Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #5676 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċittadini ta’ pajjiżi oħra mill-Unjoni Ewropea – assigurazzjoni medika

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk tintalabx assigurazzjoni medika mingħand ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea li jkunu residenti f’Malta? Jekk iva, x’tip ta’ assigurazzjoni tintalab u kemm hemm nies li għandhom din l-assigurazzjoni? Jista’ jgħid jekk din l-assigurazzjoni hijiex kundizzjoni biex tingħata Karta tal-Identità Maltija lil dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti f’Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li karti tal-Identità jinħarġu biss lill-ċittadini Maltin. Ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jgħixu Malta jinħarġilhom dokument ta’ residenza. Il-polza tal-assikurazzjoni medika tintalab lill-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirreġistraw ruħhom bħala residenti f’Malta skont il-provedimenti tal-liġi sussidjarja L.S. 460.17 – Free Movement of European Union Nationals and their Family Members li timplimenta inter alia id-Direttiva 2004/38/EC tal-Unjoni Ewropea. Fost ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jintalbu polza tal-assikurazzjoni medika hemm dawk li jottjenu dokument ta’ residenza għal skopijiet ta’ studju jew fuq bazi ta’ economic self-sufficiency.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — newspaper advertising - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u telenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-perjodu kkonċernat.
Leg 13 PQ #2335 Sitting 110 2018-05-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #2336 Sitting 110 2018-05-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 ’l hawn saru medja ta’ €32,044 (tnejn u tletin elf, erbgħa u erbgħin Ewro) fis-sena fuq newspaper advertising.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – spejjeż ta’ media events

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4866 u jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (CARDONA, CHRIS)

Kif l-Onorevoli Interpellanta konxja, ladarba kienet hi wkoll tagħmel parti f’tim ta’ tmexxija għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili, it-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. Ninformaha li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu. Il-medja ta’ spejjeż għal kull attività tvarja bejn €400 u €600.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — spejjeż ta' media events

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4864, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji mitluba fil-mistoqsija oriġinali u tgħid: a) kemm kienet l-ispiża ta' kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta' dawn l-attivitajiet; u b) min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru għas-Saħħa — spejjeż ta' media events

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4867, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a) min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq l-attivitajiet indikati fir-risposta li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra; u b) jagħti l-informazzjoni fuq il-perjodu li hu kien Segretarju Parlamentari għas-Settur tas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuni/kumpaniji li taw servizz għal PR u media events fl-uffiċċju tiegħi huma AF Sign Studio Ltd, Allied Newspaper Ltd, Arnold Sammut, B.E.D. Limited, Carmel Schembri, Roland Kemp, Christian Mangion, Department of Information, Domenic Aquillina, Eden Entertainment Ltd, Facebook, Ian Noel Pace, Impressions Ltd, Inflations Productions, IVision, Jason Caruana, John Andrew Bundy, Keen Limited, Keith Darmanin, Marketing & Design Prom. Ltd, Media Today Co. Ltd, Piscopo Gardens Ltd, Professional Marketing Services Ltd, Raymond Attard, Red orange Image Consultants, Saviour Schembri, Sound Vision Print Ltd, Standard Publications Ltd, Stefan Farrugia, TEC Ltd, Union Print Co. Ltd, Visage Sound Ltd, Wayne Mizzi Ungaro.
Leg 13 PQ #5243 Sitting 110 2018-05-09 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4870 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #5244 Sitting 110 2018-05-09 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni - safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4871 u ċjoe: Jista' l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 5243.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — safar

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4872 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru tagħha fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31689 fit-XII il-leġiżlatura għall-perjodu 2014-2016. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar safar relatat mal-Ministru għas-snin 2013, 2017 u 2018.

