Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarjiet Ewropej u Ugwaljanza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm nies li għamlu kuntatt mal-Customer Care tal-Ministeru minn April 2013 u tagħti breakdown tat-talbiet li saru?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-għadd ta’ persuni li għamlu kuntatt mal-Customer Care tal-Ministeru bejn April 2013 u llum hu ta’ madwar 1,200 fis-sena. Nitlob lill-Onor. Interpellanta tkun iżjed speċifika.

Ministeru għall-Intern u Sigurta Nazzjonali — safar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11017 tat-12-il Leġiżlatura, minħabba li l-ispejjeż għas-safar jittieħdu minn fondi pubbliċi mħallsa mill-poplu u minħabba li l-Prim Ministru wiegħed Gvern trasparenti, jista’ l-Ministru jwieġeb u jgħid, minn Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, għal kemm ġranet u kemm kienet in-nefqa ta' kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu? Jista’ jgħid ukoll jekk il-booking tat-titjiriet u lukandi sarux permezz ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar? Jekk iva, liema huma dawn l-aġenziji? Kien hemm sejħa għall-kwotazzjonijiet jew saru b’direct order?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għall-perjodu kemm ili Ministru tal-Intern u Sigurta’ Nazzjonali, tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #4904 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — safar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11014 tat-12-il Leġiżlatura, minħabba li l-ispejjeż għas-safar jittieħdu minn fondi pubbliċi mħallsa mill-poplu u minħabba li l-Prim Ministru wiegħed Gvern trasparenti, jista’ l-Ministru jwieġeb u jgħid, minn Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, għal kemm ġranet u kemm kienet in-nefqa ta' kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu? Jista’ jgħid ukoll jekk il-booking tat-titjiriet u lukandi sarux permezz ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar? Jekk iva, liema huma dawn l-aġenziji? Kien hemm sejħa għall-kwotazzjonijiet jew saru b’direct order?

Response (MIZZI, KONRAD)

Tlabt biex it-tagħrif jinġabar.

Ministeru għas-Saħħa — Direct orders

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka d-direct orders kollha li huwa awtorizza fl-2015 u fl-2016? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern kif mitlub mill-Public Procurement Regulations.

Ħaddiema Għawdxin fi grad ta’ pulizija u suldati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu ppjanat li ħaddiema Għawdxin li huma fil-grad ta’ pulizija jew fil-grad ta’ suldat u li preżentament qed jaħdmu u huma stazzjonati f’Malta, ser jintbagħtu jaħdmu f’Għawdex matul is-sena 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kif diġà ngħad fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet preċedenti dwar ċaqliq ta' membri tal-Korp tal-Pulizija minn Malta għal Għawdex, jew bnadi oħra, tali ċaqliq isir meta u kif ikun bżonn, fl-aħjar interessi tal-istess Korp u tal-pubbliku inġenerali. Fir-rigward tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-istess FAM qed tħarreġ biex jikkwalifika tim bħala operaturi tal-EOD biex jaħdmu f'Għawdex. Barra minn dan il-FAM ma għandhiex pjanijiet oħra, iżda dan jista' jinbidel skont l-esiġenzi tas-servizz.

Qorti tal-Kummerċ f’Għawdex

Question

Issa li twaqqaf il-Qorti tal-Kummerċ, jista’ l-Ministru jgħid, din il-Qorti kif se tkun qed taħdem f’Għawdex? Min irid jissottometti kawża quddiem il-Qorti tal-Kummerċ f’Għawdex, fejn irid jissottomettiha u min se jisma’ dawn il-kawżi fil-Qrati ta’ Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) li ġiet imwaqqfa bl-Att Nru. I tal-2018 bdiet tiffunzjoni fid-9 t’April 2018. Din il-qorti għandha ġurisdizzjoni kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u din il-ġurisdizzjoni hija limitata għal kawżi li joħorġu mill-Att dwar il-Kumpaniji. L-Att Nru.1 tal-2018 ħa ħsieb biex jagħti lil din is-Sezzjoni tal-Qorti Ċivili s-setgħa li tisma’ kawżi kontra persuni li huma residenti jew li għandhom id-dar ordinarja tagħhom fil-Gżira ta’ Malta u fil-Gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna. Bħala qorti superjuri l-preżentata tal-atti jsiru kif provdut fl-artikolu 180 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u jistgħu jiġu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qrati Ċivili u Tribunali, ta’ Malta u ta’ Għawdex. Meta din il-Qorti tisma’ kawżi li jkunu kontra persuni li huma residenti f’Għawdex, is-seduti ser jinżammu fil-bini tal-qrati ta’ Għawdex. L-Imħallef li jippresjedi din il-Qorti f’Malta ser ikun qed jippresjedi l-Qorti meta tkun qed iżżomm is-seduta tagħha f’Għawdex.

