Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara x'jista' jsir mid-deċiżjoni li kienet ħadet l-Awtorità għall-Ippjanar fil-ħruġ tal-permess ta' żvilupp fejn fost il-kundizzjonijiet tal-permess għall-ftuħ tal-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-Planning Authority kienet obbligat lil dan l-istabbiliment biex iħallas u jagħmel tajjeb li ssir roundabout f'salib it-toroq fi Triq id-Difiża Ċivili, Mosta mal-istess dħul għall-istabbiliment u dħul għal MCAST? S'issa din ir-roundabout għadha ma saritx.
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess huwa marbut, fost l-oħrajn, ma’ titjib fil-junction fuq Triq id-Difiża Ċivili bi spejjeż tal-iżviluppatur, kif ukoll li Transport Malta għandha toħroġ ċertifikazzjoni qabel ma jibda jopera l-kumpless. L-Awtorità tal-Ippjanar diġà ħadet il-passi meħtiega permezz ta’ Avviż biex Tieqaf u ta’ Twettiq peress li l-kundizzjoni msemmija ma ġietx onorata mill-applikant. L-Avviż imsemmi qed jiġi kkontestat mill-applikant quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. Sadanittant Transport Malta ħarġet ċertifikazzjoni rigward il-miżuri temporanji li ttieħdu fl-immaniġġjar tat-traffiku relatati mal-proġett.
Fl-istess waqt, il-periti ta’ Transport Malta ser jissottomettu l-applikazjonijiet meħtieġa lill-Awtorità tal-Ippjanar, bil-pjanti u r-rekwiżiti tad-disinn ġdid tal-junction imsemmija, fil-ġimgħat li ġejjin. Meta l-applikazzjoni tiġi approvata, din l-infrastruttura ġdida, li tinkludi roundabout, se ssir mill-iżviluppatur indikat.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li tittranġa l-ħsara fil-lights taż-zebra crossing li hemm fi Triq Fisher fl-Imġarr (Malta) quddiem l-iskola primarja tal-gvern?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li uffiċjali tas-Sanità jkunu jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa biex irażżnu ż-żieda fin-numru ta' ġrieden li hemm f'Triq Familja Cumbo fil-Mosta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġew irreġistrati l-ebda lmenti mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rigward il-problema ta’ infestazzjoni ta’ ġrieden fit-triq indikata. Hekk kif saret din il-mistoqsija parlamentari ntbagħtu ħaddiema mit-Taqsima tal-Pest Control fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali u għamlu trattament għal kontra l-ġrieden fiż-żona. L-istess trattament ser jiġi ripetut fi żmien ħmistax il-ġurnata.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li n-nanniet li jattendu d-Day Centre mhux qed jitħallew jieħdu n-neputijiet magħhom? Billi r-riċerka turi li t-tfal jistgħu jitgħallmu ħafna minn esperjenzi interġenerazzjonali u peress li fil-vaganzi tas-sajf għadd ta’ tfal ikunu għal xi ġranet man-nanniet tagħhom, jista’ l-Ministru jikkunsidra li dan ikun permissibbli fost l-oħrajn bil-preżenza ta’ child carer fl-istess Day Centre tal-anzjani?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-iskop taċ-ċentri huwa li l-anzjani jiġu pprovduti b’attivitajiet, li fihom ikunu qed jibbenifikaw u fl-istess ħin jikkontribwixxu fis-soċjetà. Iċ-ċentri ta’ Anzjanità Attiva, jagħtu diversi opportunitajiet lill-anzjani li jattendu ċ-ċentri, fejn saħansitra jieħdu sehem fi proġetti ma’ skejjel diversi u għaqdiet mhux governattivi. Fiċ-ċentri jsiru wkoll sezzjonijiet ta’ tagħlim, li l-anzjani jattendu għalihom bi ħġarhom. It-tfal iridu post, fejn jiġu pprovduti bl-istimulazzjoni neċessarja li hemm bżonn fl-età tagħhom u nħossu li ċ-Ċentri mhumiex l-post addatat għalihom. Il-preżenza ta’ child carer, hija idea tajba li wieħed jista’ jikkunsidra ‘l quddiem.