Ambaxxata f’Ruma – ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-ambaxxata tagħna f’Ruma fl-Italja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ambaxxata taqdi funzjoni bilaterali u multilaterali billi hija akkreditata għar-Repubblika tal-Italja u għar-Repubblika ta’ San Marino kif ukoll għal numru ta’ organizzazzjoniet internazzjonali li jinsabu Ruma. Dawn jinkludu l-Food and Agricultural Organisation (FAO), l-World Food Programme (WFP), l-International Fund for Agricultural Development (IFAD), l-International Development Law Organization (IDLO), l-International Centre for the Study of the Preservation and Restoration of Cultural Property (ICCROM), u l- International Institute for the Unification of Private Law (UNIDROIT). L-Ambaxxata hija mmexxija mill-Ambaxxatur Vanessa Frazier u żewġ diplomatiċi bis-support ta’ għaxar impjegati li wieħed minnhom huwa ukoll uffiċjal kummerċjali ingaġġat minn Malta Enterprise. Id-direttur tal-uffiċju tal-Awtorità tat-Turiżmu Maltija f’Ruma huwa ukoll rikonoxxut bħala uffiċjal diplomatiku. Il-Bilaterali Primarjament, l-Ambaxxata tippromwovi r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja u Malta u San Marino. L-Ambaxxata twettaq ukoll attivitajiet konsulari, kummerċjali u kulturali. L-Amministrazzjoni tal-Ambaxxata hija kompitu ieħor li tirrekjedi bosta impenn u attenzjoni. Rwol ieħor fundamentali, li xi kultant m’huwiex apprezzat biżżejjed huwa l-fatt li iktar minn tmenin pajjiż huwa akkreditati għal Malta proprju minn Ruma. Għaldaqstant, dan iffiser li l-Ambaxxata tintuża biex ukoll tippromwovi r-relazzjonijet ma’ dawn il-pajjiżi minkejja li Malta mhux akkreditata għall-istess pajjiżi minn Ruma. Infatti, fost ix-xogħol li jsir, insibu l-assistenza għal preparazzjoni ta’ delegazzjonijiet lejn u anke minn Malta, reġistrazzjoni t’uffiċjali f’konferenzi f’Malta u f’dawn il-pajjiżi, it-trasmissjoni ta’ noti verbali, abbozzi ta’ ftehim u imejls ta’ kull xorta lejn Malta u l-Ambaxxati ta’ dawn il-pajjiżi, l-assistenza konsulari lill-Maltin li jkunu jinsabu f’xi wieħed minn dawn il-pajjiżi u anke assistenza lill-Ambaxxaturi li jkunu ħa jippreżentaw il-kredenzjali bħala Ambaxxaturi ta’ pajjiżhom għal Malta. Il-Multilaterali Kif intqal iktar kmieni, l-Ambaxxata hija akkreditata għal numru ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-parti l-kbira tal-laqgħat li tkopri l-Ambaxxata huma dawk li jsiru fil-FAO fid-diversi konfigurazzjonijiet fosthom is-CFS (Committee for Food Security) u l-ERG (European Regional Group). B’rabta mal-FAO, isiru diversi laqgħat ta’ kooridinazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE. Apparti l-FAO, insibu ukoll il-WFP, l-IFAD, l-IDLO, l-ICCROM u l-UNIDROIT. Tramite l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Ambaxxata tikkonsulta lill-Ministeri responsabbli għall-organizzazzjonjiet imsemmija hawnhekk sabiex tirrapreżenta l-pożizzjoni u/jew l-interessi kif indikat mill-Ministeru konċernat. Matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ix-xogħol konness mal-FAO żdied b’mod konsiderevoli tant li ġew impjegati żewġ interns u espert biex ikopru l-laqgħat u l-volum tax-xogħol li ġab miegħu l-impenn tal-Presidenza. Il-Konsulari In-Netwerk Konsulari huwa ffurmat mill-Ambaxxata kif ukoll minn tlettax-il Konslu Onorarju mifruxin fuq it-territorju Taljan u anke wieħed f’San Marino li flimkien jiffurmaw in-Netwerk Konsulari. Dawn jipprovdu servizzi konsulari lill-komunità Maltija fl-Italja u San Marino kif ukoll lil turisti Maltin li jsibu ruħhom f’xi problema jew diffikultà. Fl-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata assistiet bosta Maltin li tilfu d-dokumenti t’identità waqt il-mawra tagħhom, Maltin li ġew misruqa, Maltin li kellhom bżonn assistenza medika, ripatrijazzoni ta’ iġsma ta’ Matlin li traġikament jitilfu ħajjithom fl-Italja jew San Marino kif ukoll assistenza lil Maltin li jiżżewġu ċittadini Taljani. Il-Konsulat ħareġ 88 passaport, 23 ċertifikat ta’ ċittadinanza u 3 visas lil persuni terzi li jkunu jixtiequ jżuru Malta. Il-Konsulat