Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini – reġistru tad-deċiżjonijiet tal-Bord li Jirregola l-Bini fuq il-website
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitpoġġa fuq il-website tal-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini (Building Regulation Office) ir-reġistru tad-deċiżjonijiet tal-Bord li Jirregola l-Bini skont dak li jipprovdi l-artikolu 3 (9) (b) tal-Att dwar ir-Regolament tal-Bini (Kap. 513 tal-Liġijiet ta' Malta)?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-decizjonijiet tal BRB ser jitpoġġew fil-futur qarib fuq website tal-BRB (il-Bord dwar ir-Regolament tal-Bini) peress li din il-website qed tiġi preżentament ifformata. Il-BRB kien informa lill BRO b’dawn id-deċizjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett għat-tkabbir tal-librerija pubblika f’Birżebbuġa huwiex qed jiġi kkunsidrat u hemmx pjanijiet biex dan jitwettaq?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-entità Malta Libraries bħalissa qegħdha f’taħdidiet mal-awtoritajiet ikkonċernati dwar il-possibiltà ta' tkabbir tal-librerija pubblika f’Birżebbuġa.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett kontra l-għargħar fl-Imqabba? X’passi ttieħdu s’issa? Dan jinkludi wkoll ix-xogħlijiet meħtieġa għaż-żona tal-ġibjun fl-Imqabba?
Response (BORG, IAN)
Il-proġett kontra l-għargħar fl-Imqabba jikkonsisti f’sistema li tiġbor l-ilma tax-xita minn Triq Karmenu Ciantar u Triq Xandru Farrugia u twasslu f’ġibjun li ser jinbena f’sit fi Triq Ġanni Darmanin. Barra minhekk, l-overflow tal-ġibjun eżistenti fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija ser ukoll jkun imqabbad mal-ġibjun il-ġdid.
Ninsab informat li s-sejħa għall-offerti biex jinbnew il-gradilji (catchment pits) u jitqiegħdu l-katusi fit-toroq imsemmija ġiet ippreparata u qiegħda d-Dipartiment tal-Kuntratti biex tiġi ppubblikata. Qiegħda ssir ukoll l-investigazzjoni tal-blat fis-sit fejn ser jinbena l-ġibjun biex ikun jista’ jiġi ppreparat id-disinn strutturali tiegħu.
Tagħlim tal-Lingwa Maltija bħala lingwa barranija – studenti barranin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif se jsir it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija meta n-numru ta’ studenti barranin fi skola jkun wieħed żgħir u jgħid x’riżorsi umani bħala għalliema huwa għandu lest, sabiex isir dan it-tagħlim?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-implimentazzjoni qed issir skont ir-realtà ta’ kull skola u l-Ministeru għandu fiduċja sħiħa fl-għalliema tal-Malti kif ukoll għalliema gradwati ġodda li jkunu kapaċi jkomplu jgħallmu dan il-programm b’mod effettiv.
Tagħlim tal-Lingwa Maltija bħala lingwa barranija – Suġġetti oħra bil-Malti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk suġġetti mgħallma bil-Malti, bħal Studji Soċjali, Ġeografija u Storja, humiex se jibqgħu jiġu mgħallma bil-Malti fil-klassijiet li jinkludu studenti li qegħdin isegwu t-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija u jekk l-assessjar ta’ dawn is-suġġetti huwiex se jkun kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li din is-sitwazzjoni diġà qed toħloq numru ta’ sfidi fi klassijiet fejn hemm numru ta’ studenti li ma jafux il-Malti. Il-programm tal-Malti bħala lingwa barranija jista’ ikun parti minn soluzzjoni għal dawn is-sitwazzjonijiet.
Tagħlim tal-Lingwa Maltija bħala lingwa barranija – kriterji
Question
Jista’ l-Ministru jelenka fuq liema kriterji se tittieħed deċiżjoni sabiex student jitgħallem il-Malti bħala lingwa barranija u jgħid min se jieħu dik id-deċiżjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5970.
Freeport – regolamenti għal vapuri – użu ta’ enerġija elettrika shore to ship
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiddaħħlu regolamenti biex vapuri li jidħlu fil-Freeport jibdew jużaw enerġija elettrika shore to ship biex b’hekk jintfew il-generators tal-vapuri bir-riżultat li jonqos il-livell tal-ħoss li l-vapuri jiġġeneraw waqt li jkunu fil-port?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà sar studju, bil-fondi ERDF, għall-portijiet Maltin li jismu “Feasibility Study into the possibility of shore electrical supply for berthing vessels within Maltese Harbours”
Dan l-istudju huwa marbut mal-pjan tal-implimentazzjoni abbażi tad-Direttiva 2014/94/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi.
