Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità – persuna legalment responsabbli għas-servizzi mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità kollha għandhomx persuna legalment responsabbli għas-servizzi mogħtija skont l-istandards approvati mill-Gvern? Jista’ l-Ministru jindika wkoll min huma dawn il-persuni legalment responsabbli għal kull Dar Residenzjali li għandna mwaqqfa f’pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, skont informazzjoni li d-Dipartiment Standards għal Ħarsien Soċjali ġabar, jidher li fid-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilita` hemm persuna legalment responsabbli. Minħabba li l-informazzjoni li nġabret fuq dawn il-persuni kient għall-użu biss tad-dipartiment, dan l-istess dipartiment mhuwiex f’pożizzjoni li jagħti l-isem ta’ dawn il-persuni għall-fini tal-protezzjoni tad-data. Fir-rigward tad-djar residenzjani li l-operat tagħhom jaqgħu taħt r-responsabbilita` tal-Aġenzija Sapport, jitmexxew minn Leaders li jirrispondu lejn il-Manager inkarigat mir-residenzi kollha taħt id-Direttur tas-Servizzi. Finalment, r-responsabbiltà legali tas-servizzi mgħotija mill-Aġenzija Sapport taqa’ f’idejn il-Kap Eżekuttiv.

Saħħa mentali – servizzi fil-komunità u residenzjali — nefqa

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5484, jista’ l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa kapitali għas-sena 2017? Kemm qed tiġi tiswa sodda fl-Isptar Monte Carmeli llum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 5484.

Persuni b’Diżabilità u Anzjani mħarrġa kontra vjolenza/abbużi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar sentejn kemm ġew organizzati sessjonijiet minn entitajiet fosthom l-Aġenzija Appoġġ, il-Korp tal-Pulizija u professjonisti oħra sabiex l-anzjani u persuni b’diżabilità jitgħallmu aktar dwar kif jagħrfu l-abbuż li jitwettaq fuqhom u x’għandhom jagħmlu f’każijiet bħal dawn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, s-Sezzjoni Anzjanita` Attiva fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fl-2014 organizzat seminar dwar l-abbuż fuq l-anzjani, fl-okkażżjoni tal-ġurnata ddedikata għall-għarfien dwar l-abbuż fuq l-anzjani. Tqassmu ukoll fuljetti lill-pubbliku dwar dan, ġewwa il-Belt Valletta. Kienu saru wkoll żewġ radio slots iddedikati fuq is-suġġett. Fiċ-ċentri ta’ matul il-Jum saret skeda ta’ taħdidiet fiċ-ċentri kollha dwar sigurtà dwar l-użu tal-internet. Dawn it-taħdidiet saru mis-Cyber Crime Unit tal-Pulizija. Ipparteċipaw ‘il fuq minn 300 anzjan/a f’dawn it-taħdidiet li ġew organizzati. Fl-2015 saru wkoll sensiela ta’ taħdidiet fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani kollha dwar Prevenzjoni mill-Kriminalità, li għalihom attendew ‘l fuq minn 400 anzjan/a. Dawn saru b’kollaborazzjoni mal-Pulizija. Fil-qasam tad-diżabilità, fl-2016 il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita` (CRPD), organizzat sessjonijiet ta’ taħriġ għal persuni neqsin mid-dawl dwar kif għandhom jużaw l-ATMs b’mod sigur biex jiġi evitat serq. Fl-2017 is-CRPD ipproduċiet filmat biex tqajjem iżjed għarfien dwar nisa b’diżabilità u vjolenza domestika. Matul l-2018 is-CRPD se tkun qiegħda torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ dwar nisa b’diżabilità u vjolenza domestika.
Leg 13 PQ #5717 Sitting 114 2018-05-21 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – bini tar-raba’ vapur

Question

B’referenza għad-diskors tal-Ministru għal Għawdex fil-Parlament ta’ Malta nhar it-Tnejn 14 ta’ Mejju 2018 dwar il-Gozo Channel, fejn qalet li hija taqbel li jinbena r-raba’ vapur u tenniet li għandha pjan fit-tul anki fir-rigward tat-tliet vapuri li għandha l-Gozo Channel, għaldaqstant tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-pjan fit-tul?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif jgħaddi l-proċess tal-PSO u l-Gozo Channel tirbaħ dan it-tender, ikunu jistgħu jingħataw id-dettalji kollha. Kull dettall li jiġi mogħti f’dan l-istadju ikun qed jagtħi żvantaġġ lill-Gozo Channel u vantaġġ lill-bidders potenzjali għat-tender tal-PSO. Il-Gozo Channel għadha trid titfa’ l-offerta tagħha.

