Legislature:
Category:
Reset
Active:

Accident Investigation Authority

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titwaqqaf l-Accident Investigation Authority?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru jinsab f’ħidma sabiex, kif inhu mwiegħed fil-Manifest Elettorali, titwaqqaf Aġenzija li tkun responsabbli mill-investigazzjonijiet t’inċidenti fil-qasam tal-avjazzjoni, dak marittimu u dak relatat mat-trasport fit-toroq. F’dan ir-rigward, il-Ministeru qiegħed jikkonsulta mal-uffiċjali kkonċernati fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu, inkluż il-Bureau of Air Accident Investigation, kif ukoll il-Marine Safety Investigation Unit fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, bil-għan li l-operat tagħhom iżomm il-kontinwita’ meħtieġa. Dan qiegħed isir b’mod strutturat sabiex il-perjodu ta’ tħejjija jkun wieħed li jolqot l-aspetti kollha.

Pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn – somma li għandu jiġbor il-Gvern

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4852, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu l-bilanċ tas-somma totali li għandha tinġabar għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b'xejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bilanċ tas-somma totali li għandha tinġabar mill-gvern għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b'xejn sal-ahhar tal-2017 jammonta għal €836,309.41.
Leg 13 PQ #5062 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Spejjeż ta’ Media Events

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4861 u jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif l-Onor. Interpellant konxja, ladarba kienet hi wkoll tagħmel parti f’tim ta’ tmexxija għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili, it-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. Ninformaha li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu. Il-medja ta’ spejjeż għal kull attività tvarja bejn €400 u €600.
Leg 13 PQ #5063 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — impjegati detailed

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4858 u jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi, u min joħroġ tali salarju?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #5064 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni – Spejjeż ta’ Media Events

Question

Jista' l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4862 u jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lil-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 5062. Minbarra hekk ninformah ukoll li s-Segretarjat Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ma kienx jezisti qabel Ġunju 2017.
Leg 13 PQ #5065 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni - spejjeż ta' media events

Question

Jista' l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4863 u jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lil-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 5062. Minbarra hekk ninformah ukoll li s-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni ma kienx jezisti qabel Ġunju 2017.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — spejjeż ta' media events

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4868 u jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif l-Onor. Interpellanta konxja, ladarba kienet hi wkoll tagħmel parti f’tim ta’ tmexxija għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili, it-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. Ninformaha li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu. Il-medja ta’ spejjeż għal kull attività tvarja bejn €400 u €600.

Rapporti fuq gazzetta Franċiża

Question

B’referenza għar-rapporti negattivi li dehru fl-ewwel ħames paġni tal-ħarġa tal-gazzetta xellugija Franċiża “Le Monde” tal-Ġimgħa 20 ta’ April 2018, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hux ser ikun hemm tweġiba uffiċjali għalihom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-Gvern wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu mill-konsorzju tal-ġurnalisti ‘Daphne Project’ bil-miktub fuq l-allegazzjonijiet kollha li ġew irrapportati fuq il-mezzi tax-xandir.

Rapporti fuq gazzetta Franċiża

Question

B’referenza għar-rapporti negattivi li dehru fl-ewwel ħames paġni tal-ħarġa tal-gazzetta xellugija Franċiża “Le Monde” tal-Ġimgħa 20 ta’ April 2018, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hux ser ikun hemm tweġiba uffiċjali għalihom min-naħa tal-ambaxxata tagħna f’Pariġi?

Response (ABELA, CARMELO)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli interpellant li l-Gvern wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu mill-konsorzju tal-ġurnalisti ‘Daphne Project’ bil-miktub fuq l-allegazzjonijiet kollha li ġew irrapportati fuq il-mezzi tax-xandir.

