Planning Authority – teħid ta’ parti tal-by-pass tal-Mellieħa
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5177 u għan-numru tal-permess PC46/13 li ngħata mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) biex l-iżviluppatur jieħu parti mill-by-pass tal-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid:
a) peress li l-permess joħroġ
subject to third party rights
, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-gvern ma oġġezzjonax?
b) Taħt liema ftehim u b’liema mod din is-
service road
spiċċat tinbena mill-privat? Jista’ jqiegħed kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4609 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li ġie mħabbar li l-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jiġi investigat minn awtoritajiet fil-Lussumburgu minħabba ħasil ta’ flus, jista’ l-Ministru jgħid xi due diligence sar meta ġie aċċettat dan il-bank meta kien magħruf li ċertu pajjiżi Ewropej kienu qed jinvestigaw wieħed mis-sidien tal-bank? Jista’ jgħid meta l-aħħar saret spezzjoni fuq dan il-bank mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u kemm-il darba saret spezzjoni għal kull sena, waħda wara l-oħra, mis-sena 2014?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3022 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn jistgħu jinsabu u jinġiebu ċertifikati tal-mewt li jkunu tas-seklu 19 (madwar is-snin 1880)?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni meta pazjenti jirreġistraw fil-My Health ma jkunux jistgħu jirreġistraw taħt aktar minn tabib wieħed? F’każ ta’ group practice li hu rikonoxxut u fejn il-prattika hi bi sħab, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-pazjenti ma jistgħux jirreġistraw mat-tobba bħala grupp?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-myHealth ma jinvolvix proċess ta’ reġistrazzjoni. Biex wieħed jaċċedi għas-servizz, kull m’għandu bżonn huwa l-password tal-e-ID. Nissoponi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-faċilità fil-myHealth li biha pazjent jitlob lil tabib biex jillinkja miegħu permezz tal-myHealth, u b’hekk it-tabib ikun jista’ jara r-records tal-pazjent online. Il-pazjent jista’ jibgħat rikjesta lil iżjed minn tabib wieħed, mingħajr limitu fin-numru. Din ir-rikjesta tiffunzjona bħala għoti ta’ kunsens taħt il-liġi tal-protezzjoni tad-data, u għal din ir-raġuni issir ma’ kull tabib individwalment.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3250, jista’ l-Ministru jara li r-residenti ta' Triq l-Għarnuq fil-Fgura jingħataw il-livelli ta' kif ser tkun mibnija t-triq jew gwidati kif jakkwistaw dawn il-livelli, sabiex ikunu f'pożizzjoni li jinstallaw il-biben tad-djar u l-garaxxijiet tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jekk l-imsemmija triq tkun għadha qatt ma ġiet asfaltata tista’ ssir talba mill-Kunsill Lokali lill- Land Survey Unit ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar biex isiru l-livelli mill-ġdid.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jindika meta ser jitqassmu l-magni tad-dijabete (bit-test strips) fid-Distrett tal-Mosta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-ewwel fażi tal-proġett tad-dijabete Tip 2, fejn tqassmu l-magni tad-dijabete bit-test strips lill-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete Tip 2 u li jieħdu l-insulina, diġa tqassmu fid-Distrett tal-Mosta.
Fir-rigward tat-tieni fażi tal-proġett tad-dijabete Tip 2 fejn ser tqassmu l-magni tad-dijabete bit-
test strips
lill-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete Tip 2 u li jieħdu l-mediċini, hu ppjanat li jitqassmu fid-Distrett tal-Mosta aktar tard din is-sena.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4633 jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx mitmuma n-negozjati għall-konċessjoni tal-Korsa tal-Marsa lill-kumpanija privata interessata, negozjati li suppost kellhom jiġu konklużi sal-aħħar ta' Marzu 2018? Jista’ jgħid fiex wasal il-proċess kemm jekk ġew u anke jekk ma ġewx konklużi n-negozjati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-Onorevoli interpellant japprezza li n-negozjati tal-proċess għall-proġett bħal dan huwa wieħed kumpless u jeħtieġ isir b'attenzjoni kbira. Nikkonferma li n-negozjati huma fi stadju avvanzat imma sabiex jiġu konklużi, dak li ġie maqbul fid-draft tal-konċessjoni irid jgħaddi mill-proċeduri u proċess tal-Gvern, li għadu qed isir.
Mellieħa – Il-Bajja tal-Għadira – xogħol ta’ tkabbir
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha approvati sabiex ikun jista’ jibda x-xogħol tat-tkabbir tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għadu għaddej.