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar — rapport

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2682, jista’ l-Ministru jgħid jekk finalment ġiex provdut ir-rapport mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar kif imsemmi fil-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li kien obbligat jipprovdi l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar mill-Bord ta' Governanza Lokali f'deċiżjoni datata l-14 ta' Settembru 2017 bir-referenza 001/2017, fejn f'punt numru 7 tad-deċiżjoni, qed jintqal hekk "7. Rigward l-allegazzjoni ta’ twaħħil ta’ diversi sinjali tat-traffiku llegali b’detriment għas-sewwieqa, hawn il-Bord ma jistax ma jikkundannax lill-Kunsill Lokali li għalkemm jaf li l-liġi qed tkun miksura, qed iħalli dan l-abbuż jibqa’ jseħħ. Sabiex din is-sitwazzjoni tiġi retifikata, il-Bord qed jitlob sabiex il-Kunsill Lokali, fi żmien xahar minn din id-deċiżjoni, jagħmel audit tas-sinjali tat-traffiku li hemm f’San Pawl il-Baħar u li dawk is-sinjali li saru bla permess tal-Awtorità kompetenti, u allura b’mod illegali, jitneħħew minnufih. Il-Bord qiegħed jordna li jingħata kopja ta’ dan l-audit kif ukoll rapport tal-passi li ttieħdu sal-31 ta’ Ottubru 2017."?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Bord ta’ Governanza Lokali li kien hemm komunikazzjoni imma sa issa r-rapport għadu ma wasalx. Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari 2600, fejn tlabt lill-Awditur Ġenerali jinvestiga r-rapport imħejji mill-Bord tal-Governanza Lokali, liema nvestigazzjoni għadha mhiex konkluża.

Kunsill Lokali tal-Belt Valletta – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għamel direct orders il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, mill-ewwel ta' Jannar tas-sena elfejn u tlettax sal-wieħed u tletin ta' Diċembru tas-sena elfejn u sbatax? Jista’ jagħti lista ta' direct orders li tinkludi l-ammonti mħallsa u min tħallas? Jista’ jagħti raġuni għalfejn saret direct order għal kull ammont li jeċċedi l-€1,164 jekk applikabli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qieghda tingabar u ghaldaqstant tinghata f’xi seduta ohra.

Kunsill Lokali Belt Valletta – allokazzjoni finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-allokazzjoni finanzjarja allokata lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta mis-sena 2007 sas-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qieghda tingabar u ghaldaqstant tinghata f’xi seduta ohra.

Kunsilli Lokali li gawdew minn skemi maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u mill-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' liem Kunsilli Lokali gawdew minn skemi maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali jew il-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali, li permezz tagħhom gawdew minn fondi addizzjonali li ma humiex parti mill-allokazzjoni finanzjarja allokata lill-Kunsilli, bejn l-10 ta' Marzu 2008 u t-8 ta' Marzu 2013? Jista’ jagħti dan ir-rendikont għal kull Kunsill Lokali għal kull sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Ta’ min jinnota t-tnaqqis drastiku fl-imsemmija fondi mill-bidu sa tmiem dik l-istess leġiżlatura u cioe l-legizlatura ta' bejn l-2008 u l-2013.

Kunsilli Lokali li qed iħallsu għat-toroq magħmula permezz tal-iskema Public Private Partnership

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' Kunsilli Lokali li għadhom qed iħallsu toroq magħmula permezz tal-iskema ta' Public Private Partnership? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont dovut minn kull Kunsill Lokali, jekk applikabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qieghda tingabar u ghaldaqstant tinghata f’xi seduta ohra.

Akkomodazzjoni alternattiva – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fejn din il-persuna ma ngħatatx post alternattiv minkejja ż-żmien li għandha u ser ikolla terġa’ toħroġ mill-post li għandha u probabilment ser tispiċċa mingħajr post fejn toqgħod?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar diġa infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Akkomodazzjoni diċenti – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn baqgħet ma ħadet ebda risposta wara li ilha snin li applikat għal post diċenti mill-housing minħabba li qed tgħix ġo tlett ikmamar u issa ilha żmien twil ma toħroġ, peress li kellha stroke u ma tistax tinżel taraġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Akkomodazzjoni alternattiva – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn jgħix ġo kamra waħda u ilu żmien li applika għal post alternattiv?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Ħsarat fil-muturi ta’ binja

Question

Jista' l-Ministru jara meta ser jissewwew il-ħsarat li ġarrbu l-muturi fil-komun tal-Binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn f’din il-blokka qabad in-nar, nhar id-19 t'April, 2018?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuni kkonċernati b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimhom.
Leg 13 PQ #5745 Sitting 114 2018-05-21 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Proġett tal-Bajja tal-Għadira

Question

B'referenza għall-artiklu li deher fin-newsportal ta' The Times of Malta nhar it-Tlieta 15 ta' Mejju dwar il-proġett marbut mal-Bajja tal-Għadira, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni mal-operaturi tal-kjosks eżistenti, u jekk le, hemmx il-ħsieb li dawn ikunu kkonsultati? Jista’ jgħid ukoll kif dan il-proġett ser jaffetwa lill-kjosks?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5619.

