Deputati Parlamentari li huma impjegati fis-settur pubbliku
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5561, 5172 u 4813 u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Onor. Simon Busuttil, membru tal-Oppożizzjoni li jirrapreżenta l-Partit Nazzjonalista għandux impjieg mal-Gvern u/jew ma’ entitajiet pubbliċi barra mis-servizz pubbliku? Peress li l-impjieg fis-settur pubbliku huwa regolat b’Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni u li kull impjieg ma’ kull korp stabbilit bil-Kostituzzjoni jew b’xi liġi jew taħt xi liġi oħra, u ma’ kull soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ta’ Malta, jew xi korp kif intqal qabel, ikollhom sehem biżżejjed biex jikkontrollaw jew li fuqu jkollhom kontroll effettiv, għandu, kemm-il darba dak id-dħul ma jkunx sar wara eżami pubbliku li jkun ġie avżat kif imiss, isir permezz tas-servizz għall-impjegar (jiġifieri Jobs Plus jew l-ekwivalenti tiegħu fil-passat), jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista’ l-Prim Ministru jgħid:
a. Kemm ilu ingaġġat dan id-deputat fis-servizz pubbliku jew f’entitajiet fuq imsemmija u b’liema metodu msemmi fil-Kostituzzjoni;
b. X’kuntratt ta’ impjieg/servizz għandu dan id-deputat, kif ukoll x’inhu d-dħul gross annwali tiegħu; u
c. X’inhi l-kariga u grad li jokkupa llum?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Onor. Simon Busuttil m’għandu ebda tip ta’ kuntratt ta’impjieg/servizz fid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Standards Nazzjonali tas-Servizzi Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-iStandards Nazzjonali tad-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità se jiġux applikati wkoll għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull proġett residenzjali fil-komunità ġħal persuni b`nuqqas tas-saħħa mentali jiġi awtorizzat mill-Commission for the Rights of Persons with Disability (CRPD) qabel jinħarġu l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar, waqt li jsiru spezzjonijiet mid-Dipartiment għar-Regolamentazzjoni tas-Saħħa li japplika standards skont il-liċenzja maħruġa.
Wara l-inċident barbaru u kundannabli fuq il-pulizija tat-traffiku li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jikkunsidrax il-Ministru li l-pulizija tat-traffiku jibdew ikunu armati b'arma tan-nar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm mhux opportun li tagħrif dwar l-operat tal-Pulizija jiġi mxandar, bħalma dejjem isir, il-Pulizija se tagħmel l-evalwazzjoni tagħha sabiex jiġi determinat x'deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-appelli pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji u jgħid għal kull wieħed minnhom, f'liema stadju wasal is-smigħ tal-appell?
Bank Ċentrali ta’ Malta – ħaddiema li għandhom ħatriet f’bordijiet tal-Gvern u entitajiet pubbliċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Bank Ċentrali ta' Malta li għandhom ħatriet f'bordijiet tal-Gvern u entitajiet pubbliċi oħra? Jista' l-Ministru jgħid min huma dawn il-ħaddiema, x'kariga jew pożizzjoni għandhom fil-Bank Ċentrali ta' Malta, x'rimunerazzjoni għandhom u jekk humiex eżenti mill-impjieg tagħhom mal-Bank Ċentrali ta' Malta għad-dmirijiet tagħhom f'bordijiet tal-Gvern u entitajiet pubbliċi oħra? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji biex intgħażlu dawn il-persuni għal dawn il-pożizzjonijiet u xi rwol għandu l-Bank Ċentrali ta' Malta fl-għażla tagħhom?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-impjegati tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li għandhom ħatriet fuq Bordijiet tal-Gvern u entitajiet publiċi.
L-impjegati huma eżentati mill-impjieg tagħhom mal-Bank Ċentrali sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fuq il-Bordijiet tal-Gvern u entitajiet publiċi sabiex jattendu l-laqgħat tagħhom. Normalment l-impjegati jpattu għall-ħin mogħti għal xogħol ta’ dawn l-entitajiet.
