Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5755 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm se jiġu mibnija units tal-housing f’Għawdex fl-erba’ snin li ġejjin min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex u f’liema lokalità ġewwa Għawdex se jinbnew dawn il-units? Tista’ tgħid bħalissa f'Għawdex fejn hemm xogħol għaddej fuq bini ta' units ġodda ta' housing soċjali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ħejja pjanijiet għal bini ta’ blokk flats f’Taċ-Ċawla, Ir-Rabat, Għawdex u ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-Awtorita’ tal-Ippjanar. In-numru ta’ tracking tal-Awtorità tal-Ippjanar huwa 206136.
Ir-Rabat u Santa Luċija Kerċem Għawdex – Triq il-Qasam San Ġorġ – kisi ta’ tarmak
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3006 peress li għad ma sar ebda xogħol biex isir network ta’ distribuzzjoni tal-ilma tat-tieni klassi magħruf bħala New Water fit-triq imsemmija, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li tingħata t-tieni kisja ta' tarmac (il-wiċċ) fi Triq Qasam San Ġorġ bejn ir-Rabat u Santa Luċija Kerċem Għawdex, liema xogħol sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u dan skont risposta mogħtija mill-Ministru għal Għawdex, u dan peress li din it-triq ilha għal diversi xhur b’kisja waħda u hemm ammont ta’ tappieri perikolużi li huma ‘l fuq mil-livell tat-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għad għandha ppjanat li jsir network ta’ distribuzzjoni tal-ilma tat-tieni klassi magħruf bħala New Water fit-triq imsemmija. Il-Korporazzjoni għadha kif issottomettiet l-applikazzjoni għal fondi mill-Unjoni Ewropea u għandha l-preparazzjoni tat-tender fi stadju avvanzat ħalli hekk kif jiġu disponibbli l-fondi neċessarji tkun tista’ timxi minnufih. Biex itaffi din is-sitwazzjoni, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed taħdem biex tmewwet kemm jista’ jkun l-inkonvenjent madwar it-tappieri.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’korsijiet hemm ippjanati li jsiru mill-Institute of Public Service (IPS) ġewwa Għawdex minn issa sal-aħħar tas-sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li l-korsijiet li hemm ippjanati li jsiru mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi f’Għawdex mid-data ta’ din it-tweġiba sal-aħħar tas-sena huma dawk kif muri fil-lista annessa. Il-korsijiet jiġu organizzati skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku u l-prospectus tal-istess Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.
· Public Service Values
· Effective Briefing & Corresponding
· Effective writing
· Managing Performance to deliver a Service of Excellence
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal inizjattivi ta’ afforestazzjoni fil-lokalità tal-Qrendi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm f’dan l-istadju l-Gvern m’għandux siti identifikati speċifikament għall-afforestazzjoni fil-lokalità msemmija, riċentament sar xogħol ta’ tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ u tindif ta’ żona ġewwa l-Qrendi, bħala assistenza lill-Kunsill Lokali, fejn fiha tħawlu madwar 120 siġra indiġena bħala parti minn pjan ta’ afforestazzjoni li jsir mid-Direttorat tal-PARKS u Inizjattivi.
Reġistru Pubbliku ta’ Malta – żwiġijiet minn koppji barranin
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati żwiġijiet fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta bejn l- 2008 u l-2017 fejn iż-żewġ partijiet mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab hawn anness:
Sena
2008
2009
2010
2011
2012
2013
2014
2015
2016
2017
Total
651
549
573
622
682
713
890
835
986
961
Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex – żwiġijiet minn koppji barranin
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati żwiġijiet fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex bejn is-sena 2008 u l-2017 fejn iż-żewġ partijiet mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab hawn anness:
Sena
2008
2009
2010
2011
2012
2013
2014
2015
2016
2017
Total
38
39
46
28
50
32
41
47
47
53
Tqassim ta’ kuruni mbierka mill-Papa Franġisku lill-anzjani – sejħa għal offerti
Question
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5848, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa għall-offerti għall-akkwist ta' 3,100 kuruna mbierka mill-Papa Franġisku? Jista' jgħid kemm offerti ġew preżentati u minn min? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-offerti u tar-rapport dwar l-aġġudikazzjoni tal-istess sejħa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, minħabba l-karatteristikà u l-partikolarità tal-prodott, ma ħarġet l-ebda sejħa għall-offerti.
