Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xewkija – Tal-Kus – Impjant tal-Wasteserv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Wasteserv jew il-Ministeru, kellux ilmenti mill-ħaddiema li jaħdmu fl-impjant Tal-Kus fix-Xewkija, Għawdex dwar irwejjaħ u ħmieġ ieħor li ġej mill-impjant li sar mill-privat fl-istess sit tal-Wasteserv biex jilqa’ u jitratta d-demel likwidu tal-farms tal-baqar kollha f’Għawdex? X’qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jara li l-ħaddiema jkollhom ambjent tajjeb fuq il-post tax-xogħol tagħhom? Qabel tpoġġa dan l-impjant f’Tal-Kus, saru l-istudji neċessarji speċjalment dwar is-saħħa u s-sigurtà tan-numru kbir ta’ ħaddiema li jaħdmu f’dan is-sit?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament il-Wasteserv irċeviet ilment tramite l-Unjin rappreżentattiva tal-Ħaddiema rigward irwejjaħ allegatament ġenerati mill-impjant li jilqa’ u jittratta dan id-demel. Instantanjament, il-Wasteserv ħadet passi sabiex tinvestiga dan l-ilment. Filwaqt li nstab li kien hemm okkażjoni fejn munzell li dam biex ġie trattat minn razzett partikolari, u rejjaħ meta ġie ipproċessat fl-impjant, jirriżulta li sa’ l-għada ma kien hemm l-ebda riħa nsapportabbli. Minn testijiet li saru nstab ukoll li ma kien hemm l-ebda preżenza ta’ gassijiet tat-tip H2S, CH4 u CO. Il-kuntrattur li jħaddem dan l-impjant ġie nfurmat b’dan il-każ u mwissi sabiex munzelli antiki ma jiġux ipproċċesati f’din il-faċilità. Fir-rigward ta’ studji neċessarji qabel tpoġġa dan l-impjant f’tal-Kus, nikkonferma li l-kuntrattur kien ġie mitlub jipprepara risk assessment għal dawn ix-xogħlijiet, u r-riskji misjuba ġew mitigati mill-istess kuntrattur. Nikkonferma wkoll illi l-Wasteserv perjodikament taċċerta li l-kuntrattur qiegħed jaħdem skond ir-rekwiżiti speċifikati f’dan ir- risk assessment . Kopja ta’ dan ir-rapport qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Sapport — Community Services

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 719, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-għanijiet u l-oġġettivi tal-Community Services? X’inhuwa l-involviment tal-impjegati tal-Aġenzija Sapport biex jitwettqu dawn l-għanijiet għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom? Jistgħu persuni b’diżabilità minħabba nuqqas ta’ saħħa mentali, jibbenefikaw minn dan is-servizz? X’għandu wieħed jagħmel biex jirċievi dawn is-servizzi fil-komunità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, s-servizzi fil-komunità tal-Aġenzija Sapport jassistu lill-persuni b’diżabilita`, taħt pjan personalizzat, sabiex ngħatu opportunità lill-persuni b’diżabilita` jgħixu ħajja indipendenti, waqt li jiġi offrut ukoll sapport lill-familjari. Tingħata għajnuna speċjalizzata skont l-esiġenzi ta’ kull każ. Din l-għajnuna tvarja minn għajnuna prattika fid-dar tal-klijent sa għajnuna sabiex il-klijent ikun jista’ jattendi appuntamenti mediċi u attivitajiet soċjali, fost l-oħrajn. L-Aġenzija Sapport taħdem ma’ diversi entitajiet u professjonisti oħra skont in-neċessitajiet tal-każ partikolari. Persuni li jixtiequ jibbenefikaw mis-Servizzi tal-Komunità tal-Aġenzija Sapport għandhom jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija fuq 22568000 sabiex isirilhom appuntament mal-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija.