Żjara ġewwa l-Awstralja — nefqa

Question

B’referenza għar-rapport li deher fis-sitt paġna tal-ħarġa tal-gazzetta The Malta Independent on Sunday tat-22 ta’ April 2018, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra min ħallas għall-vjaġġ, akkomodazzjoni u l-ispejjeż relattivi ġewwa l-Awstralja kif ukoll minn min kienet komposta d-delegazzjoni u min ħallas għall-istess vjaġġ, akkomodazzjoni u għall-ispejjeż relattivi għall-istess delegazzjoni? Jista’ jinforma kemm kienet l-ispiża komplessiva?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li ninsab informat li f'dan l-istadju għad fadal kontijiet relatati ma' din iż-żjara li ma humiex magħluqa, u għalhekk għadu mhux possibli li tingħata l-ispiza komplessiva. It-tagħrif sħiħ jingħata f'seduta ohra.

Żjara ġewwa l-Awstralja — nefqa

Question

B’referenza għar-rapport li deher fis-sitt paġna tal-ħarġa tal-gazzetta The Malta Independent on Sunday tal-22 ta’April 2018, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra min ħallas għall-vjaġġ, akkomodazzjoni u l-spejjeż relattivi ġewwa l-Awstralja kif ukoll minn min kienet komposta d-delegazzjoni u min ħallas għall-istess vjaġġ, akkomodazzjoni u l-ispejjeż relattivi għall-istess delegazzjoni? Jista’ jinforma kemm kienet l-ispiża komplessiva?

Response (ABELA, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab informat li f’dan l-istadju għad fadal kontijiet relatati ma’ din iż-żjara li mhumiex magħluqin, u għalhekk għadu mhux possibbli li tingħata l-ispiża komplessiva. It-tagħrif sħiħ jingħata f’seduta oħra.

