Peress li nhar id-19 t’April fl-Isptar Monte Carmeli, persuna marida u li kienet għal kura l-Isptar neħħiet ħajjitha b’idejha meta ddaħlet biex tiġi protetta, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi r-rapport tal-investigazzjoni u jgħid x’passi ttieħdu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dwar dan il-każ kienu infurmati l-Pulizija dak inhar stess u għaddejja nkjesta maġisterjali taħt il-Maġistrat Neville Camilleri. Għaddejja ukoll investigazzjoni amministrattiva interna.
Deputati Parlamentari li huma impjegati fis-settur pubbliku
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5172 u 4813 u ċjoè: Peress li dan l-aħħar dehru xi rapporti f’sezzjonijiet tal-midja dwar impjiegi mal-gvern u entitajiet pubbliċi barra mis-servizz pubbliku, inkluż il-każ tad-Deputat Parlamentari li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u peress li l-impjieg fis-settur pubbliku huwa regolat b’Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni u li kull impjieg ma’ kull korp stabbilit bil-Kostituzzjoni jew b’xi liġi jew taħt xi liġi oħra, u ma’ kull soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ta’ Malta, jew xi korp kif intqal qabel, ikollhom sehem biżżejjed biex jikkontrollaw jew li fuqu jkollhom kontroll effettiv, għandu, kemm-il darba dak id-dħul ma jkunx sar wara eżami pubbliku li jkun ġie avżat kif imiss, isir permezz tas-servizz għall-impjegar (jiġifieri Jobs Plus jew l-ekwivalenti tiegħu fil-passat), jista’ l-Prim Ministru jgħid:
1) min huma dawk id-deputati eletti fil-Parlament li sal-jum tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija huma impjegati fis-settur pubbliku u/jew li qed joffru servizzi ta’ konsulenza b’kuntratt lill-istess settur pubbliku, fit-tliet kategoriji msemmija (a) Dipartimenti tal-Gvern, (b) Korpi Pubbliċi jew Awtoritajiet u (ċ) kumpaniji kummerċjali fejn il-gvern għandu l-kontroll effettiv;
2) meta kienu ingaġġati dawn id-deputati fis-servizz pubbliku jew entitajiet fuq imsemmija u b’liema metodu msemmija fil-Kostituzzjoni;
3) x’kuntratt ta’ impjieg/servizz għandhom dawn id-deputati kif ukoll id-dħul gross annwali tagħhom; u
4) x’inhi l-kariga u grad li jokkupaw illum?
B’referenza għall-Port tal-Imġarr li minbarra t-traġit tal-Gozo Ferry, hemm yacht marina, it-traġit bejn Għawdex u Kemmuna, ħatt ta’ merkanzija privata, fuel station għad-dgħajjes u żona ta’ dgħajjes tas-sajjieda, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Port tal-Imġarr Għawdex hu mingħajr Port master?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta hija l-Awtorita’ kompetenti li tmexxi il-portijiet kummerċjali fuq mudell ta’ uffiċċju ta’ Harbour Master wieħed. Il-Harbour Master għandu jassistuh tim ta’ uffiċċjali kompetenti inkluż Deputy Harbour Master u sezzjonijiet bħal Vessel Traffic Services (VTS) u Traffic Management. Fil-port ta’ l-Imġarr Għawdex, l-Awtorita’ timpjega Marine Manager u Port Inspectors li jaħdmu taħt id-direzzjoni tal-Harbour Master.
Peress li Malta għandha fost l-agħar rati ta’ riċiklaġġ fl-Ewropa, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-iskema ta’ depożiti tal-fliexken ġiet posposta għas-sena 2019 meta kellha ssir din is-sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta’ depożitu tal-kontenituri tax-xorb ma ġietx posposta. L-iskema ġiet imnedija għall-konsultazzjoni pubblika l-ġimgħa li għaddiet, liema konsultazzjoni tkun konkluża sal-4 ta’ Ġunju 2018.
Wieħed mill-istadji importanti biex titħaddem skema bħal din hija r-reġistrazzjoi tal-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-parametri hekk kif stabbiliti, fejn il-produtturi kif ukoll fuq l-importaturi ser ikollhom jirreġistraw il-prodotti tagħhom, kif ukoll dawk li jinnegozjaw mal-fornituri sabiex jintroduċu l-immarkar neċessarju fuq il-prodott.