Il-kriterji biex intgħażlu dawn il-persuni huwa determinat mill-kapaċitajiet tal-persuni u l-Bank Ċentrali huwa kkonsultat qabel ma dawn il-persuni jintgħażlu.
Ir-remunerazzjoni hija mogħtija fuq il-merti tal-pozizzjoni u l-Bank Ċentrali ma għandux informazzjoni dwarha għall-persuni kollha msemmija fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda.
Bank Ċentrali ta’ Malta — Safar li sar mill-Gvernatur u ż-żewġ Deputati Gvernaturi
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar safar li sar mill-Gvernatur u ż-żewġ Deputati Gvernaturi tal-Bank Ċentrali ta' Malta mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid għal kull waħda mis-safriet, x'kienet il-ħtieġa tas-safra, kemm swiet f'akkomodazzjoni, biljetti tal-ajru, assikurazzjoni, kemm ingħataw allowances, xi spejjeż oħra saru u minn min kienu akkumpanjati?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-kamra.
Dwar l-assikurazzjoni, l-Bank Ċentrali iħallas premium wieħed li jkopri s-safar kollu fuq xogħol uffiċjali li jsir mill-impjegati kollha tal-Bank. Għalhekk wieħed ma jistax jidentifika l-assikurazzjoni għal kull safra.
Bank Ċentrali ta’ Malta — Gvernatur u ż-żewġ Deputati Gvernaturi – laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvernatur u xi wieħed miż-żewġ Deputati Gvernaturi tal-Bank Ċentrali ta' Malta qattx kellhom talbiet għal-laqgħa/t ma' uffiċjali, avukati, accountants, awdituri, konsulenti, ħaddiema, diretturi jew azzjonisti tal-bank li dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid meta u fejn saret din il-laqgħa/t, min f'isem il-Bank Ċentrali ta' Malta kien preżenti għal din il-laqgħa/t, min talab li ssir il-laqgħa u x'kien l-iskop tal-laqgħa? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm talbiet għal laqgħat li ma ġewx milqugħa u jekk iva x'kienet ir-raġuni għat-talba għal laqgħa, min talab li ssir il-laqgħa u x'kienet ir-raġuni għaliex il-laqgħa ma saritx?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma qatt ma saret ebda talba għal laqgħa mal-Gvernatur jew ma' kwalunkwe Deputat Gvernatur minn uffiċjali, avukati, accountants, awdituri, konsulenti, impjegati, diretturi jew azzjonisti tal-bank imsemmi fil-mistoqsija.
Bank Ċentrali ta’ Malta — Gvernatur u ż-żewġ Deputati Gvernaturi – laqgħat ma’ individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvernatur u xi wieħed miż-żewġ Deputati Gvernaturi tal-Bank Ċentrali ta' Malta qattx kellhom talbiet għal laqgħat mal-individwu li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid meta u fejn saru dawn il-laqgħa/t, min f'isem il-Bank Ċentrali ta' Malta kien preżenti għal dawn il-laqgħa/t, min talab li jsiru l-laqgħa/t u x'kien l-iskop tal-laqgħa/t? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm talbiet għal laqgħat li ma ġewx milqugħa u jekk iva x'kienet ir-raġuni għat-talba għal laqgħat, min talab li jsiru l-laqgħa/t u x'kienet ir-raġuni għaliex il-laqgħa/t ma saritx/ma sarux?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret ebda talba għal laqgħa mal-Gvernatur jew ma' kwalunkwe Deputat Gvernatur mill-persuna msemmija fil-mistoqsija.
Bank Ċentrali ta’ Malta — Gvernatur u ż-żewġ Deputati Gvernaturi – laqgħat ma’ individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvernatur u xi wieħed miż-żewġ Deputati Gvernaturi tal-Bank Ċentrali ta' Malta qattx kellhom talbiet għal laqgħat mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid meta u fejn saret dawn il-laqgħat, min f'isem il-Bank Ċentrali ta' Malta kien preżenti għal dawn il-laqgħat, min talab li jsiru dawn il-laqgħat u x'kien l-iskop tal-laqgħat? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm talbiet għal laqgħat li ma ġewx milqugħa u jekk iva x'kienet ir-raġuni għat-talba għal dawn il-laqgħat, min talab li jsiru l-laqgħat u x'kienet ir-raġuni għaliex il-laqgħat ma sarux?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-15 ta Mejju 2018, l-individwu kkonċernat talab laqgħa mal-Gvernatur.