Ambaxxata f’Lisbona – ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna f’Lisbona fil-Portugal tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Dawn huma l-ħidmiet u inizjattivi tal-Ambaxxata Maltija f’Lisbona għal dawn l-aħħar tletin xahar: I. Unjoni Ewropeja Ix-Chargé d’Affaires attenda għal mija u wieħed u sebgħin (171) laqgħa organizzati minn diversi Ministeri Portugiżi. Matul dawn il-laqgħat, il-Ministeri nfurmaw lill-Ambaxxati tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjonijiet u d-deċizjonijiet li kienu se jittieħdu mill-Portugal f’diversi laqgħat fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Brussell. Dawn il-laqghat kienu mqassma kif ġej: Ambjent: 16-il laqgħa Kummerċ: 6 laqgħat Affarijiet Barranin: 38 laqgħa Agrikoltura u Sajd: 32 laqgħa ECOFIN: 31 laqgħa Ġustizzja u l-Affarijiet Interni: 21 laqgħa Kunsill Ġenerali (GAC): 27 laqgħa Il-Proċess ta’ Rabat (Migrazzjoni): F’Novembru 2015, ix-Chargé d’Affaires attenda laqgħa dwar ir-Rabat Process f’Porto, fejn ġew diskussi fost l-oħrajn it-traffikar ta’ immigranti u l-Valletta Summit. II. Il-Presidenza Maltija Għall-Unjoni Ewropea a) Matul il-Presidenza Maltija, l-Ambaxxata laqqgħet l-Ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea tliet darbiet. Il-Ministru Portugiż tal-Affarijiet Barranin, il-Ministru tal-Intern, u s-Segratarju tal-Istat għall-Unjoni Ewropea attendew għal dawn il-laqgħat. b) Ġie organizzat ukoll kunċert fi żmien il-Presidenza Maltija. c) Ix-Chargé d’Affaires spjega l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija lill-membri tal-Ministeri Portugiżi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. d) L-Ambaxxatur mhux residenti Malti għall-Portugal spjega wkoll dawn il-prijoritajiet lil tnejn u għoxrin rappreżentant ta’ partiti politiċi Portugiżi fil- Parlament Portugiż. e) Ix-Chargé d’Affaires ipparteċipa f’attivitajiet simili taħt il-Presidenzi tal-Irlanda, Litwanja, Greċja, Italja, Latvia, Lussemburgu, l-Olanda, Slovakkja u l-Bulgarija. f) Fuq inizjattiva tal-Ambaxxata ta’ Malta, il-President tal-Portugal beda jorganizza laqgħat għall-Ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea matul kull Presidenza. III. Affarijiet Reġjonali Med 7: Ix-Chargé d’Affaires attenda għal madwar 15-il laqgħa oħra bejn l-Ambaxxaturi tal-pajjizi tal-Mediterran (Med 7) fejn jiġu diskussi suġġetti varji dwar ir-reġjun. Għal dawn il-laqgħat jattendi s-Segretarju tal-Istat għall-Unjoni Ewropea Portugiż. Med 7 Seminar: L-Ambaxxata ippartecipat fil-Med 7 Seminar f’Lisbona. Dan kien l-ewwel Seminar internazzjonali tal-Med 7 li ġie organizzat mill-Minsteru tal-Affarijiet Barranin Portugiż u l-għan kien li jiġu diskussi l-isfidi Soċjo-Ekonomiċi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. https://www.idn.gov.pt/conteudos/documentos/Med7_Seminar.pdf Lisbon Forum 2014: L-Ambaxxata attendiet għall-Lisbon Forum kull sena. Il-Lisbon Forum jiffoka b'mod partikolari fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u r-riforma demokratika fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Iservi wkoll bħala pjattaforma għad-djalogu u l-qsim tal-esperjenzi bejn l-Ewropa u r-reġjuni ġirien tagħha, speċjalment in-Nofsinhar tal-Mediterran. North South Dialogue: L-Ambaxxata pparteċipat f’dawn il-laqghat li jsiru kull sena li l-għan tagħhom hu li jiġu mxerrda l-valuri universali sostnuti mill-Kunsill tal-Ewropa: drittijiet umani, demokrazija, u s-saltna tad-dritt. Arraiolos Meeting: L-Ambaxxata assistiet lill-Ufficcju tal-President ta’ Malta dwar stedina lill-President Portugiż, li attenda l-Arraiolos Meeting li sar f’Malta f’Settembru 2017. IV. Konsolari L-Ambaxxata assistiet Maltin, kif ukoll persuni ta’ Nazzjonalità Ewropea, li kellhom bżonn għajnuna konsolari, bħal ħruġ ta’ passport urġenti, u servizzi konsolari oħra. L-Ambaxxata tinnota li bl-introduzzjoni ta’ erbgħa linji diretti tal-ajru bejn Malta u l -Portugal, dan it - tip ta’ xoghol diġà beda jiżdied