L-Artiklu 4 ta’ din id-Direttiva jgħid:L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħtieġa għall-provvista tal-elettriku max-xatt għall-bastimenti f’passaġġi tal-ilma interni jew vapuri tat-tbaħħir f’portijiet marittimi u interni tkun ivvalutata fl-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom. Tali provvista tal-elettriku max-xatt għandha tiġi installata bħala prijorità fil-portijiet tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T, u f’portijiet oħra, sal-31 ta’ Diċembru 2025, dment li ma jkun hemm l-ebda domanda u l-ispejjeż ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali.
F’dan ir rigward, inbdew diskussjonijiet mal-partijiet interessati, fosthom l-Enemalta u l-Freeport, sabiex jiġu deċiżi l-viabilità u l-passi li jmiss. F’dan l-istadju, però, għad m’hemmx informazzjoni konklussiva.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu affettwati l-irziezet eżistenti bil-bypass ta' Ħ'Attard u jekk iva x'se jiġri mill-għejxien tas-sidien tal-imsemmija rziezet li jaqilgħu l-għejxien tagħhom minn dan ix-xogħol? Jista’ jgħid x'se jiġri mil-ġibjuni eżistenti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onor. Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji.
Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti.
Dan ifisser li f’dawn l-inħawi, ser tintuża inqas art minn kemm fil-fatt kien se jkun hemm bżonn skont il-pjan tal-2006. Transport Malta għaddejja b’diskussjonijiet mas-sidien ta’ artijiet li jistgħu jiġu affettwati b’dan il-proġett, u ma’ persuni oħra li jagħmlu użu mill-istess artijiet, sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jkunu xierqa għalihom, mingħajr ma jkun imxekkel l-iżvilupp infrastrutturali meħtieġ f’din iż-żona, żvilupp li se jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, u arja aktar nadifa, għar-residenti u għal aktar min 30,000 persuna li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi ta’ kuljum.
Jista’ l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-parkeġġ tal-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jinsab fi Triq Ferdinand Inglott b’relazzjoni mal-bypass ta' Ħ'Attard?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellent jirreferi għat-twegiba mogħtija ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 5992 tal-istess Seduta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il roundabout se jkun hemm fil-bypass ta' Ħ'Attard? Fejn se jsiru? Jista’ jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta’ kif hu maħsub li jsiru dawn ir-roundabouts?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji.
Il-pjanti tal-proġett diġà ġew impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5986.
Jista’ l-Ministru jgħid xi prijorità qed tingħata lit-trasport pubbliku sabiex tiġi riżolta l-problema tat-traffiku fiż-żona ta' Ħ'Attard?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz ta’ Central Link Project, l-investiment infrastrutturali ta’ €55 miljun sabiex intaffu d-diffikultajiet ta’ vjaġġar u tniġġis ta’ arja fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, il-ħin tal-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi ser jonqos b’50%.
Dan ifisser li f’dawn it-toroq ser naraw ukoll tnaqqis ta’ 50% fil-ħin tal-ivvjaġġar bit-trasport pubbliku, li wkoll ser ikun qed igawdi minn dan il-proġett. Is-servizz ta’ trasport pubbliku f’dawn l-inħawi ser ikun jista’ jsir aktar effiċjenti, hekk kif ser isib inqas diffikultajiet fir-rotot li juża.
Central Link Project ser inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar billi jelimina diversi bottlenecks, sistemi ta’ traffic lights u toroq arterjali dojoq li bħalissa qed ixekklu kull mezz ta’ trasport li jgħaddi minn dawn l-inħawi. Il-proġett ser iżid 7.4 kilometri ta’ korsiji ġodda fir-rotta bejn l-Imrieħel u r-roundabout tal-bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja, sabiex ikompli jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar.
