Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #5247 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni - safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4874 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5243.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — safar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4875 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — safar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4876 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — Safar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4877 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4968.
Leg 13 PQ #5265 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — konsulenti legali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4879 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ninforma lill-Onor Interpellant li l-għażla ta’ dawn il-persuni saret bl-istess mod li qabel l-2013 kienu intagħ¿lu ditti legali biex jagħtu konsulenza legali lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn kien hemm involuti l-Kap tal-Oppozizzjoni attwali u l-Kap tal-Oppozizzjoni preċedenti u bl-istess mod li mill-inqas membru parlamentari tal-Oppozizzjoni kien intagħżel bħala konsulent legali għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qabel l-2013 fl-istess waqt li kien President tal-PN.

Bord ta’ Inkjesta – allegazzjonijiet — proċedura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħatarx grupp ta' ħidma (working group) biex jirrevedi l-proċedura skont dak li ġie rakkomandat lilu mill-Bord ta' Inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li dehru fl-artiklu tas-sit elettroniku www.ilsole24.com taħt il-firma ta' Ivan Cimmarusti intitolat "Business illecito di gasolio libico: i presunti rapporti fra i trafficanti e il Ministero degli Esteri di Malta"? Jista' jgħid min minn hu kompost dan il-grupp ta' ħidma u fiex waslet il-ħidma tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru kienet ħatret il-grupp ta' ħidma. Dan kien magħmul minn Ambaxxatur, uffiċċjal mil-Legal Unit tal-Ministeru kif ukoll minn uffiċċjal mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti għall-Istrateġija u Implementazzjoni (Strategy and Implementation) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-grupp ta' ħidma temm ix-xogħol tiegħu diġà.

Decreto Ministeriale – Taħdidiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tan-Note Verbale li l-Gvern Malti bagħat lill-Gvern Taljan bi protesta għad-Decreto Ministeriale li bih il-Gvern Taljan estenda Żona C fil-Lvant ta' Malta? Jista' jgħid fiex waslu t-taħdidiet bejn Malta u l-Italja fir-rigward ta' dan is-suġġett?

Response (ABELA, CARMELO)

Filwaqt li napprezza l-interess fis-suġġett imsemmi mill-Onor. Interpellant, ma naħsibx li huwa għaqli, li minħabba s-sensittività tas-suġġett tingħata tweġiba b’mod pubbliku meta hemm l-interess nazzjonali fin-nofs.
Leg 13 PQ #5571 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Marsa FC – proċess tal-għoti tal-art għall-grawnd

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ għoti ta’ art għall-grawnd tal-futbol lill-Marsa F.C.?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li t-trasferiment tal-art lill-Marsa Football Club ser ikun qed jitressaq b’mozzjoni quddiem il-Kamra fil-jiem li ġejjin.

Siġġiewi – Pjazza San Ġwann – stallazzjoni ta’ waqfa ġdida

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra l-installazzjoni ta' waqfa ġdida fl-istess rotta bin-numru 62 fi Pjazza San Ġwann is-Siġġiewi sabiex tkun ta' servizz aħjar għar-residenti li joqogħodu fiż-żona hekk imsejħa Ta' Fonzu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Ċertifikati għar-rekwiżiti dwar il-bini għall-użu tal-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn iċ-ċertifikat għar-rekwiżiti dwar il-bini għall-użu tal-enerġija (EPC) qiegħed jintalab ukoll f'każijiet ta' kirjiet qosra (short-let), u mhux f'każijiet ta' bejgħ jew bini ġdid biss?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttiva Ewropea 2010/31/EU dwar ir-Rendiment tal-Enerġija fil-Bini ma tagħmilx distinzzjoni jekk post jinkeriex għal żmien qasir jew fit-tul, għaldaqstant jintalab iċ-Ċertifikat dwar ir-Rendiment tal-Enerġija dejjem.