jgħin lil dawk l-istudenti Maltin, li jkunu qed jistudjaw taħt il-programm Erasmus, ifittxu l-akkomodazzjoni għal perjodu li jqattgħu l-Italja u San Marino. Il-Konsulat ipproċessa 394 kwittanza lill-baħħara li jaħdmu fuq vapuri li jtajru l-bandiera Maltija. Matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Malta kienet l-uniku pajjiż li organizza pranzu għall-Konsli f’Ambaxxati ta’ pajjiżi tal-UE f’Ruma. F’dan il pranzu l-Kap tal-Protezzjoni Ċivili Taljan indirizza lill-Konsli. Fl-isfond ta’ numru ta’ terrimoti li laqtu lill-Italja, ġie deċiż li jinħoloq netwerk tal-Konsli tal-Ambaxxati tal-pajjiżi tal-UE flimkien mal-Protezzjoni Ċivili Taljana. Dan in-netwerk stabilixxa komunikazzjoni diretta bejn il-Konsli u l-Protezzjoni Ċivili Taljana u jiġi attivat f’każ ta’ terrimoti jew diżastri naturali oħra. Din l-inizzjattiva ntlaqgħat tajjeb tant li l-Presidenza Estonjana fit-tieni nofs tal-2017 kompliet tibni fuq ix-xogħol tal-Presidenza Maltija billi saħansitra organizzat laqgħa oħra għall-Konsli tal-Ambaxxati tal-pajjiżi tal-UE. Relatata ma’ dan, l-Ambaxxata ħolqot paġna fuq il-midja soċjali biex tiffaċilita l-kuntatt mal-Maltin residenti l-Italja li għenet biex ittaffi l-problema fejn il-linji tat-telefown ċellulari ma tibqax tiffunzjona. Malta għandha ukoll numru ta’ ftehimiet fil-qasam mediku mal-Italja fejn il-Maltin jistgħu jirċievu ċertu trattament u trapjanti speċifiċi fosthom trapjanti tal-pulmun fiċ-ċentru ISMET ġewwa Palermo. F’dawn il-każijiet delikati, l-Ambaxxata tintervjeni billi tassisti lill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin jittrassferixxu l-pazjenti lejn l-Italja. Il-Konsulat jgħin ukoll lill-Maltin jakkwistaw visas mingħand l-Ambaxxati ta’ dawk il-pajjiżi li jkopru lil Malta minn Ruma u li m’għandhomx Ambaxxati f’Malta. Tajjeb li jingħad li dan is-servizz jinvolvi ħafna ħin u riżorsi jiġifieri t-tqassim tal-applikazzjonijiet tal-visas lill-Ambaxxati konċernati u l-irtirar tal-visas pero’ dan is-servizz huwa kompletament bla ħlas; il-Maltin iħallsu biss il-miżata li l-Ambaxxati jitolbu biex tinħareġ il-visa. Tingħata ukoll assistenza biex residenti u kumpaniji Maltin jillegalizzaw diversi tipi ta’ dokumenti minn dawn il-pajjiżi. Il-Kummerċjali L-Ambaxxata taħdem bla waqfien fil-qasam kummerċjali kif jixdhu l-ammont t’attivitajiet li organizzat u/jew iffaċilitat biex tippromwovi investiment lejn Malta. L-Ambaxxata pparteċipat ukoll f’numru ta’ attivitajiet kummerċjali bl-iskop li tikseb kuntatti utli fil-qasam kummerċjali Taljan. Iktar minn dan, l-Ambaxxata rnexxiela terġa tqajjem in-netwerk tal-uffiċjali kummerċjali bbażati f’Ruma. Il-kuntatt u l-koordinament mal-entitajiet kummerċjali Maltin, fosthom Malta Enterprise, Trade Malta, Malta Stock Exchange u Finance Malta huwa kontinwu. Hija din ir-raġuni li wasslet lil Malta Enterprise biex timpjega uffiċjal kummerċjali Taljan li beda jippreżenta lil din l-entita’ u lil pajjiżna f’Lulju 2017. Grazzi għall-kollaborazzjoni li hemm bejn din l-Ambaxxata u l-entittajiet kummerċjali Maltin, l-Ambaxxatur intalbet tagħti preżentazzjoni fuq ir-rabta u kuntatti kummerċjali bejn Malta u l-Italja waqt il-laqgħa tal-Joint Stakeholders Working Council fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ f’Mejju 2017. Din il-promozzjoni għenet biex tippromwovi kollaborazzjoni akbar bejn l-Ambaxxata u l-entititajiet preżenti. Tajjeb li jintqal ukoll li f’Ottubru 2015, l-Ambaxxata organizzat serje ta’ avvenimenti f’Ruma, Milan u Napli biex tħeġġeġ imprendituri Taljani jipparteċipaw fiċ-Commonwealth Buisiness Forum li sar iktar tard f’Novembru tal-2015 f’Malta. Dawn l-avvenimenti ħallew il-frott mixtieq għaliex madwar 25 imprenditur Taljan ħadu sehem fil-Forum u kellhom ukoll laqgħat ma’ Malta Enterprise. Il-Kultura Id-diplomazija kulturali hija għodda importanti ta’ promozzjoni. Huwa għalhekk li l-Ambaxxata hija attiva f’dan is-settur u li f’Settembru 2017 issieħbet fil-EUNIC (EU National Institutes of Culture) f’Ruma. L-Ambaxxata taħdem mill-qrib mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu