Peress li jidher li l-Gvern qed jiffavorixxi li l-konnessjoni bejn Malta u Għawdex tkun ta’ tunnel, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-istudju li sar f’Settembru 2015 minn E-Cubed Consultants bit-titlu ‘Establishing a Permanent Link between the Island of Gozo and Mainland Malta: An Economic Cost Benefit Analysis of Available Strategic Options’, il-konklużjoni tar-rapport wera li minn aspett ekonomiku u finanzjarju, mina bejn Malta u Għawdex tkun is-soluzzjoni ppreferuta meta mqabbla ma’ pont.
ERA – applikazzjonijiet dwar qlugħ u żbir ta’ siġar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni daħlet għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) minn entitajiet governattivi inkluż kunsilli lokali dwar qlugħ u żbir ta’ siġar fis-sena 2017 u minn Jannar sa April 2018? Kemm ġew irrifjutati talbiet għall-perjodi msemmija? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk li ġew approvati għall-perjodi msemmija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Peress li ġie mħabbar li qed isir upgrade tal-bus shelters, jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bus shelters imwaqqfa preżentement? Kemm-il bus stop hawn mingħajr bus shelter f’postijiet li dawn jistgħu jsiru? Kemm għandhom jitwaqqfu u f’kemm żmien? Kemm hi l-ispiża totali?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-preżent hawn madwar 527 bus shelter, ta’ tipi differenti kif ukoll 7 bus shelter canopies, fuq in-network tat-trasport pubbliku bi skeda.
Sa ftit taż-żmien ilu Transport Malta kellha għad-dispozizzjoni tagħha tip wiehed ta’ bus shelter u allura ta’ qies wieħed. Ghaldaqstant, kienet ristretta fejn jistgħu jitwaħħlu bus shelters. Bil-kuntratt il-ġdid Transport Malta ser ikollha għad-dispozizzjoni bus shelters ta’ qisien differenti. Fil-preżent l-Awtorità qiegħdha fil-proċess illi iddur dawk il-postijiet fejn fil-passat, minħabba restrizzjoni ta’ spazju, ma setgħax jitwaħħal bus shelter sabiex tara hux possibbli illi jitwaħħal wieħed iżgħar. Dan il-process li diġà beda ser jitkompla matul ix-xhur li ġejjin.
Infurmat ukoll li f’dan l-istadju m’hemmx spiża finali peress li dan huwa proċess mifrux fuq medda ta’ żmien.
Kunsilli Lokali – nefqa f’bini ta’ toroq mill-ġdid
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa ta' kull Kunsill Lokali f'Malta u Għawdex f'bini ta' toroq mill-ġdid matul is-snin 2016 u 2017, sena b'sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar u għaldaqstant tingħata f’xi seduta oħra.
Reġistru Pubbliku ta’ Malta – digrieti ta’ adozzjoni fir-Reġistru tal-Persuni adottati reġistrati
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il digriet ta' adozzjoni ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Persuni Adottati fir-Reġistru Pubbliku ta' Malta mis-sena 2008 sas-sena 2017, sena b'sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub huwa fil-lista annessa:
Sena
Total
2008
71
2009
44
2010
75
2011
61
2012
74
2013
66
2014
48
2015
55
2016
38
2017
52
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanati li jsiru xi toroq ġewwa Għawdex li jwasslu għal żoni turistiċi qabel jibda l-istaġun tas-sajf kif qed isir bħalissa ġewwa Malta u jekk iva liema toroq ser isiru ġewwa Għawdex qabel jibda l-istaġun tas-sajf?
Response (BORG, IAN)
Waqt li l-Ministeru ta’ Għawdex għadu kif ħabbar diversi proġetti ta’ toroq f’Għawdex, u allura wieħed jistaqsi aktar dwar dan lil Ministru responsabbli, meta titwaqqaf l-aġenzija Infrastructure Malta fil-ġimgħat li ġejjin, din ukoll ser talloka fondi għal xogħol ta’titjib f’diversi toroq f’Għawdex, bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jinvesti mas €700 miljun għal qabza l‘fuq fil-kwalita’ tal-infrastuttura tat-toroq f’pajjiżna. Aktar dettalji dwar il-ħidma ta’ Infrastructure Malta jingħataw dalwaqt.
Ministeru għal Edukazzjoni u Xogħol – każijiet ta’ dixxiplina
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'kull Dipartiment u entità li taqa' taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, kemm kien hemm każijiet ta' dixxiplina dwar impjegati minn Marzu 2013 sal-lum? X'kien l-eżitu ta' kull każ? F'kull każ x'kien il-grad tal-impjegat involut?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba dwar id-dipartimenti. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li dwar l-entitajiet għad jonqos tinġabar xi informazzjoni. Dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tinġabar l-informazzjoni kollha.