Il-laqgħa kienet mitluba f’isem wieħed mill-imsieħba f’
joint venture
ikkuntrattat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta fl-4 ta’ Settembru 2013 biex iwettqu xogħlijiet f’Binja Laparelli.
Laqgħa f’dan ir-rigward baqgħet ma ġietx stabbilita.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bollards li hemm fuq il-bankini fi Triq San Trofimu tas-Sliema, sarux bil-permess ta' Transport Malta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-arkivji tal-Awtorità tat-Trasport mhemm l-ebda approvazzjoni għal tali bollards fi Triq San Trofimu, Sliema.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanati xogħlijiet sabiex ikun hemm aċċess aħjar għall-bajja ta' St Peter’s Pool f'Delimara?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed twettaq diversi xogħlijiet infrastrutturali sabiex itejjeb il-kwalità ta’ għadd ta’ toroq li nużaw aktar ta’ spiss fis-sajf, fosthom toroq li jwasslu għall-bajjiet.
L-ewwel xogħlijiet bdew bil-bini mill-ġdid ta’ parti mit-triq tax-xatt tax-Xemxija (Triq il-Pwales), il-konnessjoni ewlenija lejn il-Mellieħa u nħawi oħra tan-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, fosthom l-Għadira, l-Armier, iċ-Ċirkewwa u l-Marfa. Dan ix-xogħol issa tlesta u bħalissa, qed isir xogħol ta’ tiswija urġenti fl-istruttura tal-pont ta’ Triq il-Mistra u tiswijiet u asfaltar fit-triq ewlenija bejn ix-Xemija u l-Mellieħa, inkluż it-telgħa ta’ Selmun, aktar ‘il fuq f’din l-istess rotta. Għaddej ukoll ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-Bypass tal-Mellieħa.
Fil-jiem li għaddew tlesta l-bini mill-ġdid tat-toroq li jwasslu għax-xtajta ta’ Għar Lapsi, b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun Ewro.
Bdew ukoll it-tħejjijiet tal-ewwel fażijiet ta’ proġett parzjalment iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, sabiex gradwalment jinbnew mill-ġdid it-toroq fil-kampanja li miż-Żejtun iwasslu għal Tas-Silġ, Delimara, Marsaxlokk, Xrobb l-Għaġin, il-Bajja tal-Kalanka, il-Ħofriet u St Peter’s Pool. Dawn it-toroq jinkludu Triq Delimara u Triq Xrobb l-Għaġin, li bejniethom għandhom tul ta’ madwar sitt kilometri. L-ewwel fażijiet ta’ dan il-proġett, fil-ġimgħat li ġejjin, se jinkludu t-triq u l-passaġġ tal-mixi li jwasslu għal St Peter’s Pool, li f’dawn l-aħħar snin saret waħda mill-aktar bajjiet popolari fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Din il-ħidma kollha fl-inħawi taż-Żejtun u Marsaxlokk mistennija tilħaq investiment ta’ €1.8 miljun, b’madwar 21,000 metru kwadru ta’ asfalt ġdid.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5753 u jintervjeni biex anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li tinsab f’Dar tal-Anzjani ssirilha gwardarobba żgħira għaliex il-qraba qed jispiċċaw ġejjin u sejrin bil-ħwejjeġ għax m’għandhomx fejn ippoġġuhom, inkluż ħwejjeġ tas-sajf u tax-xitwa? Billi din l-anzjana qed tispiċċa bil-ħwejjeġ fuq is-siġġu, possibbli li tinstab soluzzjoni aktar dinjituża billi ssirilha gwardarobba żgħira li kif jien infurmat diġà saru għal xi anzjani oħrajn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mhijiex residenti fid-Dar tal-Anzjani msemmija b’mod separat.
Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Residenza San Vinċenz de Paule — Carers Provduti minn Kuntrattur
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5761 u jintervjeni mal-kuntrattur li jipprovdi l-carers fir-Residenza San Vinċenz de Paule peress li l-carers, fosthom nisa li jaħdmu fuq bażi part-time mal-kuntrattur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jixtiequ jaħdmu numru ta’ ġranet fil-ġimgħa u minflok qed jingħataw ġurnata waħda biss filwaqt li minflokhom qed jiddaħħlu carers barranin? Filwaqt li nifhem l-importanza tal-ħaddiema barranin f’ċerti oqsma tal-ekonomija tagħna, ma jaħsibx li l-preċedenza għandha tingħata lill-carers Maltin, li ħafna minnhom huma nisa li jkunu miżżewwġa bil-familja u jkunu jistgħu jaħdmu fuq bażi part-time? Ma jaħsibx il-Ministru li hija ironija li ngħidu li rridu aktar nisa fid-dinja tax-xogħol, imbagħad f’istituzzjoni tal-Gvern stess, il-kuntrattur qed jagħti preferenza lill-ħaddiema barranin fuq dawk Maltin li jkunu infurmaw il-kuntrattur konċernat kemm jixtiequ jaħdmu imma qed jaħdmu ferm u ferm anqas għax minflokhom qed jiġu mgħajta carers barranin għax-xogħol?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ carers kull ġurnata jvarja skont ir-raġunijiet mssemmija hawn taħt :
1.
Vacation Leave u Sick Leave
tal-ħaddiema tal-kuntrattur;
2.
Vacation Leave u Sick Leave
tal-ħaddiema tal-gvern;
3. Numru ta’ pazjenti li jirrikjedu
Carer on Constant watch;
4. Numru ta’ pazjenti li jirrikjedu
Carer
biex takkompanjhom fl-ambulanza meta jmorru l-isptar Mater Dei.
L-ordni ta’ preċedenza t’allokazzjoni tal-carers hija kif spjegat hawn taht :
1.
Carers
fuq bażi
full-time
u fuq bazi
part-time on fixed roster;
2.
Carers
fuq bażi
part-time by availability;
3.
Carers
fuq bażi
part-time on fixed roster
li jaċċettaw li jaħdmu siegħat addizzjonali;
4.
Carers
fuq bażi
full-time
li jaċċettaw li jaħdmu siegħat addizzjonali
bhala
overtime.
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-PBS hux se jxandar il-logħbiet kollha tal-World Cup live? Jekk iva, jista’ jgħid fuq liema channel?
Response (BONNICI, OWEN)
Bi pjaċir inħabbar li l-Public Broadcasting Services Ltd. se xxandar il-logħbiet kollha tal-World Cup. Il-logħbiet primarjament se jixxandru live fuq TVM ħlief għal meta il-logħob kun fit-20:00 u jaħbat mal-Bulettin tal-Aħbarijiet. F'dawn iċ-ċirkostanzi l-logħob jiġi mxandar fuq TVM2. Meta jkun hemm żewġ logħbiet fl-istess ħin, dawn se jixxandru waħda fuq TVM u l-oħra fuq TVM2.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal it-twaqqif tal-aġenzija ‘Ambjent Malta’ li t-twaqqif tagħha ġie mħabbar f’Lulju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-twaqqif ta’ Ambjent Malta jinsab fi stadju avvanzat. Ħarġu sejħiet għal Direttur Ġenerali kif ukoll għal żewġ Diretturi oħra. Malli jingħalaq il-proċess tal-għażla tkun tista’ tiġi varata Ambjent Malta. Sadanittant qiegħed jinħoloq ukoll Bord ta’ Governanza biex jissorvelja l-operat ta’ Ambjent Malta kif ukoll qed jitħejjew il-business plans għal dan id-Direttorat Ġenerali ġdid.
Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proċess tal-applikazzjoni tad-Dar tal-Anzjani fl-Imqabba? Peress li saru oġġezzjonijiet kbar mir-residenti dwar is-sit propost, jista’ l-Ministru jgħid humiex qed jiġu kkunsidrati siti alternattivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett qed jitmexxa minn Projects Malta. Għaldaqstant, nitolbu jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Birżebbuġa – proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fil-Housing Estates
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hemmx maħsub proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fil-Housing Estates f’Birżebbuġa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġia bbenefika mill-iskema 2 – Manutenzjoni tal-komun fil-binjiet tal-Gvern fl-2015 b’4 blokki.