Fl-istess waqt, matul din ir-rotta, Central Link Project ser jintroduċi diversi bus baysbi spazji adekwati sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jirkbu u jinżlu mill-karozzi tal-linja b’aktar kumdità u sigurtà.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex qed tiġi kkunsidrata li fiż-żona tal-Gold Market, fi Triq iż-Żagħfran, ġewwa Ħ'Attard ma jkunx hemm ipparkeġġar ta' vetturi fil-ħin li jinġemgħa t-traffiku? Jista’ jgħid x’miżuri qed jieħu bħalissa l-Gvern biex minn issa jitnaqqas it-traffiku? Jista’ jgħid jekk hux qed jintbagħtu pulizija tat-traffic, ħaddiema/uffiċjali ta’ Transport Malta jew wardens biex imexxu t-traffiku f’Ħ’Attard speċjalment ħdejn l-Attard Farm Supplies, fi Triq l-Imdina u fi triq li minn Ħ’Attard tmur lejn Ħaż-Żebbuġ, fi Triq Nutar Zarb u fi Triq l-Linja kantuniera ma’ Triq il-Linja? Jista’ jgħid meta u x’ħin f’dan l-aħħar xahar kien qed ikun hemm uffiċjali ta' Transport Malta/Pulizija, fil-ħin li jinġemgħa t-traffiku speċjalment filgħodu fiż-żoni msemmija f’Ħ'Attard sabiex jiġu osservati t-traffic lights u jieħdu ħsieb il-flow tat-traffiku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ħ’Attard – garaxxijiet f’Triq Tumas Chetcuti, Ferdinand Inglott u Oliver Agius
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju sabiex wieħed ikun ċert li l-ħruġ mill-garaxxijiet tar-residenti li joqogħdu f’Triq Tumas Chetcuti, Triq Ferdinand Inglott u Triq Oliver Agius ikun wieħed sigur, ġaladarba tkun lesta l-bypass ta' Ħ'Attard?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji.
Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’¿ewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti.
Kieku l-Gvern ¿amm mal-pjanijiet tal-amministrazzjoni preċedenti tal-2006 u bena Bypass ta’ sitt korsiji, kieku kien ser ikun hemm ħafna aktar teħid ta’ art u vetturi fl-inħawi tat-toroq residenzjali msemmija – Triq Ferdinand Inglott, Triq Tumas Chetcui u Triq Oliver Agius.
Permezz ta’ Central Link Project, it-toroq residenzjali imsemmija ser jinbnew mill-ġdid. F’ħafna bnadi, fejn huwa teknikament possibbli, it-triq ewlenija ġdida, b’żewġ korsiji biss minflok erbgħa jew sitta kif ippjanat fl-2006, ser tkun aktar baxxa mit-toroq residenzjali, b’mod li ma tkunx tidher mill-istess toroq residenzjali. Fl-istess waqt, bejn it-triq arterjali u t-toroq residenzjali ser ikun hemm żoni ta’ siġar u pjanti, landscaped area, li jkomplu jbiegħdu ż-żona residenzjali miż-żewġ korsiji tat-triq arterjali. It-triq residenzjali ser ikollha wkoll spazji ta’ parkeġġ għar-residenti.
Il-garaxxijiet imsemmija jinsabu f’toroq residenzjali. Dawn it-toroq ser jinbnew mill-ġdid, sabiex ikunu ta’ kwalità aħjar għar-residenti li jgħixu fihom. Madankollu, xorta waħda ser jibqgħu toroq residenzjali, anke wara li jitlesta Central Link Project. Il-garaxxijiet mhux ser ikunu qed jagħtu għal xi waħda mill-korsiji ta’ toroq arterjali li ser jiġu żviluppati b’dan il-proġett.
Permezz ta’ Central Link Project, ir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara ser igawdu minn tnaqqis ta’ 13% fit-tniġġis tal-arja mill-karozzi.
Il-Mellieħa – Triq il-Kbira u Triq in-Nasses — pjanti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti li tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-bini tal-lukanda u appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa bejn Triq il-Kbira u Triq in-Nasses? Fl-istess waqt jindika jekk kienx hemm xi forma ta' oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija Parlamentari ma tistax titwieġeb mingħajr ma’ tipprovdi n-numru tat-tracking jew n-numru tal-PA.
Membri tal-korp diplomatiku li ma jistgħux igawdu minn work life balance
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn membri tal-korp diplomatiku li qegħdin jaħdmu hawn Malta u jagħmlu l-istess xogħol bħall-membri taċ-ċivil, ma’ jistgħux igawdu l-istess miżuri ta’ work-life-balance bħal telework mentri sħabhom taċ-ċivil jistgħu? X’inhi r-raġuni għalfejn qed titħalla din id-diskrepanza?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, l-eliġibilità għal telework kif indikata fil-Manual on Work Life Balance Measures tħares lejn il-prestazzjoni tax-xogħol, karatteristiċi u ħiliet tal-impjegat kif ukoll jekk ix-xogħol huwiex addatat għal telework.