konsiderevolment. L-Ambaxxata assistiet ukoll seba’ vapuri b’reġistrazzjoni Maltija li ltaqgħu ma’ diffikultajiet loġistiċi fl-ibħra Portugiżi. V. Kummerċjali Studenti tal- Ingliz: L-Ambaxxata ħadet l-inizjattiva li żżur skejjel f’Lisbona biex tħajjar studenti Portugiżi biex iżuru Malta għal korsijiet tal-Ingliz. L-assenza ta’ konnettività bejn iż-żewġ pajjiżi kienet intopp prinċipali dwar din l-inizjattiva li issa għandha tiġi irregolata. Il-kuntatt kien ġie stabbilit ma’ Feltom li kull sena joffru inċentivi biex organizzaturi barranin ta’ dawn l-iskejjel iżuru Malta u jaraw il-faċilitajiet għal studenti barranin. Kamra tal-Kummerċ Malta/ Portugal: L-Ambaxxata varat il-Kamra tal-Kummerċ Malta/Portugal f’Novembru 2013. Ix-Chargé d’Affaires nieda inizjattiva personali u vara Sit Elettroniku dwar din il-Kamra www.mpcc.org.mt. Dan is-sit ikollu mal-ħamest elef viżitatur kull sena. Il-Kamra tal-Kummerċ assistiet persuni li xtaqu informazzjoni dwar investiment u esportazzjoni minn/lejn Malta. Portugalia Exportador: L-Ambaxxata pparteċipat fil-Portugalia Exportador f’Novembru tal-2013, 2014 u 2015 fejn esportaturi Portugizi wrew ix-xewqa li jesportaw il-prodotti tagħhom. Air Malta/Ryanair: L-Ambaxxata kienet strumentali f’diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ linja diretta bejn iż-żewġ pajjiżi. Dwar dan l-Ambaxxata kellha laqgħat ma’ tmien linji tal-ajru differenti. Il-kumpaniji Air Malta u Ryanair bdew titjiriet diretti f’Marzu ta’ din is- sena u huwa mistenni li madwar 30,000 turist Portugi¿ i¿uru Malta kull sena b’dawn it-titjiriet. VI. Inizjattivi tal-Ambaxxata Go Abroad Week: L-Ambaxxata pparteċipat fil-Go Abroad Week f’Diċembru 2015, fejn studenti Universitarji fl-ISCTE Business School ġew imħajjra jibdew karriera f’Malta. VII. Żjarat Statali u Uffiċjali Żjara Statali: L-Ambaxxata tinsab involuta mill-qrib fil-preparazzjonijiet ta’ Żjara Statali li ser issir mill-E.T. l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’Mejju 2018. VIII. Żjarat uffiċjali oħra Summit tal-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran: Ġiet mogħtija assistenza lill-Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza li attendew is-Summit tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Din l-istedina ġiet mill-Prim Ministru tal-Portugal, Dr. Antonio Costa f’Novembru 2017 5+5 Mediterran tal-Punent: L-Ambaxxata assistiet u attendiet għal laqgħat li għalihom ġew f’Lisbona il-Prim Ministru, Ministri tal-Affarijiet Barranin, tal-Energija u Ambjent, Il-Ministru tal-Intern, u l-Ministru tat-Trasport. · Prim Ministru, l-Onor Joseph Muscat- Jannar 2017 · Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Onor George Vella - Mejju 2014 · Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, l-Joseph Mizzi - Ottubru 2014 · Ministru Għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u t-Tibdil tal-Klima, L-Onor Leo Brinact - Frar 2015 · Ministru tal-Intern u s-Sigurta Nazzjonali, l-Onor Carmelo Abela - Mejju 2015 · Ministru tal-Familja u s-Soliderjata Soċjali l-Onor Marie Louise Coleiro Preca - Jannar 2014. Din kienet tinvolvi wkoll żjara bilaterali fejn il-Ministru Coleiro Preca iltaqgħet mal-Ministru tal-Familja u Servizzi Soċjali Portugiż u ġie ffirmat memorandum ta’ ftehim bejn iż-żewġ Ministri dwar kooperazzjoni. · Ministru tal-Kompetittività u Qasam Diġitali, Qasam Marittimu u Servizzi Ekonomiċi, l-Onor Manuel Mallia -Lisbon Global Forum/Lisbon Web Summit, Novembru 2016. Euroferes: L-Ambaxxata assistiet delegazzjoni Parlamentari li attendiet għall-laqagħa tal-Euroferes f’Ottubru 2014. Din kienet laqgħa interparlamentari dwar l-Enerġija u l-Effiċjenza rinnovabbli. IX. Promozzjoni u Attivitajiet Soċjali L-Ambaxxata torganizza riċeviment kull sena li jikkommemora l-Indipendenza ta’ Malta. Dan iservi biex tiġi irreklamata Malta bħala pajjiż turistiku. Ix- Chargé d’Affaires jattendi wkoll riċevimenti simili ta’ pajjizi oħra mat-tliet darbiet kull ġimgħa.