Għawdex — Demel likwidu tal-baqar mill-farms

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn l-aħħar ġranet u ġimgħat, id-demel likwidu tal-baqar mill-farms ta' Għawdex, hux qed jittieħed ġewwa l-premises tal-Wasteserv li jinsabu ġewwa tal-Kus fix-Xewkija, Għawdex? Jekk iva, kif qed jiġi pproċessat dan id-demel likwidu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lilll-Onor. Interpellant li mill-15 ta’ Marzu 2018, srew tad-demel iġġenerat fuq irziezet tal-baqar u tal-majjal f’Għawdex ittieħed f’tal-Kus limiti tax-Xewkija biswit l-impjant tal-Wasteserv ġewwa Għawdex. Il-proċess tat-trattament qiegħed isir minn kuntrattur imqabbad mill-GAB (Governance of Agricultural Bioresources Agency) sabiex is-srew jingħasar u sabiex tiġi sseparata l-parti solida minn dik likwida.

Xlendi — jetty

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-jetty tax-Xlendi hux ser jiġi rranġat sas-Sajf li ġej? Meta hu ppjanat li jibda x-xogħol u jitlesta, kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża fuq dan il-proġett? X'tip ta intervent hu ppjanat li jsir?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni tat-tenders li ġie ppublikat għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni meħtiega fuq il –Jetty tax-Xlendi. Dawn ix-xogħlijiet jikkonsistu f’tiswija u rinfurzar tal-pediment fuq in-naħa ta’ barra tal- Jetty fejn tnawwar u b’konsegwenza ċeda. Il-valur tal-offerti mitfugħa għal dan ix-xogħol ivarja bejn il-71,000Ewro u l-166,000Ewro. Dawn ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jinbdew ladarba jiġi konkluż il-proċess tal-evalwazzjoni.
Leg 13 PQ #5097 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – kumitat jew bord — membri