Tista’ l-Ministru tati rendikont dettaljat ta’ kemm ġie jiswa l-avveniment Gozo Alive li sar f’Mejju 2018 u tgħid:
• Kemm ġie jiswa l-istage tal-Pjazza tat-Tokk,
• Kemm tħallas il-kantant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u
• Kemm tħallsu l-band li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li t-tnejn daqqew fi Pjazza San Ġorġ?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għal kemm ġie jiswa l-istage tal-Pjazza tat-Tokk nirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6030.
Iż-żewġ bands li qed tirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, waħda daqqet Pjazza San Ġorġ, u l-oħra fi Pjazza t-Tokk, u bejniethom tħallsu €10,350.
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn ma ħarġitx call for tender bħalma jsir fl-avveniment tan-Notte Bianca biex jintgħażlu l-artisti ta' Gozo Alive li sar f’Mejju 2018?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każ ta’ artisti mhuwiex dejjem possibbli li tinħareġ sejħa għall-offerti minħabba li l-attivita’ ġieli tkun tirrikjedi artist partikolari skont l-istess attività. F’dan il-każ tintalab direct order approval mill-Ministeru tal-Finanzi kif filfatt sar.
Tista’ l-Ministru tgħid min kien iċ-Chairman tal-bord li għażlu l-artisti tal-Gozo Alive li sar f’Mejju 2018?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-leadership tal-Gozo Alive kienet f’idejn id-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li ħadmu bla heda biex l-avveniment kien suċċess enormi kif filfatt kien.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa l-istage fi Pjazza Indipendenza li ntuża waqt Gozo Alive ta' Mejju 2018, inkluż bit-tinda u bis-sound li sar ġo fih?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont investit għall-istage f’din l-attivita’ huwa kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-set up kien l-istess bħal ma’ kien f’okkazzjonijiet oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bdewx diskussjonijiet dwar il-possibiltà li jkun hemm speed cameras fi Triq l-Imġarr Għajnsielem, u dan in vista tad-diversi inċidenti tat-traffiku li qed iseħħu ta' spiss f'din it-triq?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-Lesa.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5222, hemm diplomatiċi li huma kkwalifikati bi professjoni u hemm ħaddiema li huma parti miċ-ċivil jew persuni appuntati politikament li jissejħu diplomatiċi, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk il-persuni li bħalissa jokkupaw kariga ta’ diplomatiku imma fil-fatt ma jagħmlux (jew m’humiex) parti mid-Diplomatic Corps ta’ Malta? Kemm hawn membri tal-Korp Diplomatiku li ilhom snin jaħdmu hawn Malta mingħajr ma’ jistgħu jaħdmu bħala diplomatiċi kif inhu suppost il-grad tagħhom, jiġifieri li jirrapreżentaw lil pajjiżhom fuq posting f’missjonijiet ta’ Malta barra minn xtutna?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li persuna li għandha status ta’ diplomatiku ma tagħtix is-servizz tagħha biss barra minn Malta imma anke fil-Head Office f’Malta stess. Persuni li huma membri tas-servizz pubbliku ġieli jservu ukoll f’Missjonijiet barra minn Malta kif dejjem sar u skont il-ħtiġijiet tal-Ministeru.