Ambaxxata f’Madrid – ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna f’Madrid fi Spanja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li : Ġenerali Ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u Spajna huma ferm pożittivi li qegħdin ikomplu jissaħħu. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata Maltija f’Madrid ħadmet bla waqfien sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jiġu pprofonduti. Konsulari L-Ambaxxata dejjem kienet għad-disposizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fi Spanja u dawk li jivvjaġġaw lejn Spanja, u ċittadini Spanjoli li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta li jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsolari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali. Ta' min wieħed isemmi li l-Ambaxxata hija f'kuntatt qarib mal-Assoċjazzjoni ‘Amigos de Malta.Din hija organizzazzjoni li tħaddan fiha Spanjoli ta’ dixxendenza Maltija residenti f’Valencia. Għal dawn l-aħħar erba' snin, l-Ambaxxatur ħadem ħafna sabiex jagħti lil din l-Assoċjazzjoni dimensjoni aktar importanti u jinżamm kuntatt kontinwu. Fi Frar ta’ din is-sena, l-Ambaxxatur żar ukoll Seville fejn iltaqa’ ukoll ma’ diversi Maltin li jgħixu fir-reġjun ta’ Andalucia, bħala parti minn avveniment li ġie organizzat mill-Konslu Onorarju ta’ Malta f'Seville. Dawn l-aħħar snin, l-Ambaxxata ħadmet bla waqfien sabiex ittejjeb in-‘network’ tal-Konsli Onorarji Maltin ġewwa Spanja. Mal-wasla tiegħu ġewwa Spanja, l-Ambaxxatur sab sitwazzjoni fejn il-kosta ta’ 3,000 kilmoteru fit-tramuntana ta’ Spanja, li hija waħda miż-żoni l-iktar rikki fi Spanja, kient taqa’ kollha taħt Konslu Onorarju wieħed. Ghal daqs tant l-Ambaxxatur nieda proċess sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata. Fil-fatt, f’Settembru tal-2017, l-Ambaxxatur żar Oviedo u Vigo fejn infetħu żewġ Konsolati Onorari Maltin ġodda u qegħdin isiru l-aħħar preparamenti sabiex jinfetaħ Konsolat Onorarju ġewwa Bilbao. L-Ambaxxata qiegħda ukoll taħdem sabiex tiġi ffinalizzata l-applikazzjoni għall-Konslu Onorarju ġdid f’Barċellona. Promozzjoni ta’ Malta Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur attenda diversi avvenimenti u għamel diskors sabiex jippromwovi lil pajjiżna, fosthom: - ‘ Lecture ’ organizzanata mill-Kulleġġ tal-Inġiniera Ċivili ta’ Spanja u l-Universita’ Ewropea ġewwa Madrid f’Marzu 2016. - Attivita’ organizzata minn ‘Casa Mediterraneo ’ ġewwa Alicante bit-titlu ‘Encounters with Mediterranean Countries ’ fit-23-24 ta’ Novembru 2017. Dan l-avveniment kien kompletament iddedikat għall-Malta. - Avveniment organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ Belġjana-Lussemburgu ġewwa Barċellona fl-14 ta’ Diċembru 2017. - ‘ Lecture ’ organizzanata minn ISDE (‘ International Law, Foreign Trade and International Relations ’) fid- 9 ta’ Marzu 2018 ġewwa Barċellona. Matul is-snin, l-Ambaxxatur kellu bosta intervisti ma’ ġurnalisti Spanjoli dwar diversi temi li ġew ippublikati fuq gazzetti ewlenin, kemm f’Madrid, kif ukoll f’diversi bliet li l-Ambaxxatur iżur fuq bażi regolari. Fosthom: ma’ rivista Spanjola ‘Sector Ejecutivo’ f’Jannar 2016; mal-ġurnal ‘La Razon’ f’Settembru 2017; ma’ diversi ġurnali fi Frar tal-2018 waqt iż-żjara ġewwa Seville; u diversi intervisti ma’ ġurnali prominenti waqt iż-żjara f’ Oviedo u Vigo f’Settembru 2017. Waqt dawn iż-żjarat, l-Ambaxxatur iltaqa’ ukoll ma’ diversi Retturi ta’ Universitajiet prominenti sabiex jippromwovi skambu ta’ taħriġ mal-Universita’ ta’ Malta, kif ukoll ma’ Sindki u personalitajiet mis-settur tat-turiżmu sabiex dejjem inkomplu nsaħħu l-isem ta’ Malta. Waħda mill-iktar inizjattivi importanti li ttieħdet minn din l-Ambaxxata kient il-parteċipazzjoni fil-programm televiżiv ‘Madrid, la ciudad de los 100 países’ (Madrid, il-belt ta’ mitt pajjiż). TeleMadrid, wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni l-iktar importanti fi Spanja, ipproduċiet programm ġdid sabiex juri l-ħajja ta' Ambaxxaturi barranin u ċittadini residenti f'Madrid. Malta ġiet magħżula bħala wieħed mill-pajjiżi biex tipparteċipa f'dan il-programm. Għal daqs tant, fil-ġimgħat li ġejjin ser jintwera programm ta' 45 minuta li ser ikun iddedikat kompletament għal Malta. Turiżmu Is-settur tat-turiżmu ħa spinta ‘l quddiem f’dawn l-aħħar snin hekk kif żdiedu t-titjiriet diretti bejn Malta u diversi bliet Spanjoli. L-Ambaxxata kienet strumentali f’diskussjonijiet sabiex il-kumpanji ‘Ryanair’, ‘Vueling’ u ‘Norwegian Airlines’ żiedu l-frekwenza tat-titjiriet tagħhom, u kif ukoll li ġew imnedija titjiriet ġodda bejn Malta u Malaga mill-kumpanija ‘AirMalta’, bejn Malta u Bilbao mill-kumanija ‘Volotea’ u bejn Malta u Madrid mill-kumpanija ‘Iberia’. L-Ambaxxata ħadet diversi inizzjativi sabiex tħajjar studenti Spanjoli