Bini ta’ Yacht Marina u Cruise Liner Passenger Terminal
Question
Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra fuq l-aħħar żviluppi dwar il-bini ta’ Yacht Marina u Cruise Liner Passenger Terminal li l-Gvern Laburista ħareġ espressjoni ta’ interess għalih eżatt wara li tela’ fil-Gvern f’Marzu 2013 u dan peress li issa għaddew ħames snin minn dakinhar u ma ssemma xejn iżjed dwaru? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett hux ser isir u jekk l-espressjoni ta’ interess li kienet iħarġet għadhiex għaddejja jew jekk ġietx imwaqqfa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qed isegwi l-proċess li permezz tiegħu iridu jiġu solvuti kwistjonijiet bejn il-proponent u terzi.
Għajnsielem – Triq iż-Żewwieqa – asfaltar tat-triq
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk Triq iż-Żewwieqa f’Għajnsielem/Qala Għawdex u ċjoè t-triq li twassal minn Għajnsielem sal-Qala hux ser tiġi asfaltata kollha kemm hi jew inkella parti żgħira biss minnha? Jekk ser tiġi asfaltata parti biss minnha, x’inhi r-raġuni li mhijiex ser tiġi asfaltata kollha u meta hi ppjanata li tingħata kollha kemm hi bit-tarmac?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħala parti minn proġett ta’ Għawdex lil Kunsill Lokali, l-Ministeru għal Għawdex ta s-somma ta’ €79,930.31 lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem sabiex jagħmel xogħlijiet f’din it-triq. Is-servizzi ġew mgħoddija, it-triq inqalgħet u ingħataw livelli aġġornati u din il-ġimgħa mistenni li x-xogħol jiġi konkluż. Dan ix-xogħol qed jiġi superviżjonat mill-Ministeru bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill.
Tista’ l-Ministru tgħid meta huma ppjanati li jsiru l-marki taż-żebgħa (parking bays) ġewwa Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex eżattament quddiem l-area tal-Gozo Sports Complex u l-kumplament tat-triq biex il-karozzi jkunu jistgħu jiġu pparkjati kif suppost u dan peress li dawn ir-road markings ma għadhomx jidhru?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-ġimgħa l-oħra refreshments tas-sinjali, li kien hemm il-permess għalihom maħrug mit-Transport Malta. Ninforma wkoll li r-road markings section tal-Ministeru għal Għawdex qed twettaq programm ta’ road markings madwar Għawdex kollu.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5240 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti ta’ toroq hemm ippjanati li jsiru ġewwa Għawdex u f’liema sena mill-fond ta' Operational Programme I European Structures and Investments Funds 2014-2020?
Birżebbuġa — Tneħħija tat-tankijiet tal-fjuwil 31 ta’ Marzu
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk ittieħdux passi jew inbdewx proġetti biex ikompli x-xogħol relatat mat-tneħħija tat-tankijiet tal-fjuwil 31 ta’ Marzu 1979 f’Birżebbuġa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien imħabbar qabel, sabiex is-sit ta’ Birżebbuġia tingħalaq darba għal dejjem, iridu jiġu fi tmiemhom tlett proġetti maġġuri li bħalissa qegħdin fil-fażi ta’ kostruzzjoni. Dawn il-proġetti kapitali se jiswew lill-kumpanija Enemed mas-sebgħin miljun ewro u huma:
Il-proġett ta’ rinnovar u “
upgrade
” tat-tankijiet ta’ taħt l-art, liema proġett beda fil-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena u huwa stmat li jkun lest sa’ Diċembru tal-2019.
Il-proġett ta’ “
filling station
” ġdida u uffiċini ġodda f’Ħas Saptan fejn dan il-proġett beda ukoll f’ Jannar ta’ din is-sena u huwa stmat li jkun lest ukoll sa’ Dicembru tal- 2019.