Il-blokok li bbenefikaw minn skema 2 huma;
· Blk A, Triq San Ġwann
· Blk B, Triq San Franġisk
· Blk C, Housing Estate
· Blk D, Triq San Ġwann
Fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi ffirmat ukoll il-ftehim ma’ Blokk 2, Triq tal-Ġebel, Birżebbuġa.
Ħal Kirkop – proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fil-Housing Estates
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hemmx maħsub proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fil-Housing Estates f’Ħal Kirkop?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop ibbenefika mill-iskema 2 – Manutenzjoni tal-Komun fil-Binjiet tal-Gvern b’4 blokki fl-2016 u 2 blokki fl-2017. Preżentament għadu għaddej ix-xogħol fuq l-aħħar żewġ blokki;
· Blk B, Misraħ Jeremy Boissevain, Qasam tal-Menħir, Kirkop – ix-xogħol kważi lest
· Blk E, Qasam tal-Menħir, Kirkop – ix-xogħol għadu għaddej.
Il-Blokki kollha imsemmija li bbenefikaw taħt Skema 2 huma ;
· Blk 1, Triq Danny Cremona
· Blk 3, binja Ġublew tal-Fidda 1964 – 1989
· Blk 4, Binja Karwija
· Blk B, Misraħ Jeremy Boissevain, Qasam tal-Menħir
· Blk D, Misraħ Jeremy Boissevain, Qasam tal-Menħir
· Blk E, Qasam tal-Menħir.
Żurrieq – proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fil-Housing Estates
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hemmx maħsub proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fuq binjiet tal-Housing fiż-Żurrieq?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq ibbenefika mill-Iskema 2 – Manutenzjoni tal-Komun fil-Binjiet tal-Gvern b’4 blokki fl-2015 u blokka waħda fl-2016. Preżentament għadu għaddej ix-xogħol f’Ent A, Binja Nigret, Triq il-Widnet il-Baħar, Zurrieq fejn ix-xogħol wasal fil-fażi finali. 4 blokki oħra ser ikunu qed jibbenefikaw mill-iskema tal-ERDF.
Il-blokok kollha li pparteċipaw taħt Skema 2 huma ;
· Blk B, Binja Nigret, Żurrieq
· Blk 1, Triq ir-Rettur Dun Salv Farrugia, Żurrieq
· Ent D, Binja Nigret, Triq Widnet il-Baħar, Żurrieq
· Ent C, Binja Nigret, Triq Widnet il-Baħar, Żurrieq
· Ent A, Binja Nigret, Triq Widnet il-Baħar, Żurrieq
Mill-banda l-oħra, l-blokok li ser ikunu qed jipparteċipaw taħt l-iskema ERDF huma ;
· Blk B, Triq Xandru D’Amato, Żurrieq
· Blk G, Wesgħa Franġisk Buġeja, Żurrieq
· Blk C, Triq Wied Babu, Żurrieq
· Blk E, Triq Wied Babu, Żurrieq
Imqabba – proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fil-Housing Estates
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hemmx maħsub proġett ta’ manutenzjoni u ta’ tisbiħ fuq binjiet ta’ housing fl-Imqabba?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kunsill Lokali tal-Imqabba se jibbenefika mill-iskema 2 – Manutenzjoni tal-komun fil-binjiet tal-Gvern f’żewġ blokki fejn fil-ġranet li ġejjin se jiġi ffirmat il-ftehim bejn il-Kunsill Lokali tal-Imqabba u l-Awtorità tad-Djar u dak bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Assoċċazzjoni tar-Residenti. Il-blokok illi ser ikunu qed jibbenefikaw huma;
· Blk B, Binja Ħarriġiet, Triq il-Ħarriġiet, Mqabba
· 27, Ent C, Binja Ħarriġiet, Triq il-Barrieri, Mqabba