jżuru Malta għal korsijiet tal-Ingliż. Dan isir fuq bażi ta’ kuljum meta d-dipartiment konslari jassisti diversi Spanjoli fil-mistoqsijiet tagħhom dwar dan is-suġġett. Ftit tal-ġimgħat ilu, bil-kollaborazzjoni ma’ FELTOM, l-Ambaxxata żaret skola fejn indirizzat studenti Spanjoli u pprovdiet l-informazzjoni neċessarja fuq l-istudju tal-Ingliż ġewwa Malta. Kummerċjali Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, fil-25 ta’ Jannar 2016, l-Ambaxxata, flimkien ma’ Malta Enterprise, organizzat seminar dwar is-settur finanzjarju f’Malta. Fl-10 ta’ Novembru 2016, flimkien ma’ Malta Enterprise u l-Konslu Onorarju ġewwa Valencia, l-Ambaxxata assistiet sabiex jittella’ seminar ieħor fuq l-istess tema. Barra minn hekk, l-Ambaxxata għenet bosta kumpaniji Spanjoli sabiex jespandu l-attivitajiet tagħhom ġewwa Malta. Fost dawn il-kumpaniji, tajjeb li wieħed isemmi lill-grupp Spanjol ‘Alsa’ li permezz tas-sussidjarja tiegħu ‘ALESA’ qiegħed jipprovdi l-ġestjoni sħiħa tat-trasport pubbliku ġewwa Malta. L-Ambaxxata għamlet ukoll kuntatt ma’ bosta kumpaniji tal-kostruzzjoni Spanjoli, sabiex tħeġġiġhom jespandu x-xogħol tagħhom ġewwa pajjiżna. F’dan ir-rigward, kumpanija ta’ importanza kbira ġewwa Spanja li qiegħda tkabbar il-preżenza tagħha ġewwa Malta hija ‘San Jose Constructora’. Għaldaqstant, din l-Ambaxxata ħadmet sabiex tassisti lil din il-kumpanjia fil-proġett tal-Kappara, li issa wasal fit-tmiem. F’dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxata ħadmet ukoll bla waqfien sabiex tippromwovi l-proġett tas-Suq tal-Belt ma’ kumpanji Spanjoli. Fil-fatt, kumpanija Spanjola qiegħda tmexxi żewġ ristoranti prominenti ġewwa s-Suq fejn qiegħda tippromwovi l-kċina Spanjola. Barra minn hekk, l-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ diversi kumpaniji Spanjoli fis-settur tan-navigazzjoni marittima, sabiex inkomplu nippromwovu l-bandiera Maltija. Fil-fatt, l-Ambaxxata ta’ spiss tirċievi talbiet għall-informazzjoni dwar din is-suġġett, u li għal daqs tant l-Ambaxxata tiżgura jingħataw l-għajnuna meħtieġa. Attivitajiet imtella’ mill-Ambaxxata Ta’ kull sena, l-Ambaxxata Maltija f’Madrid torganizza attivita’ sabiex tikkommomera l-Jum Nazzjonali ta’ Malta fil-21 ta’ Settembru. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar tletin xahar, ġew organizzati żewġ ‘luncheons’ fejn kienu mistiedna bosta Ambaxxaturi akkreditati għal Spanja, Maltin li jgħixu Spanja, u kif ukoll diversi personalitajiet Spanjoli mis-setturi tal-Industrija, il-Kultura, in-Negozju u l-Kummerċ ta’ importanza għal pajjiżna. Barra minn hekk, fl-24 ta’ Novembru 2016, l-Ambaxxata organizzat ‘EUHoMs Luncheon’ fejn laqqat lill-Ambaxxaturi ta’ Membri Stati tal-Unjoni Ewropea. Din hija użanza tal-Membri Stati f’Madrid fejn kull xahar, fuq bażi ta’ rotazzjoni, jiġu mlaqqa’ l-Ambaxxaturi kollha tal-Unjoni Ewropea sabiex jiddiskutu temi kurrenti u jaqsmu l-opinjoniiet tagħhom b’mod iktar liberu. Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. F’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata f’Madrid, bħal bosta Ambaxxati, Ministeri u entitajiet oħra tal-Gvern, kienet iffukata fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Apparti mix-xogħol relatat mal-presidenza tal-laqgħat informattivi li jsiru kull xahar bil-kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Affarrijiet Barranin Spanjol u diversi Ministeri oħra (bħal per eżempju, ECOFIN, FAC, GAC, AGRIFISH u EPSCO), l-Ambaxxata assistiet lill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej Malti sabiex jiġi mtella’ il-kunċert ‘Valletta International Baroque Ensemble’ (VIBE) li sar fit-12 ta’ Mejju 2017 ġewwa il-‘Basilica de San Miguel’ f’Madrid. F’Jannar 2017, l-Ambaxxatur kien il-kelliem mistieden waqt Working Breakfast organizzat minn INCIPE (International Affairs and Foreign Policy Institute) sabiex jitkellem dwar metodi kif l-Unjoni Ewropea tersaq iktar viċin taċ-cittadini tagħha. Barra minn hekk, fit-23 ta’ Frar 2017, l-Ambaxxata organizzat ‘EUHoMs Luncheon’ sabiex tikkommomera l-Presidenza Maltija. Il-mistieden speċjali ta’ dan l-avveniment kien is- Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet tal-Unjoni Eqropea, fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kooperazzjoni ta’ Spanja. Żjarat Uffiċjali Tajjeb ukoll li wieħed isemmi l-assistenza li l-Ambaxxata pprovdiet lil diversi dinjitarji Maltin li żaru Spanja f’dawn l-aħħar tletin xahar, fosthom: l-Eċċelenza Tagħha s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, l-Onor. Prim Ministru Joseph Muscat, il-Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa l-Onor. Chris Fearne, u l-Onor. Edward Zammit Lewis (ex-Ministru għat-Turiżmu).
Leg 13 PQ #5454 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Fast Ferry Service – membri tal-bord