Il-proġett ta’ bdil ta’ tankijiet kollha tal-ħażna ġo l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-ewwel fażi tal-proġett hija lesta u f’Ġunju għandha tibda t-tieni fażi li mistennija tkun lesta wkoll sa’ Diċembru tal-2019.
Qajjenza – faċilità fejn kienu jimtlew iċ-ċilindri tal-gas
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x’passi se jkunu qed jittieħdu rigward il-faċilità fejn kienu jimtlew iċ-ċilindri tal-gass fil-Qajjenza u jekk hemmx pjani ta’ żvilupp għal dan is-sit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-Enemalta għaddejja b’diskussjonijiet interni dwar l-iżvilupp ta’ dan is-sit.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra f’liema stadju wasal il-proġett biex jingħadda cable mill-power station lejn Ħal Far li jgħaddi minn Birżebbuġa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-proġett relatat mar-rinfurzar tal-infrastruttura tal-Enemalta, li kien jinvolvi xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ cables mill-power station ta’ Delimara sa Ħal Far, wasal fil-fażi finali tiegħu. Huwa ppjanat li fil-ġimgħat li ġejjin il-cables kollha jkunu ġew mgħoddija u allura l-proġett ikun jista’ jibda jiġi konkluż.
Birżebbuġa – xogħlijiet fuq mains tal-ilma u drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk ix-xogħlijiet f’mains tal-ilma u d-drenaġġ f’Birżebbuġa nbdewx u kif se jkun qed jitwettaq dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fi Triq Birżebbuġia minn fejn l-Għassa sa Misraħ il-Knisja u Triq Santa Katarina huma lesti. Ix-xogħlijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kemm tal-ilma, kif ukoll tad-drenaġġ se jissuktaw fit-toroq l-oħra wara li jitlesta x-xogħol tal-Enemalta li qiegħed joqrob lejn it-tmiem. Dawn it-toroq jinkludu Triq San Patrizju sa Misraħ is-Summit, Triq il-Bajja s-Sabiħa, Triq Żaren Dalli u Triq Għar Dalam sa kantuniera ma’ Triq Salvatore Cachia Zammit. Għalkemm il-programm tax-xogħol diġa’ ġie mfassal mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, dan għad irid jiġi maqbul mal-Kunsill Lokali u awtoritajiet ikkonċernati minħabba li jkun qorob biex jibda l-istaġun tal-għawm.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x’miżuri ta’ traffic management qed jittieħdu u x’se jkunu qed jittieħdu fid-dawl tax-xogħlijiet li għaddejjin fil-preżent f’Birżebbuġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta bħalissa qegħdha ssaħħaħ il-provvista tal-elettriku mill-Power Station għal Birżebbuga / Ħal Far u għal dan il-għan qegħdin jgħaddu infrastruttura taħt l-art.
Transport Malta qegħdha tgħin biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet li jaffetwaw mill-inqas lil min għandu bżonn jagħmel użu minn dawn it-toroq. Għaldaqstant esiġejt li tingħalaq biss karreggjata waħda waqt li għaddejjin dawn ix-xogħolijiet filwaqt li jitħalla ukoll jgħaddi it-trasport pubbliku. Dan peress li t-trinek li jinfetħu rridu jkunu ta’ madwar 350 metru sabiex dawn il-cables jitpoġġew fl-intier tagħhom.
Kulħadd jifhem li għalkemm jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet, jibqa’ l-inkonvenjent ta’ min titwallu t-triq bid-devjazzjonijiet li jkunu meħtiega. Transport Malta ħadet ħsieb ukoll li tara li l-kuntrattur jimxi mad-dati ta’ skadenzi u għaldaqstant dan ix- xogħol huwa mistenni li jiġi ffinalizzat fil-ġimgħat li ġejjin.