Il-Bajja tal-Għadira – xogħol ta’ tkabbir — konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta u ma’ min ikkonsulta dwar il-proġett tat-tkabbir tal-Bajja tal-Mellieħa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Projects Malta Limited ikkonsultat ma’ bosta entitajiet dwar dan il-proġett fosthom mall-ERA, KNPD, Enemalta, Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, SCH, OHSA, Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, Kunsill lokali tal-Mellieħa, Transport Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġej jiswa l-proġett tat-tkabbir tal-Bajja tal-Għadira, mil-liema fond ser jitħallas u jekk hux diġà ħarġu s-sejħiet għall-offerti sabiex isir ix-xogħol li ser ikun hemm bżonn isir?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li la darba jiġu ffinaliżżati l-permessi toħroġ stima finali skont il-parametri li jkunu approvati.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għall-Palazz u l-lukanda ta’ Selmun? Jista’ jinforma lill-Kamra meta saru l-aħħar assessjar tal-istruttura tal-Palazz u x’inhu l-istat ta’ dan il-Palazz? Jekk hemm xi rapporti f’dan ir-rigward, nitlob lill-Ministru sabiex ipoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra.
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qegħdin jitħejjew il-pjani li hemm bżonn sabiex il-Palazz u l-lukanda ta’ Selmun jinħarġu għall-bejgħ.
Il-proprjetà ndikata hija mgħassa kontinwament minn persuni tas-sigurtà. Isiru wkoll b’mod regolari spezzjonijiet tal-post minn persuni fil-Ministeru.
Se tiġi kkummissjonata evalwazzjoni teknika dwar l-istat strutturali tal-Palazz.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-Forti Campbell? Jista’ jgħid jekk qattx sar xi tip ta’ assessjar, u jekk qatt ma sar, allura jista’ jikkunsidra li jsir, mill-awtoritajiet konċernati sabiex jaraw liema strutturi m’għadx għandhom valur storiku jew arkitettoniku minħabba l-kundizzjoni strutturali li jinsabu fiha? Jekk hemm strutturi li jirriżulta li huma perikolużi, jista’ jara li jitneħħew minħabba l-periklu għal dawk li jżuru dan il-post u biex iż-żona tiġi rriġenerata? Jekk hemm xi rapporti f’dan ir-rigward, nitlob lill-Ministru sabiex ipoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra.
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet flimkien mal-Gvern hija konxja b’siti bħal dak imsemmi fil-mistoqsija parlamentari, li għandhom mhux biss valur storiku iżda potenzjal ekonomiku importanti u għaldaqstant minn żmien għal ieħor jittieħdu dawk id-deċizjonijiet meħtiega sabiex niżguraw li l-assi tal-poplu jingħataw l-attenzjoni meħtiega u l-użu ideali.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hux se jkunu qed jittieħdu passi biex is-servizz tat-trasport pubbliku tar-rotta 82 jitjieb?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tanalizza d-domanda fuq ir-rotot tas-servizz tat-trasport pubbliku f’Birzebbuġia u dan sabiex tara x’inhuma il-ħtiġijiet ta’ din il-lokalità.
Tajjeb wieħed jinnota li aktar u aktar persuni qegħdin jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku fejn is-sena ‘l oħra ġie rreġistrat li kien hemm 48 miljun passiġġier li għamel użu minn dan is-servizz, żieda ta’ ftit iżjed minn 11% fuq is-sena preċedenti. Din ix-xejra ta’ żieda fil-passiġġiera tidher li qiegħda tkompli din is-sena ukoll fejn fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena in-numru ta’ passiġġiera żdiedu b’għaxra fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li ħa jkun hemm titjib fuq ir-rotta prinċipali bejn Birzebbuġia u l-Belt Valletta fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5290 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol u l-mistoqsija palamentari 5328 li saret lill-Ministeru għall-Famija, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u ċjoè: B'referenza għal dak li ġie kkwotat fil-media lokali fejn intqal li skont il-Eurostat, il-ħlas medju għal siegħa xogħol f'Malta hu kważi €14, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema (separatament) li jitħallsu minn €4 sa €6, minn €6 sa €8, minn €8 sa €10, minn €10 sa €12 u minn €12 sa €14 fis-siegħa?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5326 jista' l-Minsitru jgħid kemm inġabru flus mill-eco tax mill-bidu tagħha, sa Frar 2018? Jista' jgħid b'dawn il-flus xi proġetti saru? Jista' jgħid kemm minnhom inġabru miż-żona tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra, Buġibba u n-naħa tal-Imtarfa? Jista' jgħid kemm minnhom intefqu f'dawn iż-żoni msemmija fit-tielet mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Ladarba issa ġie żvelat li l-kumpanija reġistrata fid-Dubai, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a), kienet indikata bħala l-“klijent ewlieni” tal-kumpanija tal-Ministru tat-Turiżmu reġistrata fil-Panama li d-dettalji dwarha wkoll qed jingħataw separatament (b), u dan skont e-mail żvelata permezz ta’ Daphne Project li kopja tagħha qed tingħata separatament (c), jista’ l-Ministru jgħid min hu s-sid jew min huma s-sidien tal-kumpanija (a) li minn għandha kien mistenni jdaħħal $150,000 kull xahar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 3994 u 5261.
Assenteiżmu ta’ studenti fl-Iskejjel – ġbir ta’ multi mingħand il-ġenituri
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4599, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir biex jinġabru l-multi mingħand dawk il-494 ġenitur li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.