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kienu l-membri tal-Bord u minn min intgħażlu dawn il-membri tal-bord, li kienu nkarigati biex jagħmlu l-għażla tal-kumpanija/entità biex toffri s-servizz tal-Fast Ferry Service bejn Malta u Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Il-proċess huwa bħalissa suġġett għall-appell quddiem il-bord ta’ revizjoni dwar kuntratti pubbliċi u b’hekk f’dan l-istadju l-ebda informazzjoni ma tista’ tingħata.
Leg 13 PQ #5455 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Fast Ferry Service – kumpaniji li ssottomettew l-offerti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kienu s-seba’ kumpaniji jew entitajiet li ssottomettew offerta biex joperaw is-servizz tal-Fast Ferry Service bejn Malta u Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Il-proċess huwa bħalissa suġġett għall-appell quddiem il-bord ta’ reviżjoni dwar kuntratti pubbliċi u b’hekk f’din l-istadju l-ebda informazzjoni ma tista’ tingħata.
Leg 13 PQ #5456 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Bini tal-Qorti ġdida t'Għawdex — proċess

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess għall-bini ta' Qorti ġdid f'Għawdex? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-applikazzjoni mal-Awtorità għall-Ippjanar biex isir dan il-proġett u kopja tal-istess applikazzjoni li saret?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isir il-proċess ta’ Planning Control Application biex jinbdel iż zoning tas-sit il-ġdid.