Attachments:PQ 5741 - MEDE - każijiet ta' dixxiplina.pdf
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti f'kull skola primarja f'Għawdex kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Knisja fil-bidu tas-sena skolastika 2017/2018, ċjoè f'Settembru 2017? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' studenti f'kull waħda minn dawn l-iskejjel fil-preżent?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 5742 - Għawdex - skejjel primarji - studenti.pdf
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-Ministeru tagħha jew mad-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid f’liema grad ġew impjegati u f'kull każ saritx sejħa pubblika għal dawn il-postijiet? Tista' tgħid f'kull każ x'kienu r-rekwiżiti u l-kwalifiċi mitluba għal dawn il-pożizzjonijiet? Tista' tgħid kemm minn dawn il-persuni impjegati għadhom fl-istess pożizzjoni sal-lum u jekk ma għadhomx fil-pożizzjoni li fiha ġew impjegati, wara kemm żmien ġew trasferiti għal xogħol ieħor u f’liema grad qegħdin illum?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-bini tal-pixxina ġewwa r-Rabat Għawdex hux se jinbeda matul is-sena 2018 li issa waslet kważi f'nofsha? Jekk iva, f’liema xahar tas-sena hu ppjanat li jibda x-xogħol u meta hu mistenni li din il-pixxina tibda tintuża?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġu mibnija units tal-housing fl-erba’ snin li ġejjin f’Għawdex min-naħa tal-Gvern jew l-Awtorità għad-Djar u f’liema lokalità ġewwa Għawdex se jinbnew dawn il-units? Jista’ jgħid bħalissa f'Għawdex fejn hemm xogħol għaddej fuq bini ta' units ġodda ta' housing soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li numru ta’ appartamenti ser ikunu disponibbli f’Għawdex permezz tal-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, il-Ministeru għal Għawdex għaddej b’diskussjonijiet mal-awtoritajiet ikkonċernati għal proġett ta’ housing soċjali f’Għawdex. Għal aktar informazzjoni ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill- Ministru kkonċernat.
Wied il-Għajn – Skola San Tumas More – parkeġġi għall-persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-parkeġġi li hemm allokati fl-Iskola San Tumas More f’Wied il-Għajn, inkluż dawk għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, humiex se jittieħdu u jitneħħew kompletament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li fil-preżent m’hemm l-ebda parkeġġ fl-iskola San Tumas More f’Wied il-Għajn.
Wied il-Għajn – Bini ta’ Għassa ta’ Pulizija quddiem l-iskola
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kemm-il darba, preċiż quddiem l-Iskola San Tumas More f’Wied il-Għajn hijiex se tinbena Għassa tal-Pulizija li se tgħatti kompletament l-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li skont id-dokument approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, PA07389/17/31A, is-sit ta’ l-għassa huwa biswit parti biss mis-sit kollu tal-iskola. Ma jirriżultax li l-iskola se tiġi kompletament mgħottija.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5421 u ċjoè: B’referenza għar-rapport li deher fis-sitt paġna tal-ħarġa tal-gazzetta The Malta Independent on Sunday tat-22 ta’ April 2018, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra min ħallas għall-vjaġġ, akkomodazzjoni u l-ispejjeż relattivi ġewwa l-Awstralja kif ukoll minn min kienet komposta d-delegazzjoni u min ħallas għall-istess vjaġġ, akkomodazzjoni u għall-ispejjeż relattivi għall-istess delegazzjoni? Jista’ jinforma kemm kienet l-ispiża komplessiva?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex se tinbena Għassa tal-Pulizija ġdida f’Wied il-Għajn u jekk iva sarx studju u sarx proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili sabiex jiġi identifikat l-aħjar sit?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser tinbena għassa tal-Pulizija f’Wied il-Għajn. Kienu saru evalwazzjonijiet ta’ siti differenti, intagħżel l-aħjar sit u sar il-proċess meħtieġ mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Awtorità tad-Djar – twaħħil ta’ lifts fi djar privati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm twaħħlu lifts fi djar privati bl-għajnuna tal-Awtorità tad-Djar għall-persuni anzjani u bi bżonnijiet speċjali f’dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jindika kemm kien l-ammont komplessiv li ntefaq?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar matul dawn l-aħħar ħames snin, approvat u ffinanzjat l-istallar ta’ 154 lift jew stairlift ġewwa proprjeta` privata, b’nefqa ta’ €648,604.27.