Legislature:
Category:
Reset
Active:

Avukat Ġenerali – kopja ta’ ittra

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-Avukat Ġenerali ta lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament jew lill-Avukati tal-istess individwu u li permezz tagħha jingħad li l-imsemmi individwu mhux qed jiġi investigat?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onorevoli Membru huwa nformat illi t-tip tas-suppost ittra deskritta fid-domanda ma tinħarigx mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Jekk l-Onorevoli Membru għandu xi nformazzjoni li raġjonevolment wasslitu biex jemmen li teżisti tali ittra kordjalment nitolbu biex, jekk jidhirlu, jgħaddihieli.
Leg 13 PQ #5506 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

FIAU – kopja ta’ ittra

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) ta lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament jew lill-Avukati tal-istess individwu u li permezz tagħha jingħad li l-imsemmi individwu mhux qed jiġi investigat?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-natura tal-informazzjoni li qiegħda tiġi mitluba ma tistax tiġi pprovduta għaliex din hija ikklassifikata bħala kunfidenzjali ai termini tal-Artikolu 34 tal-Att Kontra Money Laundering, u l-Korp huwa pprojbit milli jiżvela din it-tip ta’ informazzjoni ai termini tal-istess Artikolu.
Leg 13 PQ #5507 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MFSA – kopja ta’ ittra

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) tat lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament jew lill-Avukati tal-istess individwu u li permezz tagħha jingħad li l-imsemmi individwu mhux qed jiġi investigat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif jaf l-Onor. Membru l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta topera taht l-obbligu legali tas-segreteza professjonali u l-informazzjoni mitluba hija tat-tip li, kieku d-dokument li għalih hemm referenza fid-domanda kien jeżisti, kienet taqa’ fil-kategorija ta’ informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali. Madankollu l-Awtorita ma għandha ebda għarfien jew indikazzjoni li hija qatt ħarġet ittra bħal dik imsemmija fid-domanda.
Leg 13 PQ #5508 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Laqgħat ma’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li huwa ltaqa' mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament nhar il-Ħamis 3 ta' Settembru 2015?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-mistoqsija tiegħu hija bba¿ata biss fuq spekulazzjoni bla bażi li diġà ġiet miċħuda pubblikament, ngħarrfu xorta waħda li r-risposta tiegħhi hija fin-negattiv, jiġifieri le.
Leg 13 PQ #5509 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Laqgħat ma’ individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5292 waqt is-seduta ta' nhar it-23 ta' April 2018, jista' l-Prim Ministru jagħti ż-żewġ dati ta' meta huwa ospita u ltaqa' mal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5292.

L-Imrieħel – bypass – pedestrian footbridge — ftehim

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe ftehim li sar dwar il-pedestrian footbridge li jinsab fil-bypass tal-Imrieħel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżid mat-twegibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar dan is-suġġett. Bla dubju nerġa nesprimi wkoll id-diżappunt tiegħi bħala Ministru u wkoll f’isem Transport Malta għad-dewmien tal-proġett ikkawzat min-nuqqas ta’ kollaborazzjoni mill-kuntrattur.

Sillabi ġodda mnieda fil-Kinder, Grade 3 u Year 7

Question

Jista’ l-Ministru jgħid li issa li ġew mnedija s-sillabi ġodda fil-Kinder, Grade 3 u Year 7 permess tal-LOFs, il-kumplament tal-klassijiet liema sillabi se jkomplu jsegwu? Jista’ jgħid ukoll jekk l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti humiex se jsegwu l-istess sillabi tal-LOFs u x’taħriġ qiegħed jingħataw l-għalliema bi preparazzjoni għal din il-bidla?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-klassijiet kinder 1, Year 3 u Year 7 se jibdew jużaw is-sillabi l-ġodda minn Settembru 2018. Il-bqija tal-klassijiet se jibqgħu jużaw is-sillabi li għandhom sal-lum. Huwa ppjanat li sillabi ġodda jidħlu fil-bidu ta’ kull sena skolastika, gradwalment, sena b’sena. L-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti għandhom l-għażla li jgħallmu bis-sillabi tal-iskejjel tal-Istat jew joħolqu s-sillabi tagħhom. Dejjem hekk kienet il-prassi. Matul ix-xahar ta’ Marzu sar taħriġ dwar l-LOF lill-kapijiet u l-assistenti kapijiet tal-iskejjel kollha. Iktar minn 300 ruħ ġew imħarrġa. Matul ix-xhur ta’ April u Mejju qiegħed isir taħriġ ieħor lill-għalliema kemm tal-primarja kif ukoll tas-sekondarja. Madwar 2,000 għalliem qiegħdin jiġu mħarrġa. Dan it-taħriġ huwa mmexxi mill-Uffiċjali Edukattivi tas-suġġetti differenti. Fl-in-service training ta’ Lulju li ġej, se jitkompla t-taħriġ għall-għalliema, fejn madwar 2,000 għalliem ieħor se jingħataw it-taħriġ. Fis-sena skolastika li ġejja, jerġa’ jsir aktar taħriġ għall-għalliema skont il-ħtieġa.