Ħal Kirkop – Triq il-Ħawħ u Triq il-Lewżiet – bini ta’ units

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il unit ser jinbena f’Ħal Kirkop fiż-żona ta’ bejn Triq il-Ħawħ u Triq il-Lewżiet? Meta ser ikun lest il-proġett? Meta se jidħlu l-ewwel residenti? Kemm minn dawn se jkunu offruti għal bejgħ u kemm għal kiri?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fiż-żona ta’ bejn Triq il-Ħawħ u Triq il-Lewżiet Ħal Kirkop, ser ikunu qed jinbnew 19 -il unit. Iż-żmien tat-tlestija għadu mhux stabbilit peress li l-proċess tat-tender biex jinbena dan is-sit għadu qed jiġi pproċessat. L-ebda unit mhu ser ikun qed jiġi offrut għall-bejgħ. Din il-binja ser tkun komposta minn 4 appartamenti ground floor u 5 appartamenti fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet sular.
Leg 13 PQ #5575 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Jobsplus — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-JobsPlus u x’inhu l-grad tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li Jobsplus timpjega 308 ħaddiem. Dawn jinqasmu hekk: Grad Numru ta’ Ħaddiema Head of Division 6 Chief Information Officer 1 Department Manager 11 Unit Manager 14 Senior Executive 37 Executive 117 Senior Inspector 8 Senior Clerk 54 Clerk 40 Messenger/Driver 3 Senior Security Guard 1 Security Guard 11 Senior Tradesman 3 Cleaner 2
Leg 13 PQ #5576 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Jobsplus – xogħol li qed isir minn terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Jobsplus kemm għandha xogħol li qed isir minn terzi (outsourcing)? Jista’ jagħti lista ta’ outsourcing tal-Jobsplus u lil min ingħata x-xogħol? F’kull każ jista’ jgħid kemm qed jiġi jiswa kull outsourcing u f’kull każ kif intgħażlet il-kumpanija/organizzazzjoni/individwi li lilhom ingħata x-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ebda xogħol li kienet tagħmel sa minn dejjem il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, u wara r-rebranding il-Jobsplus, ma ġie kkuntrattat lil terzi permezz ta’ outsourcing għajr il-call centre tal-Korporazzjoni fejn il-Jobsplus illum hija msieħba fi ftehim li l-Gvern għandu mas-Centrecom, u s-servizz tat-tindif li jsir fl-uffiċċji ta’ Jobsplus. Is-servizz tas-Centrecom fis-sena 2017 kien jammonta għal €142,680 filwaqt li bejn Jannar u April tal-2018 ammonta għal €37,824. Is-servizz tat-tindif ingħata wara sejħa ta’ tender pubbliku li ntrebaħ minn Floorpul Ltd. bl-ammont ta’ €6.86 is-siegħa.

Awtorità tad-Djar – allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħaddiema fl-Awtorità tad-Djar li qed jieħdu l-allowance u li dawn mhumiex parti mill-ftehim kollettiv? Jekk iva, f'liema grad qegħdin dawn il-ħaddiema u x'inhu r-rwol tagħhom fl-awtorità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interperllant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ħlas żejjed f’home – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara li l-każ tal-eredi tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jieħdu l-flus dovut lilhom, minħabba l-ħlas żejjed li sar fil-home li kienet tgħix fiha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li malli l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, daħlet fid-Dar għall-Anzjani imsemmija minnu b’mod separat, is-sezzjoni tal-kontribuzzjonijiet fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, kienet ħadmet ir-rata bis-60% u bagħtet tinforma lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u lill-qraba permezz ta' ittri. Wara xi żmien, is-sezzjoni tal-kontribuzzjonijiet reġgħet intalbet tibgħat kopji ta' dawk l-ittri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u ġiet riveduta ir-rata skont kif kien hemm ikkomunikat fl-ittri. Il-qraba tal-anzjana kellhom japplikaw għal refund min-naħa tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Leg 13 PQ #5580 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistratur tal-Kumpaniji – dikjarazzjoni ta’ beneficial owners ta’ kumpaniji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il dikjarazzjoni dwar min hu jew min huma l-beneficial owners ta' kumpaniji ġew ippreżentati lir-Reġistratur tal-Kumpaniji skont dak li jipprovdi r-regolament 3 tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.19) mill-1 ta' Jannar 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Mill-1 ta’ Jannar ta’ dis-sena kull kumpannija li tiġi kostitwita hija obbligata tagħti dikjarazzjoni dwar il-benefiċċjarji tagħha lir-Reġistratur tal-Kumpaniji, ħlief kumpaniji li s-soċji kollha tagħhom huma individwi kif jidhru fid-dokumenti pubbliċi miżmuma mir-Reġistratur tal-Kumpaniji. Ir-Reġistratur irċieva 760 dikjarazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2018 sas-7 ta Mejju 2018.
Leg 13 PQ #5581 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistratur tal-Kumpaniji – dikjarazzjoni ta’ bdil ta’ beneficial owners