Dan il-proċess jieħu madwar disa’ u tnax-il xahar sabiex jiġi konkluż. Barra minn hekk, trid ukoll ssir sejħa għall-offerti sabiex jiġi identifikat operatur għar-ripożitorju tal-flixkien li hu mistenni li jinvesti fil-makkinarju u tagħmir għal Malta u Għawdex kollu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5441, peress li qed nirreferi għal €1.2 biljun fi flus u jekk jistgħux ikunu rkuprati sa tmiem is-sena 2013, il-Gvern kellu arretrati fid-dħul tiegħu ta' xejn inqas minn €1.6 biljun u li minn dan id-dħul dovut lill-Gvern, għal raġunijiet diversi, għadu ma tħallasx xejn inqas minn €1.2 biljun, li qed jitqiesu bħala li ma jistgħux jiġu rkuprati, jista’ l-Ministru jgħid illum, kemm huwa l-ammont ta’ flus li huma dovuti lill-Gvern u għadhom ma tħallsux? X’inhuma r-raġunijiet li dawn il-flus għadhom ma nġabrux? Kemm huwa l-ammont ta’ flus li jistgħu jitqiesu bħala li ma jistgħux jiġu rkuprati?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-aħħar ċifri awditjati mill-Awditur Ġenerali huma kif murija fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-kontijiet pubbliċi għall-2016.
Kif muri f’dan ir-rapport, matul l-2016, is-settur pubbliku ġabar madwar 192.3 miljun ewro f’arretrati. Is-sena 2016 ingħalqet b’madwar 1.2 biljun ewro f’arretrati.
L-arretrati fid-dħul tal-Gvern jinġemgħu għal diversi ragunijiet, fosthom dawk ta’ żmien li fihom jinġabru, legali u oħrajn.
Isiru sforzi regolari sabiex il-livell tal-arretrati jinżamm f’livell baxx kemm jista’ jkun.
Proposti tal-Kummissjoni Ewropea — taxxa korporattiva ġdida
Question
Peress li ftit jiem ilu l-Kummissjoni Ewropea ħabret il-proposta tagħha dwar il-Baġit Ewropew għas-snin 2021-2027 u l-Kummissjoni Ewropea tixtieq li l-Unjoni Ewropea tiġbor il-flus minn skema ta' taxxa korporattiva ġdida mis-sistema ta' skambju ta’ emissjonijiet u kif ukoll mill-plastik mormi, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern Malti jaqbilx ma' dawn il-proposti hekk msejjħa ir-riżorsi proprji (own resources)?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Istqarrija li ħareġ il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza fit-2 ta’ Mejju 2018, li fiha l-Gvern iddikjara li qed jistudja s-sinifikat tal-proposti, filwaqt li tenna l-pożizzjoni tiegħu dwar materji ta’ taxxi. Din il-pożizzjoni kienet ukoll spjegata fin-non-paper tal-Gvern li jiena qgħedt fuq il-mejda tal-Kamra fl-20 ta’ Marzu 2018.
Ministeru għall-Finanzi — production costs għal TV advertising - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Turiżmu — production costs għal TV advertising - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 ’l hawn intnefqu b’kemm jiswew €23,940 (tlieta u għoxrin elf, disa’ mija u erbgħin Ewro) fuq production costs għal tv advertising.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — production costs għal TV advertising - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-infiq li sar relatat mal-production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 maqsuma sena b’sena huwa dan:
2013
Xejn
2014
873.77
2015
Xejn
2016
3184.45
2017
7,245.49
2018
Xejn
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — production costs għal TV advertising - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — production costs għal TV advertising - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — production costs għal TV advertising - nefqa
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt li qed tindika in-nefqa għal production costs għat-TV advertising kif mitluba.
Sena
Deskrizzjoni tar-Reklam/Kampanja relatata
Nefqa : Ammont inkluż
VAT(€)
2014
No Smoking campaign
€830.00
Healthy Living campaign
€4,684.00
2015
Lunch box campaign
€1,700.00
Physical Activity
€1,500.00
2016
Healthy food campaign
1522.20
Healthy weight for life campaign
6307.10
Lunchbox Campaign
€1,032.50
Organ Donation advert
€3,469.20
2017
Anti-Smoking Campaign
€885.00
Various Campaigns (Flu & Don't drink and drive)
€1,770.00
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – Direct orders bejn l-2008 u l-2013
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tiegħu) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba skont Taqsima III tar-Regolamenti tal-2016 dwar l-Akkwist Pubbliku. Speċifikament, Regolament 103.
Miżuri biex annimali indiġeni lokali jkunu konservati u mkattra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu mill-Gvern biex annimali indiġeni lokali jkunu konservati u mkattra? Hemm xi programmi u/jew għajnuniet biex iħajru raħħala u bdiewa jrabbu dawn l-ispeċi indiġeni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala miżuri biex nissalvagwardjaw ir-razez tal-annimali indiġeni agrikoli, qed inżommu merħliet ta’ dawn l-annimali fosthom baqar, mogħoż, nagħaġ u tiġieġ fil-qasam tar-riċerka agrikola ġewwa l-Għammieri, bil-għan ta’ konservazjoni u tkattir. Barra minn hekk, id-Direttorat responsabbli qed iżomm kuntatt ma raħħala li jrabbu dawn ir-razzez sabiex jagħti pariri kif dawn ir-razzez ikunu jistgħu jibqgħu mħarsa.
