Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva - nisa fuq bordijiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 4951.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali - nisa fuq bordijiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 4951.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — Spejjeż għal safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għas-safar għall-Ministeru minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid għal kull safra (a) min kienu l-persuni li siefru; (b) minn min kienu akkumpanjati; u (c) x’kien l-iskop ta’ kull safra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni tirrigwardja safar min meta twaqqaf il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma minn Ġunju 2017.

Ministeru għas-Saħħa — spejjeż fuq safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għas-safar għall-Ministeru minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid għal kull safra (a) min kienu l-persuni li siefru; (b) minn min kienu akkumpanjati; u (c) x’kien l-iskop ta’ kull safra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Nisa f'Pożizzjoni ta' Teħid ta' Deċiżjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4853 u tgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaħdmu fis-settur pubbliku bħalissa? Kemm kien hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l-10 ta’ Marzu 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tkun aktar speċifika fir-rigward tal-gradi jew skali mitluba għall-mistoqsija konċernata.

Għawdex — Ħondoq ir-Rummien – reverse osmosis

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex impjant ta' reverse osmosis f'Għawdex ġie deċiż mill-Ministeru tiegħu u/jew mill-Water Services Corporation (WSC) biex isir fil-bajja popolari ta' Ħondoq ir-Rummien? Jista' jispjega kif dan ser ikun l-ewwel impjant ta' reverse osmosis li ser isir f'bajja popolari fil-pajjiż kollu, peress li dawk li diġà qed joperaw kollha huma mbegħda minn bajjiet? Jista' jgħid xi studji saru mill-Ministeru tiegħu u/jew mill-WSC fuq l-impatt o meno li jista’ jkun hemm minn dan l-impjant u jpoġġi kopja ta' dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li l-post magħżul (binja eżistenti) diġà kien iservi għal dan l-użu u bħal l-impjanti kollha tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, huwa ħdejn il-baħar. Ta’ min jgħid ukoll li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet l-istudji neċessarji kollha u tikkonferma li l-impjant ser jilħaq l-ogħla standards , inkluż dawk ambjentali.

Deep Water Quay Marsa – Tender ta’ refurbishment and upgrading works (Phase 2)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijet li iktar minn 11-il xahar wara li nħarġet it-tender għal Refurbishment and Upgrading Works (Phase 2) fid-Deep Water Quay Marsa, din ġiet ikkanċellata fis-6 ta’ April 2018? X’inhu l-pass li jmiss? It-tender ser terġa’ toħroġ mill-ġdid? Sadanittant x’ser isir fl-immedjat f'din il-parti tad-Deep Water Quay, peress li din tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tat-tender għal xogħlijiet tal-Phase 2 fuq id- Deep Water Quay tal-Marsa, għadu ma ntemmx peress li issa jinsab fi stadju ta’ Appell. Madankollu, nixtieq nirrimarka li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fuq l-istess moll tlestew, liema xogħlijiet kienu jinkludu tiswija u tisħiħ fl-istruttura tal-ħadid li tifforma il-pedament tal-moll, kostruzzjoni ta’ piles ġodda madwar il-perimetru ta’ barra tal-moll kif ukoll installazzjoni ta’ revetment, dan filwaqt li ġew kostruwiti wkoll cope beam u deck slab ġodda tal-konkos b’disinn ġdid.Sar ukoll tibdil u upgrading tal-bollards u fenders.Dawn ix-xogħlijiet saru sabiex il-moll, li kien fi stat hażin ħafna, ikun jista’ jingħata wiċċ ġdid u jiġi msaħħaħ kemm għall-użu minn bastimenti akbar li qegħdin diġà joperaw illum il-ġurnata kif ukoll bastimenti oħrajn li huma mistennija li jibdew joperaw fil-ġejjieni. Dan l- upgrading kien ukoll meħtieġ għall-operazzjoni ta’ merkanzija moderna skont il-ħtiġijiet tas-settur u tal-port.