biex tkattar it-turiżmu kemm lejn l-Italja u lejn Malta. Grazzi għall-koordinazjoni behn l-Ambaxxata u l-uffiċċju tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu f’Ruma, numru ta’ skejjel Taljani għażlu biex jibagħtu studenti Taljani ġewwa Malta għat-tagħlim tal-Ingliż u għal ġiti skolastiċi. Barra minn hekk, l-Ambaxxata tiddentifika opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju fl-Italja għall-istudenti Maltin. Dawn il-boroż huma ġeneralment iffinanzjati minn kumpaniji statali jew li ġew privatizzati bħal ENEL, Posteitaliane, Telecom u oħrajn. Fl-2016, wara terrimot qawwi fin-nofs tal-Italja, l-Ambaxxata ddeċidiet li ma torganizzax iċ-ċelebrazzjoni tal-indipendenza sabiex tkun tista’ tgħaddi l-flus allokati għal dan lill-Protezzjoni Ċivili Taljana biex tassisti lill-vittmi tat-terrimot. B’kollaborazzjoni ma’ SOS Malta, saru numru ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li intużaw fi skola sajf fir- tar-raħal ta’ Muccia li soffra danni kbar. Dawn l-atti ta’ solidarjetà kienu sottolinjati mill-President Taljan waqt iż-żjara tiegħu f’Malta f’Settembru 2017. L-Amministrazzjoni Bħal kull Ambaxxata oħra, l-Ambaxxata triq taqdi ukoll il-funzjonijiet amministrattivi li jinkludu l-assistenza lill-dinjitarji Maltin li jżuru Ruma jew jgħaddu minn Ruma fi triqthom lejn destinazzjoni oħra, talba għal permess diplomatiku lill-ajruplani u vapuri tal-Forzi Armati Maltin u titjiriet statli u reġistrazzjoni ta’ suldati Maltin li jiġu biex jitħarġu fl-Italja. Insibu ukoll il-kontabilità, il-kumpilazzjoni ta’ rapporti li jintbagħatu l-Ministeru darba fix-xahar, kuntratti mal-kumpaniji li jipprovdu servizzi lill-Ambaxxata, riviżjoni tal-kuntratti tal-impjegati tal-Ambaxxata, il-manutenzjoni u tiswija tal-Ambaxxata u tar-residenza tal-Ambaxxatur, il-posta diplomatika ta’ kull ġimgħa (madwar 300 mailbag minn u lejn Malta f’dawn l-aħħar 30 xahar), l-assikurazzjonijiet u l-manutenzjoni tal-karozzi tal-Ambaxxata. Ma jonqsux ukoll il-mistoqsijiet parlamentari li l-Ambaxxata tirċievi u twieġeb b’mod regolari. Dawn jinvolvu ħafna ġbir t’informazzjoni, bosta drabi f’qasir żmien, bir-riżultat li l-ħidma tal-Ambaxxata tintensifika. Oħrajn Ta kull xahar, l-Ambaxxata tattendi d-diversi pre-briefings fuq il-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħal per eżempju l-FAC (Foreign Affairs Council), GAC (General Affairs Council),ECOFIN (Economic and Financial Affairs Council) u l-JHA (Justice and Home Affairs Council). Apparti minn hekk, l-Ambaxxata tipparteċipa kif tista’ f’ħafna seminars u konferenzi t’interess. Attività importanti oħra hija l-osservazzjoni tal-midja Taljana speċjalment t’artikli fil-gazzetti u ta’ dokumentarji fuq it-televiżjoni dwar Malta kif ukoll rappurtar tas-sitwazzjoni politika Taljana. L-Ambaxxata tassisti ukoll individwi organizzazzjonijet, kumpanji u dipartmenti Maltin fl-inizjattivi li jixtiequ jieħdu fl-Italja bħall-programm tal-Erasmus, ġemellaġġ bejn bliet Maltin u Taljani, impjieg ta’ ħaddiema Taljani ma’ kumpaniji f’Malta u parteċipazzjoni f’avvenimenti sportivi. F’Mejju tal-2017, l-Ambaxxata tat is-support tagħha lill-Kumitat Olimpiku Malti waqt li kien qed jieħu sehem fil-logħob għall-pajjiżi żgħar f’San Marino. Fost l-oħrajn, l-Ambaxxata rnexxielha tirranġa sabiex zewġ atleti Maltin għamlu l-eżamijiet tal-MATSEC proprju minn San Marino li għamilha possibili biex ma xxekkilx il-parteċipazzjoni ta’ dawn l-atleti waqt il-logħob. L’Ambaxxatur assistiet ukoll atleti elite Maltin biex jittħarġu ma’ timijiet u clubs f’Ruma. L-aħħar u mhux l-inqas, l-Ambaxxata kellha sehem importanti matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea billi organizzat u ppresediet numru sħiħ ta’ laqgħat u avvenimenti. L-Ambaxxatur ippreżentat il-programm u l-prioritajiet tal-Presidenza Maltija fis-Senat Taljan, fil-Parlament Taljan, Universitajiet u anke istituzzjonijiet oħra.
Leg 13 PQ #5479 Sitting 110 2018-05-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — General Conditions of Carriage – reservations ta’ flights

