar minn €300,000, jista’ l-Ministru jispjega d-diskrepanza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li kif imwiegeb f’PQ numru 259, in-nefqa minn Dipartimenti jew Entitajiet fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena reponsabbli kienet ta’€26,919.54

Vjaġġi tal-Karozza tal-Linja — ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ħinijiet suppost kellhom jitilqu, u f’liema ħinijiet fil-fatt telqu, il-vjaġġi tal-karozza tal-linja bin-numru 61 mill-Belt għal Ħaż-Żebbuġ is-Sibt 27 ta’ Jannar 2018 fin-nofsinhar ta’ filgħaxija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-27 ta' Jannar 2018 fuq ir-rotta 61, wara nofsinhar kienu skedati li jsiru 22 vjaġġ li13 minnhom saru fil-limitu tal-ħin skedat. Kien hemm xi vjaġġi li minħabba illi kien hemm xi xufiera nieqsa ma sarux. Ninforma lill Onorevoli Interpellant li qegħdha issir pressjoni fuq l-operatur tat-trasport pubbliku sabiex fl-iqsar żmien possibbli jindirizza s-sitwazjoini li tirrigwardja lix-xufiera. Kif spjegajt fr-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari oħra fil-preżent hemm 70 persuna li qed jiġu mħarrga sabiex jibdew jaħdmu bħala xufiera. Hemm ukoll persuni oħra li huma mistennija jibdew it-taħrig tagħhom fi żmien qasir.

Bdiewa u raħħala – teknoloġija li tikkonverti demel tal-annimali f’enerġija alternattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inċentivi mmirati lejn il-bdiewa u r-raħħala saru biex dawn jinvestu f'teknoloġija ġdida inkluż li tikkonverti d-demel tal-annimali f'enerġija alternattiva u rinovabbli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal Malta, jidentifika ħames bżonnijiet ewlenin għal Malta u Għawdex li jridu jiġu ndirizzati permezz tal-għajnuna finanzjarja li joffri dan il-programm, fosthom “Settur sostenibbli tal-bhejjem: titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, fil-kompetittività u l-produttività, u fil-benesseri tal-annimali” u “l-ilma, l-iskart (waste) u l-enerġija: titjib fl-użu sostenibbli u l-iġġenerar ta’ enerġija rinovabbli”. Il-Programm jimmira li jindirizza dawn il-bżonnijiet primarjament permezz tal-Miżura 4.1 li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal investimenti fuq l-irziezet tal-bdiewa u telenka bħala waħda mill-għanijiet tagħha investimenti f’tagħmir li jagħmel użu mill-iskart u d-demel tal-annimali u saħansitra għall-produzzjoni ta’ bijoenerġija għall-użu fuq ir-razzett. Bil-għan li r-raħħala lokali ikollhom inċentiv sabiex jinvestu f’teknoloġiji simili, il-Programm jinkludi bħala waħda mill-kriterji tal-għażla, t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, biex b’hekk applikazzjonijiet għal għajnuna li jinkludu tali investimenti jingħataw punti addizzjonali taħt dan il-kriterju. Il-Programm tal-Iżvilupp Rurali jinkludi wkoll il-Miżura 16.6 li tipprovdi għajnuna finanzjarja speċifikament biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-iffurmar ta’ koperazzjoni bejn operaturi fil-katina tal-provvista ( supply chain ) għal proġetti li jwasslu għall-provvista sostenibbli ta’ bijomassa għall-użu fil-produzzjoni tal-ikel u tal-enerġija u fi proċessi industrijali. Għaldaqstant, waħda mill-għanijiet ewlenin ta’ din il-Miżura hija li jiġu stabbiliti koperattivi jew sħubija bejn partijiet interessati diversi, li jinkludu wkoll ir-raħħala bi proġetti li jikkonċernaw il-provvista sostenibbli tal-bijomassa u t-trattament ta’ skart u demel tal-annimali għall-konverżjoni f’enerġija alternattiva u rinovabbli. Għal aktar informazzjoni dwar il-kontribut tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal dan il-għan, għandha tiġi kkonsultata l-Awtorità ta’ Ġestjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwuljanza, li hija l-entità responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm.

Raħħala – disponiment ta’ demel tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħareġ l-ordni li raħħala jiġu miżmuma milli jiddisponu mid-demel tal-annimali li jrabbu mingħajr pre-avviż?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid f'liema post ir-raħħala ġew miżmuma milli jiddisponu mid-demel tal-annimali. Sa fejn jiena infurmat ir-raħħala jaħżnu d-demel fid-demmiela sabiex fi żmien f’waqtu jkunu jistgħu jferrxuh fuq ir-raba skond ir-regolamenti dwar il governanza tal-agrikoltura.

Raħħala – mezz biex jeħilsu mid-demel tal-annimali li jrabbu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif u b'liema mezz ir-raħħala se jkunu jistgħu jeħilsu mid-demel tal-annimali li jrabbu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2017 twaqqfet Aġenzija għall-Governanza tal-Bio Riżorsi Agrikoli, li qegħda tistudja l-isfidi tal-immaniġjar sostenibbli tad-demel tal-annimali. Is-sitwazzjoni hija diffiċli meta wieħed jikkonsidra li Malta hija ddikjarata kollha bħala żona vulnerabbli għan-nitrati. Huwa mistenni li fil-futur qarib jista’ jkun hemm xi żviluppi. Dawn l-istudji huma mhux biss ta’ natura teknika imma wkoll ta’ natura ekonomika biex il-Gvern jassigura soluzzjonijiet sostenibbli li jimmassimizzaw il-valur tar-riżorsi fid-demel liema valur ma jgħabbix lir-raħħal bi spejjeż inutli.
Leg 13 PQ #4732 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – ingaġġ ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-kumpanija nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, mill-1 ta' April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b'xahar? F'liema gradi ġew impjegati dawn il-ħaddiema u ta' liema sess huma? F'liema dipartimenti/entitajiet tal-kumpanija ġew ingaġġati dawn il-ħaddiema? Minn liema lokalità ġej kull impjegat?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.