Port il-Kbir – dħul ta’ bastimenti Amerikani u Russi
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm daħlu bastimenti Amerikani u bastimenti Russi fil-Port il-Kbir?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn 2013 u d-29 ta’ Mejju 2018 f’ Malta daħlu bastimenti Navali Amerikani u Russi fil-Port il-Kbir kif indikat f din it tabella hawn taħt:
Sena
Stati Uniti
2018
2
2017
2
2016
4
2015
0
2014
1
2013
3
Sena
Russja
Jan sa 29 ta Mejju 2018
0
2017
1
2016
8
2015
4
2014
5
2013
17
Xogħlijiet ta’ twaqqigħ/skavar f’siti f’żoni turistiċi – eżenzjoni mir-Regolament tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu eżenzjonijiet mir-Regolamenti tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni (Avviż Legali 295 tal-2007) sabiex ikunu jistgħu jitkomplew xogħlijiet ta' twaqqigħ u/jew skavar f'siti li jinsabu f'żoni turistiċi fil-perjodu bejn il-15 ta' Ġunju 2018 u t-30 ta' Settembru 2018? Jista' jgħid kemm ingħataw eżenzjonijiet, kemm-il talba ġiet miċħuda u kemm għadhom jinsabu pendenti? Jista' jagħti lista tas-siti u tal-lokalitajiet li għalihom intalbu l-imsemmija eżenzjonijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ntalbu żewg ezenzjonijiet li għadhom qegħdin jiġu evalwati, waħda fi Triq ix-Xatt f’tas-Sliema u l-oħra fi Triq San Ġorg f’San Ġiljan.
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2011 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm irċieva ilmenti l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini (Building Regulation Office)? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti u x'azzjoni ttieħdet dwarhom mill-Uffiċċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilmenti kienu jvarjaw minn titjir ta’ trab, nuqqas ta’ protezzjoni ta’ netting, ħsejjes eċċessivi u xogħol barra l-ħin permess. Kull ilment ġie trattat separatament u l-azzjoni li ttieħdet kienet skond il-mertu tiegħu. Infurmat li għas-snin 2011 – 2012 dan it-tagħrif ma kienx inżamm. Fl-2013 kien ikun hemm medja ta’ tlett rapporti kuljum. Fl-2014 dawn telgħu għall-medja ta’ ħamsa kuljum, fl-2015 dawn żdiedu għall-medja ta’ sebgħa kuljum, fl-2016 dawn telgħu għall-medja ta’ tmienja kuljum, fl-2017 telgħu għall-medja ta’ disgħa kuljum u baqgħu fl-istess livell fl-2018.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — żjarat barra minn Malta
Question
B’referenza għaż-żjarat li l-Ministru għamel barra minn Malta skont l-iskeda li d-dettalji dwarha qed tingħata separatament, jista’ l-Ministru jgħid:
a. x’kienet ir-raġuni taż-żjara li huwa għamel;
b. ma’ min iltaqa’ waqt din iż-żjara;
c. jekk il-Ministru kienx akkumpanjat minn uffiċjali tal-Gvern u/jew tal-Ministeru tiegħu u/jew entitajiet tal-Gvern għal din iż-żjara; u
d. min ħallas għaż-żjara?
Jista’ jippreżenta l-irċevuti tal-ispejjeż tal-lukanda li qagħad fiha f’kull każ?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħi fuq impenji ministerjali, kif indikati fit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari 5248, tħallsu kollha mill-Ministeru, skont l-istess proċeduri li jintużaw f’dan ir-rigward.
Nixtieq ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li dawn iż-żjarat servew għal laqgħat skedati bilaterali u/jew ma’ intraprendituri barranin li juru interess li jinvestu f’pajjiżna u allura biex jinġieb aktar investiment lejn xtutna.
L-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li t-tkabbir bla preċedent fl-ekonomija nazzjonali u fl-għadd ta’ investimenti barranin ma jseħħux b’kumbinazzjoni jew b’xi simpatiji partikolari u din il-ħidma kienet tirrikjedi numru ta’ żjarat barra minn xtutna għal raġunijiet varji.