San Ġiljan –Villa Priuli – applikazzjoni ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi applikazzjoni ġdida rigward Villa Priuli f’Triq Ġorġ Borg Olivier San Ġiljan (refused PA permit PA/03208/16)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirriżultax li hemm xi applikazzjoni ġdida, pendenti rigward Villa Priuli fi Triq Ġorġ Borg Olivier San Ġiljan.

San Ġiljan– Villa Priuli – Planning Authority

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ċirkustanzi li l-Planning Authority tkun tista’ treġġa lura d-deċiżjoni ta’ rifjut tagħha għal Villa Priuli, f’Triq Ġorġ Borg Olivier San Ġiljan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont Artiklu 80 ta’ Att Numru VII tal – 2016, l-Awtorità tal-Ippjanar tista’ tirrevoka biss permessi, f’ċirkustanzi speċifici, iżda mhux deċizjoni ta’ refjut ta’ permess. Wieħed irid jinforma pero li ma jżomm xejn lil persuna interessata milli terġa’ tapplika għal żvilupp li kien qabel rifjutat. Sintendi każi simili jinħtiegu applikazzjoni ġdida fejn jiġu proċessati mill-ġdid.

San Ġiljan –Villa Priuli – żieda ta’ iktar sulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tistax tiġi aċċettata applikazzjoni ġdida biex titlob li Villa Priuli, f’Triq Ġorġ Borg Olivier San Ġiljan ikollha iktar sulari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull persuna tista’ tissottometti applikazzjoni għal żvilupp u din ma tiġix validata biss jekk ma jkollhiex l-informazzjoni kollha skont l-Avviż Legali 162 ta’ 2016, u ma jsirux l-ħlasijiet neċessarji. Dan bl-ebda mod ma jfisser li kull applikazzjoni validata ser jinħareg permess għal żvilupp fuqha. Biex l-Awtorità tasal għal deċizjoni u taċċetta żieda ta’ aktar sulari fuq din il-binja, jkun meħtieġ li applikazzjoni tali tkun evalwata abbażi tal-policies viġenti u skont il-Liġi. Għalhekk ikun prematur li tingħata risposta fis-sens ta’ “iva” jew “le” għal mistoqsija jekk jingħatax permess għal żieda ta’ aktar sulari fuq Villa Priuli. Wieħed irid japprezza li s-sit in kwistjoni huwa skedat bi grad 2 ta’ protezzjoni.

San Ġiljan– Villa Priuli applikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk applikazzjoni ġdida tkun titlob change of use biss, x'inhi dik it-tip ta’ attività ekonomika li hija permessa bil-liġi u għar-regolamenti tal-Planning Authority għal Villa Priuli f’Triq Ġorġ Borg Olivier San Ġiljan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu ta’ l-art f’żoni urbani huwa primarjament regolat mill-Pjanijiet Lokali. F’dan il-każ partikulari iż-żona hija meqjusa bħalha waħda residenzjali fejn l-użi accettabli huma dawk li ma jkunux ta’ detriment għar-residenti fil-viċinanza. Il-lista ta’ użi aċċettabli hija indikata NHHO- 01 tan- North Harbours Local Plan (July 2006) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bormla Home – lift

Question

Jista' l-Ministru jindika meta se jissewwa l-lift f'Bormla Home, minħabba li ilu wieqaf tul dawn l-aħħar sitt ġimgħat għad-detriment tar-residenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, qed isegwi s-sitwazzjoni mill-qrib u huwa nfurmat illi, l-lift ser jissewwa fil-ġranet li ġejjin, hekk kif mistennija jaslu l-parts meħtieġa. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpelant illi, d-Dar ta’ Bormla għall-Anzjani hija mgħamra b’żewġ lifts u fil-preżent ir-residenti xorta għandhom aċċess għal lift, hekk kif qed jagħmlu użu mill- lift l-ieħor.

Dar tal-Anzjani — każ ta' anzjana

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5475, jista’ l-Ministru jintervjeni biex anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li tinsab f’Dar tal-Anzjani ssirilha gwardarobba żgħira għaliex il-qraba qed jispiċċaw ġejjin u sejrin bil-ħwejjeġ għax m’għandhomx fejn ippoġġuhom, inkluż ħwejjeġ tas-sajf u tax-xitwa? Billi din l-anzjana qed tispiċċa bil-ħwejjeġ fuq is-siġġu, possibbli li tinstab soluzzjoni aktar dinjituża billi ssirilha gwardarobba żgħira li kif jien infurmat diġà saru għal xi anzjani oħrajn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.