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3516 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ membri ta’ kull kumitat jew bord li nħatru minn Marzu tal-2013 ‘l hawn fil-Ministeru għal Għawdex jew xi entità li taqa' taħt l-istess Ministeru? Tista' tindika kemm kienet ir-remunerazzjoni ta' kull membru fis-sena f'kull kumitat jew bord fejn dawn ma kenux bla ħlas?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #5128 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Triq Gorf, ix-Xagħra u Triq Għajn Qatet, ir-Rabat — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk Triq Gorf ġewwa x-Xagħra u parti minn Triq Għajn Qatet ġewwa r-Rabat Għawdex ġewx awarded it-tenders biex isir xogħol ta' resurfacing fihom? F’liema xahar ta’ din is-sena huma ppjanati li jibdew ix-xogħlijiet fuq dawn iż-żewġ toroq u f’liema xahar u liema sena mistennija jitlestew dawn iż-żewġ toroq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq Triq Għajn Qatet beda iktar kmieni dan ix-xahar. Filwaqt li dwar ix-xogħol fi Triq Ġorf, qed jitlestew ix-xogħolijiet preparatorji mal-entitajiet biex ix-xogħol ikun jista’ jibda fil-ġranet li ġejjin.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – pjanti tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti l-ġodda ta’ Triq Lewis Wettinger, jew kif inhi magħrufa aħjar il-bypass tal-Mellieħa? Jista’ jgħid kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol li se jkun qed isir?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-pjanta l-ġdida mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra filwaqt li nista' nikkonferma li fid-disinn il-ġdid tal-Bypass tal-Mellieħa (Triq Louis Wettinger), din it-triq ewlenija mhux biss ser tibqa' b'erba' korsiji, tnejn f'kull direzzjoni, iżda ser tiġi attrezzat b'diversi miżuri li jnaqqsu r-riskji ta' aċċidenti, fosthom sistema ta' dwal biex ma jibqax imdallam, crash barriers ġodda fit-truf tat-triq u anke crash barriers fin-nofs, bejn il-karreġġjati f'direzzjonijiet opposti. Fl-istess waqt, ser titjieb ukoll il-konnessjoni bejn dan il-Bypass u t-triq tal-Miżieb, kif ukoll f'waħda mill-junctions li tgħaqqad uħud mit-toroq residenzjali mal-Bypass. Din il-ħidma, li ser tibda fil-ġimgħat li ġejjin, tfisser investiment ta' madwar €2 miljun, sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f'pajjiżna. B'hekk inkunu dawwarna sfida li kienet se twassal għal diffikultajiet għal dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi, għal opportunità sabiex ikollna triq ewlenija oħra mibnija mill-ġdid b'aktar kwalità, effiċjenza u sigurtà. Il-pjanijiet għad-disinn mill-ġdid tal-Bypass tal-Mellieħa (Triq Louis Wettinger), imfassla snin ilu, kienu jinkludu l-estensjoni ta’ Triq l-Iżbark tal-Franċiżi, triq residenzjali eżistenti li bħalissa ma tinfidx, sabiex tingħaqad ma’ triq residenzjali oħra, Triq il-Mitħna l-Qadima, u ssir aktar aċċessibbli. L-art bejn dawn iż-żewġ toroq, fejn qabel kien hemm żewġ barrieri, hija żona tal-iżvilupp għall-bini residenzjali. Din l-art tinkludi wkoll is-sit fejn bħalissa qed jinbnew l-appartamenti. Dawn il-pjanijiet oriġinali kienu jinkludu wkoll it-tneħħija ta’ waħda mill-erba’ korsiji tal-Bypass bħala miżura ta’ sigurtà. Dan it-tnaqqis ma kienx marbut mal-estensjoni ta’ Triq l-Iżbark tal-Franċiżi iżda ma limitazzjonijiet tekniċi f’parti oħra tal-istess Bypass. Fil-fatt, partijiet oħra ta’ dan il-Bypass kif ukoll partijiet oħra tar-rotta bejn il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa, diġa ġew imċekkna għal tliet jew żewġ korsiji minn amministrazzjonijiet preċedenti, meta nbnew mill-ġdid bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. It-triq residenzjali li bħalissa qed tinbena mill-iżviluppatur tal-appartamenti fis-sit fejn qabel kien hemm waħda mill-barrieri m’hijiex triq privata iżda triq residenzjali pubblika li tifforma parti mill-estensjoni ta’ Triq l-Iżbark tal-Franċiżi. Meta ngħata l-permessi għall-iżvilupp tal-appartamenti, l-iżviluppatur intalab ukoll jifforma l-parti ta’ din it-triq residenzjali li tmiss mal-bini tiegħu. Il-kumplament tat-triq, sal-parti eżistenti ta’ Triq l-Iżbark tal-Franċiżi, ser tinbena meta l-artijiet ta’ maġenbha jiġu żviluppati mis-sidien tagħhom. Ftit tal-ġimgħat ilu, tlabt lil Transport Malta tqis mill-ġdid il-pjanti oriġinali għall-bini mill-ġdid tal-Bypass, bl-għan li t-triq tibqa’ b’erba’ korsiji. Fil-fatt, wara li l-pjanti tat-triq ġew riveduti, il-periti tal-Awtorità kkonfermaw li l-Bypass tista’ tiġi mtejba sabiex ikollha diversi miżuri ta’ sigurtà mingħajr ma tidjieq għal tliet korsiji. Il-pjanti tekniċi ta’ dan it-tibdil ġew ippreżentati lill-Kunsill Lokali Mellieħa waqt laqgħa li għaliha stidint il-kunsillieri lokali kollha ta' din il-lokalità fil-jiem i għaddew.
Leg 13 PQ #5221 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Isle of MTV – data personali għal xiri ta’ biljetti

Question

Peress li ġie rraportat li biex jinxtraw biljetti biex persuna tattendi l-event tal-Isle of MTV, trid tagħti d-data personali tagħha, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni dwar din il-miżura? Ma jaħsibx li dan jista’ joħloq lok ta’ abbuż mid-data miġbura? Jista’ jgħid min ser ikun kustodju ta’ din id-data? X’miżuri ser jittieħdu biex din id-data ma taqax f’idejn li jistgħu jabbużaw minnha għal statistika elettorali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ippermettili ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-domanda hija fattwalment skorretta għax l-avveniment kien u għadu bla ħlas. Nixtieq ukoll nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-termini u kundizzjonijiet li diġa’ tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn ixejnu kull dubju li tqajjem fuq dan l-avveniment pubbliku.

