Konsulent tal-Prim Ministru – rigali mill-Gvern tal-Ażerbajġan
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ rigali li aċċetta mill-Gvern tal-Ażerbajġan il-konsulent tiegħu li ismu qed jingħata separatament meta dan kien deputat parlamentari u membru tad-delegazzjoni parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid meta ngħataw dawn ir-rigali u x’inhu l-valur tagħhom individwalment?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li qed isemmi fl- interpellanza tiegħu kien membru ta' delegazzjoni parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fil-vesti tiegħu ta' membru ta' din il-Kamra u mhux bħala rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
F’April 2017, il-Gvern ġie rrapportat li ħallas miljun ewro lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bil-ġustifikazzjoni li l-Awtorità tat-Turiżmu se tagħmel reklami fuq il-magazine tal-kumpanija u peress li issa li għaddiet iktar minn sena, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-reklami? Kemm hu kkalkolat li laħqet nies din il-pubbliċità?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus b’kollox lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bejn l-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Korrispondenza bejn il-Korp tal-Pulizija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Europol
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha li għaddiet bejn il-Korp tal-Pulizija u/jew il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Europol dwar l-ittra bid-data tas-26 ta' April 2018 u li d-Direttur Eżekuttiv tal-Europol bagħat lill-Membru Parlamentari Ewropew Ana Gomes u li dwar l-istess ittra, il-Korp tal-Pulizija ħareġ stqarrija nhar it-28 ta' April 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux prudenti li l-korrispondenza li qed jirreferi għaliha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-Korp tal-Pulizija ta lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament jew lill-Avukati tal-istess individwu u li permezz tagħha jingħad li l-imsemmi individwu mhux qed jiġi investigat?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li għalkemm ma jkunx prudenti li ittri mibgħuta lil xi individwi, inkluż il-persuni msemmija f’din l-Interpellanza jkunu magħmula pubbliċi, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni speċifika u jagħtina aktar dettalji, inkun nista' nivverifika ulterjorament.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex se jikkonsistu x-xogħlijiet fi Ġnien Raymond Caruana ġewwa l-Gudja?
Response (BORG, IAN)
Ix-xogħlijiet jikkonsistu fit-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tal-ħitan baxxi li hemm ġol-ġnien kif ukoll pavimentar, bankijiet, bins, funtana u dwal ġodda. Id-disinn tal-ġnien inklużi t-toilets se jkunu konformi mal-gwidi tas-CRPD (Commission for the Rights of Persons with Disability).
Direttorati tal-Edukazzjoni – xogħol ta’ refurbishment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa x-xogħol ta' refurbishment li qed isir fil-Customer Care Area tad-Direttorati tal-Edukazzjoni u meta se jitlesta? Jista’ jgħid ukoll x'jinkludi tali proġett u jekk inħariġx tender biex isir tali xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Minsteru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jkun qed jiftaħ One Stop Shop u fih jiġbor 63 servizz li sal-lum jingħataw minn diversi Dipartimenti u/jew entitajiet fi ħdan il-Ministeru. Dan il-one stop shop ser ikun qed jinkludi wkoll is-servizz.gov.
L-ispejjeż għal dan ix-xogħol minn kuntratturi mistenni jlaħħaq madwar €100,000 u jingħata skont ir-regolamenti tax-xiri pubbliku (Public Procurement Regulations).
Institute for Education – lista ta’ uffiċjali li siefru
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ uffiċjali mill-Institute for Education li siefru mill-2016 sal-aħħar ta' April 2018? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa u x'kien l-iskop ta' kull safra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 5516 - Institute for Education - lista ta' uffiċjali li siefru.pdf
Direttorati responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Inizjattiva My Journey — uffiċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huwa jew huma l-uffiċjali fi ħdan id-Direttorati responsabbli mill-implimentazzjoni tal-inizjattiva My Journey? Jista’ jgħid kif u f’liema skejjel se tiġi introdotta din l-inizjattiva fis-sena skolastika li jmiss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riforma My Journey hija responsabbiltà tad-dipartmenti edukattivi kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. L-aspett kurrikulari tar-riforma huwa r-responsabbiltà tad-Dipartiment għall-Kurrikulu, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabilità. Id-Dipartimenti l-oħra tal-Ministeru, jiġifieri dak tal-Istrateġija u s-Sapport huwa responsabbli li jara li jkun hemm ir-riżorsi fiżiċi, fosthom refurbishment jew bini ta’ laboratorji speċjalment għal suġġetti li se jiġu introdotti ġodda, u kif ukoll umani min-naħa tad-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi. Din l-inizjattiva se tiġi introdotta fl-iskejjel sekondarji kollha fil-klassijiet tal-Year 9 mis-sena skolastika 2019/20, iġifieri mhux mis-sena skolastika li jmiss imma minn dik ta’ wara. Matul is-sena skolastika li jmiss se ssir kampanja ta’ informazzjoni nazzjonali sabiex tiġi spjegata fid-dettal din l-inizjattiva.
Jista’ l-Ministru jgħid minn min jikkonsisti l-bord tat-tmexxija tal-aġenzija European Union Programmes Agency (EUPA)? Jista’ jgħid ukoll minn min huma appuntati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenzija European Union Programmes Agency (EUPA) m’għandiex bord ta’ tmexxija imma hi mmexxija minn CEO appuntat b’sejħa pubblika. L-aġenzija hi mwaqqfa b’ Avviż Legali 128 tas-sena 2007, emendata b’avviżi legali 505 tas-sena 2011 u 21 tas-sena 2015. Artiklu 12 (1) tal-avviż legali jistipula li l-aġenzija hija b’mod ġenerali kontabbli għall-Ministru, l-Awtorità Nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea.