Programm ta’ finanzjament mal-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid, issa li bdew id-diskussjonijiet dwar il-programm ta' finanzjament li jmiss mal-Unjoni Ewropea, jekk il-Gvern skattax dak li hemm fid-Dikjarazzjoni fuq Għawdex li hemm mat-trattat ta' adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni u ċjoè jekk Malta talbitx li l-Kummissjoni tirraporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' Għawdex u b'mod speċjali dwar id-differenzi fil-livelli ta' żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta? Tista' tgħid meta sar dan min-naħa tal-Gvern Malti u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba li saret min-naħa ta' Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Gvern għadu ma skattax dan il-mekkaniżmu. Infakkar li l-proposti għall-Politika ta’ Koeżjoni għad iridu joħorġu lejn l-aħħar ta’ Mejju, wara li fit-2 ta’ Mejju għadhom kemm ħarġu biss il-proposti tal-qafas ġenerali tal-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea. Infakkar ukoll li l-aħħar darba li ġie skattat dan il-mekkaniżmu sar diversi xhur wara li ħarġu l-proposti għall-qafas ġenerali u għall-Politika ta’ Koeżjoni.

Tibdil Leġislattiv fil-Kap. 440 tal-Liġijiet ta’ Malta

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2642, jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol fuq l-abbozz li skont it-tweġiba mogħtija f'Novembru kien 'fi stadju avvanzat ħafna' tenut kont ukoll li r-Regolamenti (UE) 2016/679 jibda japplika mill-25 ta' Mejju 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab influrmat li t-test tal-abbozz huwa konkluz wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropeja u se jgħaddi għat-tieni qari.

Ħal Tarxien – Triq Santa Maria u Triq is-Sorijiet- xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3540 u jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u qed isiru ġewwa Triq Santa Maria Ħal Tarxien u jistax jara li l-parti inizzjali tat-triq minn Triq is-Sorijiet ‘l quddiem, tiġi rranġata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li fi Triq Santa Marija sar xogħol ta’ resurfacing. Intant, infurmat ukoll mill-istess Kunsill li ma għandux fondi għall-parti tat-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Madankollu, l-istess Kunsill ta’ Ħal Tarxien informa li din il-medda se ssir mill-Gvern Ċentrali permezz tat-twaqqif tal-aġenzija l-ġdida responsabbli mit-toroq.

Ħal Tarxien- Triq id-Dejma — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet qed isiru ġewwa Triq id-Dejma Tarxien u kemm huwa proġettat li jintefaq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li fi Triq id-Dejma qed isir xogħol ta’ resurfacing li ġej jiswa’ madwar €50,000.

Ħal Tarxien – Triq il-Kbira – rapport tekniku tal-ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarx rapport tekniku tal-ħsarat li hemm ġewwa Triq il-Kbira Ħal Tarxien u fil-każ iqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li fir-rigward ta’ Triq il-Kbira, il-Kunsill jitlob lill-perit tiegħu jipprepara rapport, jekk u meta jkun ippjanat li ssir t-triq.

Ħal Tarxien – Triq iż-Żejtun -rapport tekniku tal-ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarx rapport tekniku tal-ħsarat li hemm ġewwa Triq iż-Żejtun Ħal Tarxien u fil-każ iqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li fir-rigward ta’ Triq iż-Żejtun, il-Kunsill jitlob lill-perit tiegħu jipprepara rapport, jekk u meta jkun ippjanat li ssir t-triq.