Rigward in-numru ta' persuni li jinsabu jservu f'Missjonijiet ta' Malta barra mill-pajjiżi f’ħatriet differenti, u li skont il-Classification Agreement ma jagħmlux parti mid-Diplomatic Corps huwa ta' tletin (30); filwaqt li n-numru ta' persuni li jokkupaw kariga fid-Diplomatic Corps ta' Malta u li qatt ma servew fil-Missjonijiet ta' Malta barra minn xtutna huwa ta' erbatax (14). Uħud minn dawn tal-aħħar għadhom ġodda u allura huwa meħtieġ li jgħaddi ftit taż-żmien ieħor qabel ikunu jistgħu jiġu kunsidrati biex iservu f’xi waħda mill-Missjonijiet ta’ Malta.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jsir l-MRI (bil-loppju) lill-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-aktar fis, minħabba l-istat ħażin li tinsab fih?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed ikun segwit.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament liema każ huwa urġenti imma l-appuntament huwa għas-7 ta’ Diċembru 2018 f'Mater Dei? Possibbli l-Ministru jara li dan l-appuntament isir qabel minħabba l-urġenza tiegħu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed ikun segwit.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5933 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5839, jista’ l-Ministru jindika dawk il-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex li kellhom taħditiet regolari f’din il-Leġiżlatura dwar suġġetti relatati ma’ għarfien/stigma dwar is-saħħa mentali u meta saru dawn it-taħditiet u minn min saru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5408, u fid-dawl li l-Kunsill Lokali tal-Fgura għamel talba lil-Land Survey Unit tal-Awtorità tal-Ippjanar biex isiru l-livelli mill-ġdid fi triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jiġu mmarkati dawn il-livelli?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-livelli tal-imsemmija triq diġà saru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk bejn l-2004 u l-2012 il-Prim Ministru qattx kien akkumpanjat mis-sinjura tiegħu waqt safar uffiċjali? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta sar dan is-safar, fejn sar, kemm kienet l-ispiża u x’kien l-għan ta’ kull safra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kien hemm 13 - il okkazjoni bejn l-2004 u l-2012 meta l-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-mara tieghu fuq safar ufficjali.
L-ispiża tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq dawn it-13 - il okkazjoni kienet ta’ €297,603.
Il-pajjiżi li l-Prim Ministru żar akkumpanjat mill-mara tiegħu bejn l-2004 u l-2012 jinkludu r-Renju Unit, l-Belgju, l-Fillandja, l-Awstrija, l-Italja, l-Germanja, l-Lussimburgu, l-Awstralja, l-Uganda, Franza u Trinidad & Tobago.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji kollha mitluba dwar kull safra tal-Prim Ministru bejn l-2004 u l-2013, meta kien akkumpanjat mill-mara tiegħu.
(Korrezzjoni: Ara dokument PL 1821 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 126, nhar it-Tlieta, 5 ta' Ġunju 2018)
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5502 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus b’kollox lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bejn l-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5501 u ċjoè: F’April 2017, il-Gvern ġie rrapportat li ħallas miljun ewro lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bil-ġustifikazzjoni li l-Awtorità tat-Turiżmu se tagħmel reklami fuq il-magazine tal-kumpanija u peress li issa li għaddiet iktar minn sena, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-reklami? Kemm hu kkalkolat li laħqet nies din il-pubbliċità?
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Uffiċjali tas-Sigurtà impjegati mal-Gvern u li qegħdin ma’ Cleansing Malta, b’ordni tad-Direttur Ġenerali qed jgħidulhom li se jintbagħtu jiġbru ż-żibel il-Belt u minflokhom se jiġu ngaġġati Uffiċjali tas-Sigurtà mill-privat? Jista’ jgħid jekk dan id-Direttur Ġenerali għandux dritt li jgħid li se jibgħat impjegati bi grad ta’ Uffiċjal tas-Sigurtà jiġbru ż-żibel biex xogħolhom jittieħed mill-privat? Il-Ministru ġie infurmat b’dan u kien ta l-approvazzjoni tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minħabba diversi raġunijiet, inħass il-bżonn li għal iktar sigurta’ organizzata, għandu jkun hemm sigurta’ professjonali fuq bażi ta’ 24 siegħa fil-binja amminstrattiva tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, peress li qed isiru investimenti kbar fejn jirrigwarda makkinarju.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux minnu li ngħatat xi ordni mid-Direttur Ġenerali rigward dawn l-uffiċjali tas-sigurta’ sabiex imorru jiġbru l-iskart matul il-lejl fil-Belt Valletta. Dawn se jibqgħu jaħdmu ta’ uffiċjali ta’ sigurta’ f’binjiet oħra tad-Diviżjoni fosthom Pembroke u Mellieħa. Biss dawn ingħatatilhom l-għażla fuq bażi individwali biex jekk jixtiequ jkunu jistgħu parti mit-tim li jiġbor l-iskart matul il-lejl. Dan dejjem fuq għażla individwali.