Skejjel tal-Istat – textbook tal-matematika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk se jkunx hemm tibdil fit-textbook tal-matematika fl-iskejjel tal-Istat mis-sena skolastika li jmiss 2018/2019? Jista’ jikkonferma t-textbooks se jkunu qegħdin jintużaw sena b’sena ta’ livell primarju mis-sena skolastika li ġejja, anke in vista tal-introduzzjoni tal-LOFs dejjem fis-suġġett tal-matematika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li matul is-sena skolastika li ġejja [2018-2019] mhu se jsir l-ebda tibdil fil-kotba tal-matematika fl-iskejjel tal-Istat. Il-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim mhu mfassal fuq l-ebda textbook partikolari u għalhekk jista’ jintuża mal-iskema preżenti li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u anke ma’ diversi skemi oħrajn. Matul dawn l-aħħar snin id-Direttorat ta l-opportunità lill-iskejjel kollha tal-Istat jipproponu textbooks differenti jekk iħossu li t-textbooks li għandhom mhumiex jilħqu l-għanijiet tas-sillabu u l-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom tajjeb biżżejjed. L-iskejjel ingħataw il-libertà biex jipproponu l-għażliet tagħhom lid-Direttorat. Jekk l-iskema li jagħżlu tkun tindirizza l-istess miri li hemm fis-sillabi nazzjonali m’għandux ikun hemm l-ebda problema.

Każini tal-banda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każin tal-banda f’Malta u f’Għawdex qiegħed għand il-kumitat jew l-għaqda tal-banda, taħt kirja jew enfitewsi u jindika liema huma?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor Interpellant hija mitluba tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat fejn jidhlu kirjiet jew enfitewsi fejn il-Gvern huwa s-sid. Fejn il-Gvern m'huwiex is-sid, allura nitlob lill-Onor Interpellant tirregola ruhha ma' dak li jridu l-Ordnijiet Permanenti.

Servizz ta’ Trasport Pubbliku mill-Mosta għal San Vinċenz de Paule

Question

Peress li hemm servizz dirett miċ-Ċirkewwa għal San Vinċenz De Paule li jgħaddi mir-Rabat, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ukoll servizz ta’ trasport pubbliku mill-Mosta dirett għal San Vinċenz De Paule?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi ir-rotta li qiegħed jagħmel aċċen għaliha hija ir-rotta X1. Din ir-rotta titlaq miċ-Ċirkewwa bid-destinazzjoni finali tagħha tkun l-ajruport. Fi triqitha din tgħaddi mill-Mellieħa, San Pawl Il-Baħar, Triq il-Costa Salina, l-Universita, l-Isptar Mater Dei u quddiem San Vincenz De Paule. Ghaldaqstant din ir-rotta ma tgħaddix mir-Rabat. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm il-possibilita li wieħed jmur San Vincenz De Paule billi jieħu konnettività mill-Mosta (Rotta 31 jew 260) u jibdel għar-Rotta X1 mill-Isptar Mater Dei jew mill-Belt Valletta fuq dawn 3 rotot; 73, 74 u X4.