Persuni li jokkupaw kariga ta’ diplomatiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk il-persuni li bħalissa jokkupaw kariga ta’ diplomatiċi u fil-fatt huma appuntati fuq bażi politika mingħajr il-kwalifika? Bħalissa kemm hemm diplomatiċi kwalifikati, u li huma maħtura f’ambaxxati?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

Standards ta’ Djar tal-Anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif jinqasmu l-kategoriji dwar l-istandards ta’ djar tal-Anzjani? Jista’ jgħid x’inhuma l-kriterji li jiddefinixxu kategorija ta’ standards? Jista’ jekk jogħġbu l-Ministru jikklassifikahom u jsemmi kull dar residenzjali? X’monitoraġġ isir biex l-istandard jinżamm?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-djar tal-anzjani huma kklassifikati bħala tal-gvern; tal-privat u tal-knisja. Biex dawn jiġu lliċenzjati, id-djar kollha jiġu spezzjonati minn tal-inqas darba fis-sena mid-Direttorat għall-istandards fil-kura tas-saħħa li jaqa’ taħt is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika. Minn din s-sena dawn l-ispezzjonijiet bdew isiru għal għarrieda biex wieħed ikun jista' jsir jaf aktar x’inhuma l-prattiċi normali. Qabel ma tinħareġ l-liċenzja jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet imposti jkunu saru. Analiżi ta’ riskju jiddetermina jekk tkunx meħtieġa spezzjoni oħra. Spezzjonijiet oħra jsiru fis-sajf kif ukoll fix-xitwa biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm konsegwenzi b’temperatura baxxa jew għolja ħafna. Id-Direttorat jirċievi numru ta’ lmenti minn individwi, pazjenti kif ukoll minn Ministeri oħra. Dawn jiġu nvestigati b’mod immedjat, u fejn hemm bżonn issir spezzjoni fi żmien 3 ijiem. F'ċerti każijiet u fejn jinħass l-bżonn l-maniġment jiġi msejjaħ biex jattendi għal-laqgħa li tinżamm fid-Direttorat. Il-kwestjonarju li jintuża waqt l-ispezzjonijiet jirreflettu l-istandards minimi għad-djar tal-anzjani ppubblikati fl-2015 iżda aspetti oħra jiġu ndirizzati bħal per eżempju intervisti mal-pazjenti nfushom u seminars li jiġu organizzati mid-Direttorat b’mod regolari biex l-impjegati u l-management jiġi nfurmat bi prattiċi tajba li jissalvagwardjaw is-saħħa tar-residenti. Għall-ismijiet tad-djar illiċenzjati jista’ jirreferi għal-website ta’ dan id-Direttorat li tiġi aġġornata b’mod regolari. Ninfurmah ukoll illi l-kategoriji dwar l-istandards ta’ djar tal-Anzjani jinqassmu kif ġej: Standard 1 - Informazzjoni Standard 2 - Kuntratt Standard 3 – Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet Standard 4 – Issodisfar Kontinwu tal-Ħtiġijiet Standard 5 – Żjarat bi Prova KAPITOLU 2 – Kura tas-Saħħa u Kura Personali Standard 6 – Pjan ta’ Kura Individwali tal-Persuna Residenti Standard 7 – Kura tas-Saħħa Standard 8 - Medikazzjoni Standard 9 - Privatezza u Dinjità Standard 10 – Waqt il-Mewt u Wara KAPITOLU 3 – Ħajja ta’ Kuljum u Attivitajiet Soċjali Standard 11 – Kuntatti u Attivitajiet Soċjali Standard 12 – Programm ta’ attivitajiet u avvenimenti Standard 13 – Kuntatt mal-Komunità Standard 14 – Awtonomija u Għażla Standard 15 – Ikliet u Ħinijiet tal-Ikel Standard 16 - Ilmenti Standard 17 - Drittijiet Standard 18 - Protezzjoni KAPITOLU 5 - L-Ambjent Standard 19 - Binjiet Standard 20 – Faċilitajiet Komuni Standard 21 - Toilets u Faċilitajiet għall-Ħasil Standard 22 – Adattamenti u Tagħmir Standard 23 – Akkomodazzjoni Individwali: Rekwiżiti ta’ Spazju Standard 24 – Alloġġ Individwali: Għamara u Attrezzar Standard 25 - Servizzi: Tisħin u Dawl Standard 26 - Servizzi: Iġjene u Kontroll tal-Infezzjonijiet KAPITOLU 6 - Ingaġġ ta’ Staff Standard 27 – Skjerament ta’ Staff Standard 28 - Kwalifiki Standard 29 - Reklutaġġ Standard 30 – Taħriġ ta’ Staff KAPITOLU 7- Maniġment u Amministrazzjoni Standard 31- Ħidmiet ta’ kuljum Standard 32 - Etika 36 Standard 33 - Garanzija tal-Kwalità Standard 34 - Proċeduri Finanzjarji Standard 35 - Flus ir-Residenti Standard 36 - Superviżjoni tal-Istaff Standard 37 - Żamma ta’ Rekords Standard 38 - Prattiċi tax-Xogħol Sikuri