Fejn tidħol tmexxija tal-Programm Erasmus+ u issa wkoll il-programm European Solidarity Corps, l-EUPA għandha żewġ kumitati indipendenti li jevalwaw l-assessjar tal-applikazzjonijiet li jsir minn esperti esterni.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti li ġew approvati mill-European Union Programmes Agency (EUPA) bħala parti mill-fondi ERASMUS + Programme matul is-sena 2018? Jista’ jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk il-proġetti li ma ġewx approvati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni hija maqsuma fi tliet listi kif se nsemmi:-
Selected Project Proposals
Reserved Project Proposals
Rejected Project Proposals
Attachments:PQ 5519 - EUPA - lista ta' proġetti - Selected Projects.pdfPQ 5519 - EUPA - lista ta' proġetti - Reserved Projects.pdfPQ 5519 - EUPA - lista ta' proġetti - Rejected Projects.pdf
EUPA – lista ta’ eżaminaturi/assessuri tal-proġetti
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li tqabdu mill-European Union Programmes Agency (EUPA) bħala eżaminaturi/assessuri tal-proġetti li tressqu għall-fondi Erasmus għas-sena 2018?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont id-dispożizzjonijiet tan-National Agencies Guide mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea, l-ismijiet tal-eżaminaturi/assessuri ma jistgħux isiru pubbliċi.
Infurmat ukoll li dawn l-assessuri jiġu appuntati abbażi tal-iskills and knowledge fil-qasam partikolari, u biex tiġi assigurata l-indipendenza tagħhom isimhom ma jiġix ippubblikat.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkomunika mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, minħabba li l-pilloli tad-dijabete li toffri l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) jagħmlulha l-ħsara u qiegħda tixtri d-Diamicron ta' 30mg mill-pensjoni tagħha? Jista’ jara jekk hux possibbli l-POYC joffrulha din il-marka li semmejt?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskema tal-ispiżerija tal-għazla tiegħek tirċievi l-mediċini li jkun xtara l-gvern skont il-proċess tat-tendering. Għaldaqstant, ma tkunx tista toffri ditti partikolari skont ix-xewqa tal-individwu. F’każ ta’ xi effetti mhux mixtieqa, il-pazjent għandu jirrikorri għand il-konsulent tad-dijabete sabiex tkun tista tittieħed azzjoni billi jsir Adverse Drug Report (fejn tindika l-effetti negattivi tal-mediċina), waqt li l-każ jiġi riferit lill-Exceptional Medicinal Committee.
B’referenza għas-servizz ta’ ilma ġdid, magħruf aħjar bħala new water, li qed jiġi offrut lil diversi bdiewa, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm points li minnhom il-bdiewa jistgħu jaċċessaw dan l-ilma? Jista’ jpoġġi wkoll il-pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra li turi l-points kollha li minnhom il-bdiewa jistgħu jaċċessaw l-ilma?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li preżentament hemm 7 punti minn fejn wieħed jista jimla l-ilma magħruf bħala New Water. Dawn il-punti jinsabu ġewwa d-Danish Village, Popeye Village u Triq il-Mellieħa ġewwa l-Mellieħa u 4 oħra f’ Triq il-Biedja fil-Manikata u Triq il-Ballut, Triq Għajn Tuffieħa u Triq L. Pisani ġewwa l-Mġarr.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed issir talba għall-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex isir rinovar tal-Forti Rikażli? Xi kemm huwa stmat li hemm bżonn fondi biex din il-fortizza tiġi rinovata?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Il-Mosta — Triq lejn ta' Xkora - tneħħija ta' ħaxix ħażin u siġra tal-prinjol mejta
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji meħtieġa sabiex isir it-tindif u l-qtugħ mill-ħaxix ħażin ta' fuq u taħt il-bankina li tieħu minn fejn tispiċċa Triq il-Kbira u t-Triq lejn ta' Xkora fil-Mosta? Jista' jara li s-siġra mejta tal-prinjol titneħħa sabiex ikun evitat kull perikolu fl-istess parti tat-triq lejn Ta' Xkora?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-ambjent.
Parking għall-persuna b'diżabilità — każ ta' persuna
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji meħtieġa sabiex jara li d-Dipartiment ikkonċernat jibgħat lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ir-riżultat tal-appell li ressqet u dan sabiex ikunu jistgħu jsiru s-sinjali meħtieġa ta' parking bi prijorità għall-persuna b'diżabilità bla aktar dewmin?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat, ser tkun infurmata minn Transport Malta, dwar ir-riżultat tal-appell illi kienet ressqet.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jara li l-isqaq li r-ritratti qed jingħataw separatament flimkien mal-permess tal-iżvilupp ma jkunx mibdul minn kif dejjem kien għal żmien, għaliex huwa ta' parti mill-wirt kulturali u arkitetoniku taċ-ċentru l-antik tal-komunità fil-Mosta? Jekk kemm-il darba jiġi imsaqqaf kif qed jintalab il-permess tal-iżvilupp, tingħalaq ukoll l-arja għal residenti oħra li jgħixu fir-residenzi li jridu jgħaddu minn dan l-isqaq?
Response (BORG, IAN)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li l-permess għall-iżvillup fuq is-sit inkwistjoni ħareg fit-23 ta’ Marzu 2018.
Fis-26 ta’ Marzu 2018 l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet ittra biex il-każ jiġi investigat taħt l-Artiklu 80 ta’ l-Att tal-Ippjanar tal-Iżvillup. F’dan l-istadju, id-Direttorat tal-Kontroll tal-Iżvillup qed jeżemina l-fatti.
Ta’ min wieħed iżżid li fid-19 ta’ April ġie intavolat appell minn terzi kontra l-ħruġ tal-istess permess imsemmi.