Skema Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi r-rapport tal-għażla tal-iskema Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme? Tista' tgħid min kienu l-membri tal-Bord tal-Għażla? Tista' tagħti l-lista tas-sitta u tletin (36) sottomissjoni li kien hemm u tindika minn dawn is-sottomissjonijiet kollha liema ma ġewx magħżula?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema ġiet maħduma bħal dik tas-sena l-oħra li ngħatat tifħir mill-Kummissjarju għas-Settur tal-Volontarjat għal mod kif ġiet awarded. Ir-riżultat u l-informazzjoni li qed tintagħlab qeda fuq il-website tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Ministeru għal Għawdex – kontijiet pendenti għal xogħlijiet fit-toroq f’Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-Ministeru tagħha jew fl-entitajiet li jaqgħu taħtha, hemmx kontijiet pendenti għal xogħlijiet ta’ toroq li saru f’Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Jekk iva, tista’ tagħti dettalji ta' liema toroq huma dawn il-kontijiet pendenti, kemm hu l-ammont u għaliex il-kont għadu ma tħallasx?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-files in kwestjoni huma materja ta’ investigazzjoni mill-pulizija ma jistgħux jingħataw iktar dettalji f’dan l-istadju.
B’referenza għall-Mutual Help Fund tal-Pulizija u għad-deċiżjoni li dan jiġi xolt, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni dwar din id-deċiżjoni? Kemm inġabru flus matul is-snin? Kemm tħallsu flus lura lill-Membri tal-Korp tal-Pulizija mis-somma miġbura matul is-snin? X’miżuri ttieħdu biex min ta l-kontribut tiegħu lil dan il-fond jingħata kumpens xieraq? X’inhu l-mudell finanzjarju li ntuża?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi t-tariffa biex tipparkja fil-parkeġġ? Jista’ jgħid kemm idaħħal l-gvern talli jikri dan il-parkeġġ lill-privat? Hemm ħsieb li t-tariffa tkun orħos jew li l-parkeġġ jiġi fl-operat tal-gvern biex it-tariffa torħos?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tariffi biex tipparkja fil-parkeġġ pubbliku tal-isptar Mater Dei bħalissa huma kif ġejjin hawn taħt:
Sa tletin minuta - Xejn
Minn tletin minuta sa siegћa - €0.80c
Minn siegћa sa sagћtejn - €1.65c
Minn sagћtejn sa tlett siegћat - €2.45c
Minn tlett siegћat sa erba siegћat - €3.25c
Minn erba siegћat il’quddiem - €4.10c (massimu ġurnata)
Mill-22.00 sas-06.00 -€0.80c gћall-perjodu kollu
Ir-rati ta’ hawn fuq huma dawk skont il-kuntratt li daħal fis-seħħ f’Jannar 2008. Skont il-kuntratt rivedut f’Jannar 2008 il-Gvern intrabat li mhux talli ma jdaħħal xejn, imma li eventwalment iħallas lill-kuntrattur għal servizzi u manutenzjoni ta’ apparat relatat.