Sptar Ġenerali t’Għawdex — castings

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex meta persuna tidħol fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bi ksur fl-għadam u jkollha bżonn ta’ casting, ħafna drabi tali persuna ma jsirilhiex fibreglass casting minkejja li din il-persuna tkun talbet għalih? Jista’ jgħid ukoll għaliex hemm nuqqas serju ta’ tali casting f’dan id-dipartiment? Jaf li dan qed iwassal għal inkonvenjenza kbira għall-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hija deċiżjoni tal-Konsulent Ortopediku jekk pazjent ikollux bzonn full cast tal-fiberglass. Nassigurah illi kull meta jkun mitlub li jsir il-fiber cast dan isir kif meħtieġ, mingħajr riservi.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – Magna tal-Arthrogram

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat, magna li tagħmel l-arthrogram fl-ispalla, ittieħdet mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex lejn Malta? Jista' jikkonferma li fl-aħħar jiem marru pazjenti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li qalulhom li l-arthrogram ma jistax isir iżjed Għawdex u jkollhom imorru Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

L-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni żbaljata. Fl-isptar Ġenerali t’Għawdex qatt ma kien hemm “magna li tagħmel l-arthrogram fl-ispalla”, aħseb u ara kemm din is-suppost magna ittieħdet minn Għawdex għal Malta.

Għawdex — Ċilindri tal-Ossiġnu

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk biex wieħed jingħata ċilindru tal-ossiġnu f'Għawdex issa flok €30 irid iħallas €97? Jista' jgħid jekk dan hux minnu u min ħa din id-deċiżjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

L-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni żbaljata. It-tariffa tal-kera taċ-ċilindri tal-ossiġnu f’Għawdex ilha ma tinbidel mill-2003.
Leg 13 PQ #5491 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – pixxina

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3950 dwar il-pixxina miftuħa għall-pubbliku f’Għawdex, tista’ l-Ministru tgħidilna jekk kienx hemm xi żviluppi fit-taħdidiet mal-proponent?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proċess għadu għaddej. Dan il-Gvern huwa kommess li jwettaq dan l-impenn elettorali. Jiżdied jingħad li l-proġett tal-pixxina kien ilu mwiegħed minn amministrazzjonijiet ta’ qabel l-2013 u baqa’ qatt ma sar xejn.