Servizz — Independent Community Living (ICL)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti s-servizz Independent Community Living u x’tip ta’ servizzi jista’ jkollhom kemm fid-dar kif ukoll fil-komunità dawk il-familji li għandhom persuni b’diżabilità sabiex jingħataw dawn il-fondi? X’inhuma l-għanijiet ta’ dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Independent Community Living (ICL), jipprovdi servizz li jikkonsisti f’għajnuna fil-komunita` għal ħajja indipendenti. Is-servizz huwa ta’ 13-il siegħa fil-ġimgħa jew aktar, sa massimu ta’ 30 siegħa għajnuna. L-għajnuna tvarja skont l-bżonnijiet tal-każ partikolari, minn għajnuna fid-dar tal-klijent, assistenza sabiex il-klijent ikun jista’ jattendi appuntamenti mediċi, sa attivitajiet soċjali, fost l-oħrajn. L-Għan ta’ dan is-servizz huwa li joffri sostenn u sapport.

Kontribut tal-Caritas u Sedqa fl-Iskejjel Statali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-kontribut li taw l-entitajiet tal-Caritas u s-Sedqa fl-iskejjel statali matul l-aħħar sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dawn l-aħħar snin, Appoġġ (Youth in Focus) kif ukoll Caritas ħadmu id f’id mal-Anti-Substance Abuse Service fi ħdan is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel f’ħidma sabiex jassistu żgħażagħ li jkunu diġà bdew jesperimentaw minn xi sustanza perikoluża. Meta student/a jkunu riferuti għand l-Anti-Substance Abuse Service, tittieħed azzjoni immedjata. Jekk jirriżulta wara diversi laqgħat mal-istudent/a kif ukoll mal-ġenituri/guardian tagħhom, li l-istudent/a għandhom bżonn aktar għajnuna speċjalizzata f’dan il-qasam, isir kuntatt mal-Aġenziji li huma speċjalizzati f’dan ir-rigward. Dan kollu jsir bil-kunsens tal-ġenituri/guardian tat-tifel/tifla li tkun ġiet riferuta kif hemm stipulat fil-Policy Tackling Substance Abuse. Sadanittant, l-istudent jibqa’ jiġi segwit u jingħata s-sapport kollu meħtieġ mill-membri tal-Anti-Substance Abuse Service kif ukoll mill-professjonisti li jaħdmu fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali. Din il-proċedura ser tibqa’ tiġi segwita matul din is-sena skolastika.

Ċentri ta’ Matul il-Jum — servizz ta’ Self-Advocacy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li għandhom self-advocacy groups? Kemm-il darba dawn il-gruppi jiltaqgħu u kemm hemm klijenti li qegħdin jipparteċipaw fihom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li fihom jiġu organizzati s-self advocacy groups huma kif ġej ; Iċ-Ċentru tal-Imtarfa (darba fil-ġimgħa), Marsascala (darba fi ħmistax), Swatar (darbtejn fil-ġimgħa), Għajnsielem Learning Hub (darbtejn fil-ġimgħa) Sliema Skills Space (kuljum) u Iċ-Ċentru ta’ Raħal Ġdid (darba f’ġimgħa). Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hemm madwar 100 klijent jipparteċipaw f’dawn il-gruppi.

Saħħa mentali – servizzi fil-komunità u residenzjali — nefqa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1976 tat-12-il Leġislatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus fuq servizzi fil-komunità u kemm intefqu flus fuq servizzi residenzjali fil-qasam tas-saħħa mentali matul is-sena l-oħra? Jista’ jgħid kemm tiġi tiswa sodda fl-Isptar Monte Carmeli llum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa totali rikurrenti għas-sena 2017 kienet tammonta għal €40.6 miljun.