Wied il-Għajn — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3782 u jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru jew beħsiebhom isiru tul din il-leġislatura f’Wied il-Għajn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru s’issa huma: Bini ta’ culverts għall-ilma tax-xita fi Triq is-Salini, Wied il-Għajn. · Kisi ta’ retaining wall f’Żonqor Point, Wied il-Għajn. · Tiswijiet fil-kurduna fi Triq Sant’Antnin, Wied il-Għajn. · Bini tal-pedamenti bi blokki kbar fil- Football Ground , Wied il-Għajn. In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet kienet dik ta’ € 64,823.74. Barra minn hekk, x-xogħlijiet li beħsiebhom isiru huma: · Kostruzzjoni ta’ Għassa tal-Pulizija, Wied il-Għajn (xogħol li qed isir għall-Pulizija). · Kostruzzjoni ta’ football ground u faċilitajiet anċillari fil-Park tal-Ħbiberija Sant’Antnin, Wied il-Għajn (xogħol li qed isir għall-MEDE). · Bini ta’ culvert għall-ilma tax-xita fi Triq De Rohan, Wied il-Għajn. · Bini ta’ Diving Centre , Wied il-Għajn (Proġett tal-MEDE). · Bini ta’ Pixxina u Clubhouse , Wied il-Għajn (Proġett tal-MEDE). · Poġġaman tal-ħadid li jdawwar il-knisja parrokkjali, Wied il-Għajn In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet hija stmata li tkun dik ta’ € 7,149,240.

Kunsill Lokali Mellieħa – bring-in sites

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema żoni differenti kienu mpoġġija l-Bring-in Sites mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fil-konfini tal-lokalità, sena b’sena bejn Jannar 2009 u Marzu 2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2009 il-Bring-in Sites fil-lokalità tal-Mellieħa kienu jinstabu fiż-żoni sussegwenti: 1. Triq l-Iżbark tal-Franċiżi 2. Triq l-Etna 3. Qasam Barrani 4. Ramla tal-Qortin 5. L-Armier iż-Żgħir 6. Ramla tat-Torri l-Abjad 7. Triq il-Marfa 8. Triq it-Trill 9. Daħlet ix-Xmajjar 10. L-Għadira 11. Triq il-Mellieħa Filwaqt li fl-2010 żdiedet żona oħra li hija Ix- Xatt Ta` Santa Marija. Għaldaqstant mill-2010 sal-2014 il-lokalità tal-Mellieħa kellha tnax–il żona fejn kienu jinstabu il- Bring-in Sites. Dan qabel ma l-Wasteserv tat dawn is-siti lill-Kunsill Lokali biex jiġu ġestiti minnhom hekk kif stabbilit fil-kuntratt oriġinali.

Kunsill Lokali Mellieħa – bring-in sites

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema żoni differenti kienu mpoġġija l-Bring-in Sites mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fil-konfini tal-lokalità, sena b’sena bejn Jannar 2009 u Marzu 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 5445.

Kunsill Lokali Mellieħa – bring-in sites

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ Bring-in Sites fil-lokalità tal-Mellieħa bejn Jannar 2009 u Marzu 2018 (sena b’sena)?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija l’istess bħar-risposta’ għall-Mistoqsija Parlamentari 5444 u cioè li fl-2009 il-lokalità tal-Mellieħa kellha ħdax-il żona fejn kienu jinstabu il-Bring-in Sites. Dawn żdiedu għal tnax-il żona fl-2010 sas-sena 2014. Dan qabel ma l-Wasteserv tat dawn is-siti lill-Kunsill Lokali sabiex jiġu ġestiti minnhom hekk kif stabbilit fil-kuntratt oriġinali.

Kunsill Lokali Mellieħa – bring-in sites

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ Bring-in Sites fil-lokalità tal-Mellieħa bejn Jannar 2009 u Marzu 2018 (sena b’sena)?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 5445.

Għawdex – Klinika tar-Rabat — tobba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex fl-aħħar jiem il-Klinika tar-Rabat, Għawdex, spiċċat għal iżjed minn darba u għal sigħat twal mingħajr tabib? Jista’ jgħid min hu responsabbli li jara li fil-Klinika tar-Rabat, Għawdex, ikun hemm tabib kull ħin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’okkazjoni waħda ċ-ċentru tas-saħħa fir-Rabat Għawdex għal ftit ħin (madwar sagħtejn) kien mingħajr is-servizz ta’ tabib minħabba sitwazzjoni anomala fejn iż-żewġ tobba li kellhom ikunu xogħol dak inhar irraportaw li kienu ma jifilħux. Sakemm wasal tabib ieħor minflokom, pazjenti li kellhom bżonn attenzjoni medika urġenti setgħu jieħdu l-kura mill-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.