Question

Peress li fil-General Conditions of Carriage tal-Air Malta hemm klawsola li tavża lill-utent li jekk dan jonqos milli jidher għall-flight tat-tluq mingħajr ma javża lill-Air Malta bil-quddiem, l-Airmalta tista’ tħassar ir-reservation tal-flight lura, anke minkejja li jkun diġà sar il-ħlas (klawsola 3.3.6 tal-General Conditions of Carriage), jista’ l-Ministru jispjega r-raġunament wara din ix-xorta ta’ klawsola fiċ-ċirkustanzi fejn l-utent ikun diġà ħallas kemm għall-flight tat-tluq kif ukoll għal dik lura, u allura jinkorri l-possibbilità li jiġi miċħud milli juża l-flight lura jekk għal xi raġuni ma jkunx ħa l-flight tat-tluq?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant li dawn il-Conditions of Carriage 3.3.6 huma bbażati fuq IATA Standards u huma wkoll aċċettati mill-Kummissjoni Ewropea.

L-Imrieħel – Bypass – Pedestrian Footbridge – compliance certificate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġitx compliance certificate dwar il-pedestrian footbridge li jinsab fil-bypass tal-Imrieħel? Jekk iva, jista' jpoġġi kopja tal-istess compliance certificate fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kienx hemm tali talba.
Leg 13 PQ #5530 Sitting 110 2018-05-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Skrivani Għawdxin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat li skrivana, Executive Officers u Principals Għawdxin li bħalissa qed jaħdmu f'Malta jiġu jaħdmu Għawdex matul is-sena 2018? Jekk iva, kemm huwa n-numru għal kull kategorija?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Dan il-Ministeru bħalissa qiegħed jidiskuti ma’ għadd ta’ dipartimenti u entitajiet pubbliċi sabiex aktar servizzi jibdew jingħataw f’Għawdex u biex aktar back office work jitla’ Għawdex skont il-wegħda fil-Manifest Elettorali – Noħolqu xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

Korp tal-Pulizija – Trasferiment ta’ surġent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-Surġent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament ġie trasferit lejn ir-Rapid Intervention Unit (RIU) matul ix-xhur li għaddew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi t-trasferiment tas-Surġent imsemmi f’din il-mistoqsija, sar skont l-esiġenzi tas-servizz, bħal kull trasferiment ieħor li jsir fil-Korp.

Kummissarju tal-Pulizija – laqgħat ma’ surġent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'laqgħat kellu l-Kummissarju tal-Pulizija mas-Surġent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament? Jista' jgħid id-data ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat, x'kien is-suġġett u l-eżitu ta' kull waħda mil-laqgħat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi jsiru diversi laqgħat mill-Kummissarju tal-Pulizija ma’ diversi membri tal-Korp, però ma jkunx opportun illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant jkun magħmul Pubbliku.

Korp tal-Pulizija – Surġent – għażla għal trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li s-Surġent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament ġiex mogħti l-għażla mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar fejn għandu jiġi trasferit matul ix-xhur li għaddew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif sar fil-każ tas-Surġent li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, kull tqassim ta’ membri tal-Korp isir skont l-esiġenzi jew neċessitajiet oħra tal-Korp, li jkun hemm fiż-żmien li trasferiment ikun ser isir.