Irranġar ta’ Gallerija – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, liema individwu jgħix f'binja tal-akkomodazzjoni soċjali u l-gallarija ta' dan l-appartament, tenħtieġ li tiġi rranġata b'mod urġenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dwar il-każ imsemmi, diġa saret spezzjoni fuq il-post, tlestiet l-istima u f’qasir żmien għandu jiġi ngaġġat kuntrattur biex jagħmel ix-xogħol meħtieġ.

ARMS Ltd – kontijiet — tariffi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kont inħareġ mill-ARMS Ltd fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2018 sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari, u li fih il-familji kellhom a) iħallsu kont biss bl-inqas rata ta’ tariffa u ċjoè sa 2,000 unit f’sena; b) iħallsu kont bit-tariffa li tinkludi l-ewwel u t-tieni tariffa u ċjoè sa massimu ta’ 6,000 unit f’sena; c) iħallsu bit-tariffa li tinkludi l-ewwel, it-tieni u sat-tielet tariffa u ċjoè sa massimu ta’ 10,000 unit f’sena; d) iħallsu bit-tariffa li tinkludi l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ tariffa u ċjoè sa massimu ta’ 20,000 unit f’sena; u e) iħallsu bit-tariffa li tinkludi l-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames tariffa u ċjoè aktar minn 20,000 unit f’sena?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Arms Ltd – qtugħ ta’ dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm l-ARMS Ltd bagħtet u/jew ħarġet ittri jew notices biex tinforma lill-familji u/jew lill-konsumaturi li l-ARMS Ltd se jkollha taqta’ id-dawl, fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2018 sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari separatament? U konsegwentament kemm fil-fatt inqata’ s-servizz tad-dawl fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2018 sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari, u x’kienu r-raġunijet għal dan il-qtugħ ta’ dawl?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Kontijiet – tnaqqis ta’ Eco-reduction

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kont kellu fih tnaqqis ta’ Eco-reduction separatament fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2018 sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

ARMs Ltd — kontijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il familja qed tirċievi kont kull xahrejn mill-ARMS Ltd? Kemm-il familja qed tirċievi kont kull tliet xhur mill-ARMS Ltd u kemm-il familja qed tirċievi kont mill-ARMS Ltd u li jkun ikopri sitt xhur u aktar?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Kuntratti dwar l-IVF

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kuntratt għandu l-Gvern dwar l-IVF dwar servizz professjonali ma’ entità privata bħala Public Private Partnership? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-kuntratt li jħaddem il-Gvern f’dan ir-rigward? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-kuntratt?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt mas-service provider għas-servizz tal-IVF ġewwa Mater Dei kien miktub u nnegozjat fl-2014 meta hu stess kien Ministru għas-Saħħa. Il-kuntratt huwa ta’ natura kummerċjali.

Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni — Emendi

Question

B’referenza għal dak li hu propost fl-emendi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, peress li se jiżdied il-Medical Tourism u nilqa’ li s-servizz se jiżdied ukoll lill-koppji tal-istess sess u peress li nafu wkoll li wild minn IVF (li jinkludi adozzjoni) juża s-servizz ta’ Intensive Baby Care Unit (NPICU) għax dawn jiġu mwielda qabel iż-żmien jew jitwieldu ta’ piż żgħir, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jserraħ rasna li s-servizz mediku tal-Isptar Mater Dei hu attrezzat b’kull riżors u li l-spazju tas-sala hu wieħed adegwat, u għalhekk se jilqa’ għaż-żieda fid-domanda ta’ trabi li se jidħlu l-NPICU? Jista’ jsemmi l-miżuri li ttieħdu fil-NPICU biex ir-riżorsi jissaħħu, bi preparazzjoni għall-implementazzjoni għall-emendi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni? Kemm hu attrezzat dan id-dipartiment preżentement?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-emendi għall-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijun li qedgħin jiġu diskussi fil-Parlament bħalissa ser ikollu effett l-oppost ta’ dak li qed isemmi hu. Dan minħabba, għal kuntrarju tal-prassi sal lum, mhux ser ikun permess li jitpoġġew aktar minn 2 embrijuni fl-omm f’kull ċiklu. Dan ser iwassal biex ikun hemm tnaqqis u mhux żieda ta’ trabi li jitwieldu b’piż żgħir.