Għax fuq kollox kien u jibqa’ d-dmir tiegħi, fost oħrajn, li nattira aktar investimenti lejn pajjiżna, bid-differenza tal-istess Onor. Interpellant li ż-żjarat tiegħu barra minn Malta jużahom partikolarment biex jagħmel ħsara lil pajjiżna.
Fl-aħħar irrid inżid li għal għadd ta’ drabi, matul amministrazzjonijiet preċedenti tal-Partit Nazzjonalista, din il-Kamra mhux biss kienet imċaħħda minn tagħrif ta’ tali laqgħat simili, iżda lanqas kienu jingħataw l-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ Ministri u Prim Ministri.
San Maison Elderly Home – trasferiment ta’ pazjenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid hux minnu li d-Dar tal-Anzjoni ta’ Sa Maison Home se tagħlaq? Jekk fl-affermattiv, billi hemm numru ta’ pazjenti mill-Isptar Monte Carmeli traferit f’din il-home, jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid fejn se jmorru jekk tagħlaq din il-home ? Kemm hemm pazjenti trasferiti mill-Isptar Monte Carmeli għal San Miason? Jekk dawn il-pazjenti jiġu trasferiti f’post ieħor min se jħallas u kemm se jitħallas għal kull pazjent?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dar tal-Anzjani ta’ Sa Maison ser tingħalaq minħabba xi xogħol ta’ rinovar f’din l-istess dar, filwaqt li ser ikunu qed jinfetħu żewġt idjar oħra li permezz tagħhom ser jospitaw 40 pazjent li kienu ġew trasferiti mill-isptar Monte Carmeli fis-sena 2003 taħt l-iskema Extended Care System. Trattativi mad-diriġenti ta’ Sa Maison għadhom għaddejin.
Hemm ukoll 18 pazjenti oħra li ġew trasferiti f’
Sa Maison
matul Novembru tal-2017 peress li kien qed isiru xi xogħlijiet strutturali fl-isptar Monte Carmeli. Dawn il-pazjenti ser jiġu trasferiti f’dar oħra tal-anzjani liema negozjati għadhom ukoll għaddejjin.
Jista’ l-Prim Ministru jiċċara jekk persuni li kienu f’Korp tal-Emerġenza jew impjegati mal-kumpaniji parastatali fejn kienu jaħdmu bħala suldati u ħafna minnhom bħala tradesmen u li kienu impjegati bejn is-snin 1972 u l-1997 hux se jieħdu flus dovut lilhom kif qed jieħdu ħaddiema oħrajn? Billi dawn wettqu xogħol importanti u taw servizz utli lil pajjiż, jaħsibx li dawn ukoll għandhom jibbenefikaw minn flus (somma) li l-Gvern qed jagħti l-ħaddiema oħra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
Proġett ta’ tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija – laqgħat ta’ konsulenza ma’ stakeholders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa ta’ konsultazzjoni żamm ma’ stakeholders u ma’ konsulenti qabel ma’ vara l-proġett ta’ tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija parallela mat-tagħlim tal-Malti bħala l-lingwa nazzjonali? Jekk inżammet konsultazzjoni, jista’ jgħid ma’ min iltaqa’ kemm bħala stakeholders kif ukoll bħala konsulenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm tal-Malti bħala lingwa barranija tfassal waqt il-proċess tal-formulazzjoni tal-Learning Outcomes Framework. Dan il-proċess kien jinkludi proċess twil ta’ konsultazzjoni onlajn permezz tas-sit elettroniku http://www.schoolslearningoutcomes.edu.mt. Permezz ta’ dan is-sit, kulħadd kellu l-opportunità jagħti l-feedback tiegħu dwar il-programm.
Saret ukoll konsultazzjoni wiesgħa u estensiva dwar dan il-qasam fit-tfassil tal-Profil ta’ Politika Lingwisitka għall-Edukazzjoni li saret bl-għajnuna u l-kontribut tal-Kunsill tal-Ewropa: https://www.coe.int/t/dg4/linguistic/Source/Profile-Malta_final2015_EN.pdf
Qasam tal-Lingwa tal-Malti – laqgħat ma’ stakeholders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jiltaqa’ ma’ stakeholders fil-qasam tal-Lingwa tal-Malti u jżomm diskussjonijiet magħhom dwar it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija parallela mat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa nazzjonali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Iva, dawn diġà bdew isiru u hemm il-ħsieb li jsiru iktar laqgħat ta’ dan it-tip.