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il dikjarazzjoni dwar bidla f'min hu jew min huma l-beneficial owners ta' kumpaniji, ġiet ippreżentata lir-Reġistratur tal-Kumpaniji skont dak li jipprovdi s-sub-regolament 6 (1) tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.19) mill-1 ta' Jannar 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kienu 16 id-dikjarazzjonijiet dwar bidla fil-beneficial owners, jew dikjarazzjonijiet li ma kienx hemm tibdil skond ir-regolament 6(2) tar-Regolamenti msemmija li rċieva r-Reġistratur tal-Kumpaniji mil-1 Jannar 2018 sas-7 ta' Mejju 2018. Dawn jirrigwardjaw biss kumpaniji li ġew reġistrati mill-1 ta Jannar 2018 l'hawn, billi kumpanniji li ġew reġistrati qabel il-1 Jannar 2018 ingħataw żmien tranżitorju bil-liġi u s’issa m’għandhomx obbligu li jinnotifikaw dwar il-beneficial owners tagħhom.
Leg 13 PQ #5582 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistratur tal-Kumpaniji – dikjarazzjoni ta’ beneficial owners ta’ kumpaniji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il dikjarazzjoni dwar min hu jew min huma l-beneficial owners ta' kumpaniji u li dwarhom ikun sar trasferiment jew trasmissjoni ta' azzjonijiet jew żieda jew tnaqqis tal-kapital azzjonarju maħruġ jew ristrutturar tal-kapital azzjonarju jew bidla fil-jeddijiet tal-vot, ġiet ippreżentata lir-Reġistratur tal-Kumpaniji skont dak li jipprovdi s-sub-regolament 6 (2) tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.19) mill-1 ta' Jannar 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5581. Ma tinżammx informazzjoni separata ta' kemm dikjarazzjonijiet ġew sottomessi skond kif mitlub mir-regolament 6(1) jew 6(2). Għal dan l-iskop tintuża formola waħda ta’ notifikazzjoni (Form BO2).
Leg 13 PQ #5583 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistratur tal-Kumpaniji – reġistrazzjoni ta’ memorandum u artikoli ta’ kumpanija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba r-Reġistratur tal-Kumpaniji ma rreġistrax memorandum u l-artikoli ta' kumpanija peress li l-istess Reġistratur tal-Kumpaniji ma kienx sodisfatt illi ġew imħarsa l-ħtiġiet tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.19) skont dak li jipprovdi s-sub-regolament 6 (3) tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.19) mill-1 ta' Jannar 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ir-Reġistratur tal-Kumpaniji ma jaċċettax talbiet biex jiġu reġistrati kumpaniji meta id-dikjarazzjoni tkun nieqsa (fejn din għanda tingħata). L-informazzjoni mitluba għalhekk ma tinżammx peress li lanqas biss tiġi kkonsidrata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija mingħajr id-dikjarazzjoni fejn din hemm lokha. Nista però nikkonferma li r-Reġistru tal-Kumpaniji kellu diversi kazi fejn ma’ ġewx aċċettati memorandum u l-artikoli ta' kumpaniji proposti ġodda għax ma kellhomx id-dikjarazzjoni.