Għajnsielem – Triq l-Imġarr – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika tan-numru ta’ aċċidenti tat-traffiku fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem matul l-aħħar 10 snin u kemm minnhom kienu fatali, gravi jew hekk imsejħa ħfief?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rreġistrati mal-Pulizija li seħħew fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem matul l-aħħar għaxar snin kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella tindika wkoll dawk l-inċidenti li kienu fatali, gravi jew ħfief. Il-figuri ma jinkludux kulliżjonijiet front to rear u inċidenti li jiġu rriferuti u koperti minn Gwardjani Lokali.

Għawdex – karozzi li huma rrappurtati derelict

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika tan-numru ta’ karozzi f’Għawdex li huma rrapportati derelict matul l-aħħar ħames snin u kemm minn dawn tneħħew mit-toroq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ karozzi, vetturi u makkinarju ieħor li matul l-aħħar ħames snin kienu rrapportati derelict f’Għawdex, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Dawn kollha ħlief għal vettura waħda li ġiet irrapurtata riċentement tneħħew mit-toroq. 2013 2014 2015 2016 2017 2018 (sa April) Total 46 9 26 73 23 18 195

Għawdex – skejjel primarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna jekk hemmx pjanijiet biex xi skejjel primarji f’Għawdex jiġu magħquda ma’ xulxin jew jingħaqdu ma’ skejjel oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5295.
Leg 13 PQ #5488 Sitting 108 2018-05-07 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo channel – duty officers u coordinators – bini ta’ tinda

Question

Peress li d-duty officers u l-coordinators tal-Gozo Channel kemm fl-Imġarr Għawdex, kif ukoll fiċ-Ċirkewwa f’Malta, jaħdmu l-ġurnata kollha esposti għall-elementi kollha tat-temp Malti, inkluż għax-xemx kiefra tas-sajf, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li tinbena tinda għalihom bħalma nbniet tinda għaż-żwiemel il-belt u f’postijiet oħra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li jingħalaq il-proċess tal-adjudication tal-PSO hemm il-ħsieb li ssir tinda fil-Marshalling Area.
Leg 13 PQ #5489 Sitting 108 2018-05-07 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – tennis court

Question

Peress li l-unika tennis court, miftuħa għall-pubbliku f’Għawdex, qiegħed fi stat ta’ kważi abbandun, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jittranġa jew jinbena ieħor?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie ffinalizzat proġett ġdid ta’ tennis court ġewwa ta’ Kerċem li se jkun għall-użu tan-net sports. Il-bookings jistgħu jsiru onlajn u anke permezz tal-mobile app MyGozo

Kumpanija – ftuħ ta’ ċentru reġjonali għad-Distribuzzjoni f’Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 5356, jista’ l-Ministru jgħidilna jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, talbitx iktar minn 50,000 metru kwadru hekk kif kien imħabbar xi sena ilu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba kienet għall-biċċa art kunsiderevoli.

Vjal Indipendenza – traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser isiru traffic lights fi Vjal l-Indipendenza, malli toħroġ mill-Blata l-Għolja, liema traffic lights ilhom jintalbu li jsiru s-snin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew Transport Malta wettqet l-ewwel fażijiet ta’ proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Vjal l-Indipendenza. Fil-fatt, sar xogħol ta’ titjib, inkluż faċilitajiet għal aktar sigurtà u asfaltar ġdid, fl-ewwel parti ta’ din it-triq. Il-periti tad-Direttorat tat-toroq fi ħdan l-Awtorità għaddejjin bit-tħejjijiet u d-diskussjonijiet meħtieġa sabiex issa li x-xogħol fl-ewwel parti tat-triq tlesta, jibda wkoll il-bini mill-ġdid tal-kumplament tagħha, fosthom l-introduzzjoni ta’ disinn ġdid tal-junction imsemmija sabiex jonqos ir-riskju ta’ aċċidenti. Ix-xogħol meħtieġ jibda malli jintemmu d-diskussjonijiet meħtieġa ma’ dawk kollha konċernati.
Leg 13 PQ #5494 Sitting 108 2018-05-07 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali – Ftehim dwar l-Operat tal-Aġenzija