SVPD — anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani f’djar residenzjali privati? Jista’ jgħid kemm hemm anzjani fir-Residenza Saint Vincent de Paule (SVPD)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm total ta’ 1,093 anzjan u anzjana residenti ġewwa ir-Residenza San Vinċenz de Paule, li minnhom, 340 huma residenti rġiel u 753 li huma residenti nisa. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni dwar kemm hemm anzjani fi djar residenzjali privati tin¿amm mid-Direttorat tal-Istandards tal-Kura tas-Saħħa. Madanakollu, ninforma lill-Onor. Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità għandu total ta’ 1,237 sodda mixtrija ġewwa residenzi privati.
Leg 13 PQ #5225 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Miżura tal-budget — intrapriża ta’ familja meta tiġi mgħoddija lill-wild

Question

B’referenza għall-miżura tal-budget meta intrapriża ta’ familja tiġi mgħoddija lill-wild, ser tibbenifika mit-tnaqqis ta’ transfer duties minn 5% għal 1.5%, liema miżura tagħlaq fit-30 ta’ Settembru 2018, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni ta’ dan il-limitu fi żmien? Dan iż-żmien ser jerġa’ jitwal f’budget li jmiss?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-benefiċċju msemmi ngħata għall-perjodu ta' sena li iżda ġie estiż b'sitt xhur. M'hemmx ħsieb li dan il-perjodu jiġi estiż aktar.

Tas-Sliema – art

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art jew xi parti mill-art f'Tas-Sliema, li tinsab indikata bl-aħmar fil-pjanta li qed tingħata separatament, qattx kienet proprjetà tal-Gvern u jekk iva, kif ingħatat lil terzi? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-att pubbliku u/jew ta' kwalunkwe dokument ieħor li permezz tiegħu l-imsemmija art jew xi parti minnha ingħatat lil terzi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art li tinsab indikata bl-aħmar fil-pjanta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kienet propjetà tal-Gvern. Il-propjetà ġiet mibjugħa lil terzi permezz ta’ diversi atti pubbliċi fis-snin 1991, 1996 u 2000 rispettivament. Ngħarraf lill-Interpellant li l-Atti relattivi huma: Att nru. 228, fl’atti tan-Nutar Vincent Miceli, datat 12 ta’ Ġunju 1991 Att nru. 22, fl’atti tan-Nutar Vincent Miceli, datat 25 ta’ Jannar 1996 Att nru. 22, fl’atti tan-Nutar Vincent Miceli, datat 15 ta’ Frar 2000 Kopja tal-Atti u dokumenti oħra qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #5292 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Laqgħat ma’ individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'laqgħat kellu mal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Prim Ministru jagħti d-data u l-post għal kull waħda mil-laqgħat? Jista' jgħid x'kien is-suġġett ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat u min kienu l-persuni l-oħra preżenti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-persuna indikata ġiet ospitata darbtejn matul dan il-perjodu f’ laqgħat li l-Prim Ministru jagħmel regolarment għal investituri fil-pajjiż. Mhux possibbli li jinżamm rekord tal-persuni kollha li l-Prim Ministru jiltaqa magħhom u dettalji ta’ kull laqgħa.
Leg 13 PQ #5293 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Laqgħat ma’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'laqgħat kellu mal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jagħti d-data u l-post għal kull waħda mil-laqgħat? Jista' jgħid x'kien is-suġġett ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat u min kienu l-persuni l-oħra preżenti?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jien qatt ma ltqajt mal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament.
Leg 13 PQ #5294 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Laqgħat ma’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'laqgħat kellu mal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jagħti d-data u l-post għal kull waħda mil-laqgħat? Jista' jgħid x'kien is-suġġett ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat u min kienu l-persuni l-oħra preżenti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma jsir minn diversi kumpaniji li joperaw f’Malta, fejn isiru corporate presentations, iva ltqajt mal-individwu kkonċernat. Mhux possibbli li jinżamm rekord tal-persuni kollha li Ministru jiltaqa’ magħhom u d-dettalji ta’ kull laqgħa.