Il-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020 jinkludi miżuri li joffru għajnuna finanzjarja għat-trobbija u l-konservazzjoni ta' annimali indiġeni. L-iskemi agro-ambjent-klima 6A u 6B, li jaqgħu taħt il-Miżura 10.1 tal-Programm, huma skemi li jipprovdu għajnuna għall-integrazzjoni u ż-żamma ta' speċijiet Maltin, speċifikament it-tiġieġa sewda Maltija u l-gendus Malti. Barra minn hekk il-Programm jinkludi wkoll il-Miżura 10.2, li għadha ma ġietx imnedija mill-Awtorità ta' Ġestjoni, u li tipprovdi għajnuna finanzjarja għall-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura. Din il-miżura tkopri l-konservazzjoni ta' riżorsi ġenetiċi tal-annimali li għandu jsir primarjament permezz tal-introduzzjoni mill-ġdid ta' speċijiet indiġeni Maltin ta' annimali li qegħdin f'riskju ta' estinzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba saret manutenzjoni fuq l-iskalin madwar Malta u Għawdex, meta saret din il-manutenzjoni u f'liema lokalità sena b'sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġiet tiswa l-ispiża biex saret il-manutenzjoni tal-iskalin f'kull lokalità?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema li tgħin lis-sajjieda jikkonservaw id-dgħajjes tas-sajd tradizzjonali tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kien hemm sajjieda li gawdew minn din l-iskema? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal din l-iskema?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-mument m’hemmx skema li tgħin lis-sajjieda jikkonservaw id-dgħajjes tas-sajd tradizzjonali tagħhom
Provvista ta’ ħaxix, frott, ħut u laħam – żieda fis-sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tiżdied aktar is-sigurtà tal-provvista ta' ħaxix, frott, ħut u laħam frisk u lokali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sigurtà tal-provvista bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja ġiet indirizzata mill-Politika Agrikola Komuni (PAK), li tipprovdi għajnuniet diretti lill-bdiewa u raħħala sabiex ikunu jistgħu iwettqu attività agrikola sostenibbli u li jipproduċu, fost affarijiet oħra, ħaxix, frott u laħam. Filwaqt li bl-adozzjoni f’Malta tal-iskema ta’ pagament uniku diżakkoppjat fl-2007, l-għajnuniet diretti jipprovdu dħul finanzjarju lill-bidwi jew raħħal bla rabta mal-produzzjoni sabiex ikun jista’ jiddeċiedi hu x’tip ta’ attività għandu jwettaq, mir-Riforma tal-PAK tal-2013 il’ quddiem Malta bħala eċċezjoni f’ċertu setturi sensittivi żammet ħlasijiet volontarji akkopjati. Barra minn hekk ġew imnedija wkoll għajnuniet li jkomplu jsaħħu l-kompetitività, l-effiċjenza u l-innovazjoni fl-agrikoltura taħt il-programm tal-iżvilupp rurali 2014-2020.
Rigward s-sigurtà fil-provvista ta’ ħut, f’Malta, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, timplimenta dawk il-passi kollha sabiex tinforza miżuri maqbula kemm fuq livell internazzjonali, fi ħdan l-Unjoni Ewropeja, kif ukoll fuq livell nazzjonali bil-għan li tassigura li l-istokkijiet tal-ħut jibqgħu sostenibbli. B’hekk kemm is-sajjieda tal-lum kif ukoll dawk tal-ġenerazzjonijiet li jmiss jibqgħu jsibu ħut li jista jittieħed mill-baħar filwaqt li jiġu preservati l-istess ekosistemi illi jagħmlu parti minnhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ġenituri tat-tfal li jattendu fiċ-Childcare Centres u jfallu f'każijiet ġenwini ta' mard, għadhomx jiġu ppenalizzati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li irrispettivament mir-raġuni ta’ assenza, il-ġenituri ma jiffaċċjaw l-ebda penali jekk uliedhom ifallu milli jattendu għal 25% tal-ħin li jkunu bbukjaw. Dan ifisser li t-tfal jistgħu ifallu sa massimu ta’ tliet (3) xhur sħaħ minn sena. Infurmat li fl-ebda pajjiż fid-dinja ma teżisti sistema daqstant ġeneruża li taġevola l-ġenituri b’dan il-mod.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — nisa fuq bordijiet tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba b’rabta mal-bordijiet maħtura, mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, mill-elezzjoni sal-lum hija din ;
Total ta’ 254 membru fejn 109 minnhom huma nisa. Dan ifisser illi 43% tal-membri huma nisa.
Dan hu aktar minn konformi mal-wegħda tal-manifest elettorali biex nżommu mal-kwota ta’ 40% illi jkunu nisa.