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5274 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ftehim dwar l-Operat tal-Aġenzija li abbażi tiegħu jitwettaq l-operat tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali skont dak li jipprovdi l-artikolu 8 tal-Ordni dwar it-Twaqqif tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (Leġislazzjoni Sussidjarja 497.12) u l-artikolu 40 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-ftehim dwar l-opeat tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali huwa ftehim intern bejn il-Gvern u din l-Aġenzija dwar l-operat tagħha. Peress li huwa meqjus li l-pubblikazzjoni ta’ dak il-ftehim jista’ jkollha effett ħażin fuq it-tmexxija xierqa u effiċjenti tal-operazzjonijiet tal-fond, mhuwiex indikat li l-istess rapport jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra u b’hekk isir pubbliku kemm f’Malta kif ukoll barra.

Avukat Ġenerali – tim ta’ investigazzjoni konġunta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4832 u jgħid mis-sena 2004 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il tim ta' investigazzjoni konġunta stabbilixxa l-Avukat Ġenerali biex iwettaq investigazzjoni f'reati kriminali f'Malta u f'xi Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea skont dak li jipprovdi r-regolament 3 tar-Regolamenti dwar Timijiet ta' Investigazzjoni Konġunta (Stati Membri tal-UE) (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.18)? Jista' jgħid għal liema għan speċifiku twaqqfu l-imsemmija timijiet u jindika l-perjodu li għalih twaqqfu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Talbiet pendenti dwar kumpens għal ħsara mill-kriminalità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4827 u jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet pendenti taħt ir-Regolamenti tal-2007 dwar Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità u li s-smigħ dwarhom kompla jsir taħt ir-Regolamenti dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12)? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema reati kriminali kienu dawn it-talbiet, kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u x'inhu l-ammont ta' kumpens li ngħata?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed nannetti ma’ din it-tweġiba tabella bit-talbiet pendenti taħt ir-Regolament tal-2007 dwar Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità li s-smigħ dwarhom kompja jsir taħt ir-Regolament dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12. NUMRUTIP TA’ REATAĊĊETTATIRIFJUTATIAMMONT IMĦALLAS 2Ħsara fuq il-persunaN/A2N/A 1Dannu għal vettura in segwitu ta’ sparaturaN/A1N/A 1Serq, ħsara għal proprjeta` u ħsara mentali u psikoloġikaN/A1N/A 1Omiċidju volontarju1N/A€23,293.73 1SerqN/A1N/A 1Ħsara fuq il-proprjeta`N/A1N/A Total: 716€23,293.73

Applikazzjonijiet għall-kumpens għal ħsara mill-kriminalità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4826 u jgħid, kemm-il applikazzjoni għal kumpens ġiet ippreżentata skont dak li jipprovdu r-Regolamenti dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12)sena b'sena, mis-sena 2012 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema reati kriminali kienu dawn it-talbiet, kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u x'inhu l-ammont ta' kumpens li tħallas?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Childcare b’xejn — omm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’jista’ jsir meta omm li qed tfittex ix-xogħol, tapplika għall-Childcare b’xejn (peress li biex issib xogħol trid iż-żmien tagħha)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawk kollha li mhumiex eliġibbli għall-iskema ta’ Childcare b’xejn u jkunu qed jattendu xi kors offrut minn Jobsplus waqt li qed ifittxu xogħol jistgħu jibbenefikaw miċ-Childcare Subsidy Scheme li hija amministrata wkoll minn Jobsplus. Iktar informazzjoni tinstab fuq https://jobsplus.gov.mt/schemes-jobseekers/childcare-subsidy-scheme.

Kuntratt tad-dar — każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt tad-dar tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, peress li ilhom is-snin fuq konvenju u jridu jsiru l-actual owners?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-art inkwistjoni għadha ma ġietx trasferita lill-Awtorita` tad-Djar