Il-Ministeru għas-Saħħa qiegħed fil-proċess li jinnegozja kuntratt ġdid għat-tmexxija tal-parking areas pubbliċi tal-isptar Mater Dei, fil-fatt dan il-kuntratt issa huwa aġġudikat. Il-kuntratt il-ġdid se jkun qed jizgura li l-kuntrattur se jkun responsabbli mill-management kollu tal-parkeġġ, inkluż manutenzjoni tal-apparat relatat, kif ukoll jiżgura li l-gvern ma joħroġx flus anzi jdaħħal flus permezz ta’ dan l-arranġament. Fl-istess waqt il-kuntratt il-ġdid se jiggarantixxi rati orћos ta’ parkeġġ għal pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru tal-vetturi kollha (kemm privati kif ukoll le), li hawn fit-toroq f’Malta? Kemm hu n-numru ta’ vetturi (privati u mhux) għal kull 1000 persuna? Kemm għandna vetturi (kemm privati kif ukoll le) għal kull kilometru ta’ triq li għandna f’Malta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella sussegwenti :-
Ammont ta’ vetturi (kemm privati kif ukoll le) fit-toroq f’Malta sa l-aħħar t’April 2018
377,305
Ammont ta’ vetturi (kemm privati kif ukoll le) għal kull 1000 persuna, ikkalkulata fuq 432,000 residenti
873
Ammont ta’ vetturi (kemm privati kif ukoll le) għal kull kilometru ta’ triq li għandna f’Malta
132
Peress li d-daqs minimu ta’ bankina huwa ta’ 1.2 m, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li dan qed jittieħed bħala daqs standard meta fil-fatt mhux?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument “Access for all Design Guidelines” tal-Kummisjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li s-servizz ta’ kura tal-Crisis Intervention Team għal persuni li jbatu b’diżordni mentali qed jiġi offrut mis-7.00am sal-17.30pm, jista’ l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb li dan is-servizz jiġi estiż 24/7?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi la darba jkun komplut ir-rekrutaġġ ta’ professjonisti ġodda, il-ħinijiet ta’ dan is-servizz se jkunu estiżi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta’ cycle lanes hawn bħalissa f’Malta? Jista’ jgħid kemm-il kilometru iktar ser jitwettqu bil-proġett ta’ immodernizzar ta’ toroq? X’inhu l-ħsieb biex ikun hemm konnessjoni ta’ dawn is-cycle lanes u biex ma jkollniex biċċiet ta’ cycles lanes li jispiċċaw f’dead end?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fejn din l-anzjana toqgħod fir-raba’ sular u s-saħħa tagħha qiegħda tmur lura u li għaxar snin ilu applikat għall-akkomodazzjoni soċjali imma s’issa għadha mingħajr risposta?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita` tad-Djar diġa infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub, għall-mistoqsija li saret f’isimha.
Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali — rwoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal x’inhuma l-irwoli tad-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali? Kemm hemm assessuri impjegati mad-dipartiment sabiex jaraw li min qed jipprovdi s-servizzi, jimxi mal-istandards nazzjonali elenkati fis-Servizzi Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-iStandards fil-Ħarsien Soċjali, huwa regolatur ta’ servizzi tal-ħarsien. Għaldaqstant id-Dipartiment għandu dawn l-irwoli :
- Isiru spezzjonijiet kemm fid-Djar Residenzjali u aġenziji
- Issir riċerka dwar il-kwalita` tas-servizz
- Issir riċerka u tinġabar informazzjoni
- Isiru żjarat ta’ orjentazzjoni
- Titwettaq analiżi u rapporti ta’ informazzjoni li tkun inġabret
- Issir riċerka qabel mal-għodda ta’ ċċekkjar jiġu żviluppati
- Jiġu żviluppati l-għodod sabiex waqt l-ispezzjoni, l-Assessuri jiċċekkjaw li s-servizzi ta’ ħarsien jimxu mal-Istandards Nazzjonali
- Issir ġbir ta’ statistika
Barra minn hekk f’dawn l-aħħar erba’ snin :
- Inħolqu
working groups
u
focus
groups
biex jiġu stabbiliti l-Istandards Nazzjonali
- Saret ħidma intensiva sabiex l-Istandards Nazzjonali jkunu uffiċjali u stabbiliti
- Ingħatat l-assistenza fit-tfassil tal-liġijiet
Fid-Dipartiment Standards għal Ħarsien Soċjali hemm jaħdmu 5 Assessuri fil-qasam tas-Servizzi Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilita`.
Djar/Hostels għall-Persuni b’Diżabilità – investigazzjonijiet minn assessuri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet mill-assessuri fi Djar/Hostels għall-Persuni b’Diżabilità f’dawn l-aħħar tliet snin? Fejn saru dawn l-investigazzjonijiet u jekk instabux jew le xi nuqqasijiet fis-servizzi mogħtija minn dawn id-Djar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.