Sabiex impjegat ikun jista’ jaqdi dmirijiet permezz ta’ telework b’suċċess, huwa mistenni li l-impjegat ikollu dawn il-karatteristiċi u ħiliet kollha:
· Kapaċità li jaħdem b'mod indipendenti u mingħajr superviżjoni kostanti;
· Kompetenza fil-ħiliet tat-tqassim tal-ħin;
· Kapaċità li jaħdem fuq inizjattiva proprja;
· Għarfien tal-informatika
(ICT)
; u
· Ir-rekord tal-prestazzjoni passata biex jintlaħqu
deadlines
, miri u r-riżultati.
B’konformità mal-Public Service Mangement Code, sezzjoni 4.3, fl-2015, il-Ministeru addotta politika interna fuq Family Friendly Measures li fiha indikat it-tip ta’ xogħol li jista’ jiġi addottat għal telework. F’ċertu każijiet, bħal fejn hemm bżonn ta’ aċċess għal dokumentazzjoni klassifikata u / jew kunfidenzjali ma huwiex permessibli li x-xogħol isir barra mill-uffiċju.
Biex tiġi aċċetta applikazzjoni, huwa essenzjali li x-xogħol assenjat jista’ jsir b’supervizzjoni limitata u ta’ l-istess kwalita’ daqs li kieku ix-xogħol sar fl-uffiċju. Kull talba tiġi evalwata fuq bażi individuali skont il-kriterji addottati.
Inżid ngħid illi l-politika imħaddma mill-Ministeru ssemmi li hemm family friendly measures oħra li persuna tista’ tapplika għalihom – bħal flexi time u reduced hours.
Summit World’s First Global Ministerial Mental Health
Question
B’referenza għall-ewwel summit li jġib l-isem World’s First Global Ministerial Mental Health Summit f’Londra li ser isir f’Ottubru li ġej, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hu ġiex mistieden? Jista’ jgħid jekk hux ippjanat li ser jattendi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għadni ma rċivejt l-ebda stedina dwar is-summit imsemmi minnu.
Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni – każijiet ta’ secondary infertility
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il każ ta’ secondary infertility kienu eleġibbli mill-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni għal trattament b’xejn mill-2013 sal-lum?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn statistika miġbura mill-Awtorita’ tal-Protezzjoni tal-Embrijuni sa Diċembru tal-2017, skont l-eligibility criteria maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa (mhux l-Awtorita’) kienu eliġibbli 43 koppji li rrappurtaw li kellhom Infertilita Sekondarja minħabba li diġa kellhom wild minn relazzjonijiet preċedenti. Bil-liġi(tal-2012) u l-protokol eżistenti, koppji li diġa għandhom wild mill-istess relazzjoni mhumiex intitolati għal proċeduri ta’ prokreazzjoni assistita b’xejn.
Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment — skumdità lir-residenti
Question
Ta’ kull sena l-post ta’ divertiment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qiegħed fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ joħloq skumdità b’mużika li tindaqq fl-apert b’volum għoli u storbjuż li jinstema’ mir-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ u tal-madwar. Jidher li minkejja li jsiru diversi rapporti lill-pulizija, din tonqos li taġixxi. Peress li l-post hu fil-konfini ta’ Ħaż-Żebbuġ, iżda rapport irid isir f’distrett ieħor, jiġifieri fl-għassa tar-Rabat, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu biex dan l-ilment jissolva darba għal dejjem? X’passi ħadet il-pulizija fil-passat? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-operat ta’ din id-diskoteka?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li jirriżulta li l-istabbiliment imsemmi mill-Onor. Interpellant għandu permess maħruġ mill-Ministeru tat-Turiżmu fl-2006 sabiex tindaqq il-mużika fil-miftuħ b’kundizzjoni li dan isir sal-erbgħa ta’ filgħodu. Infurmat li l-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat jagħmlu spezzjonjiet u verifiki kull meta jkollhom rapport u anke spezzjonijiet għal għarrieda biex jaraw anke li l-post jingħalaq mal-ħin li għandu bħala kundizzjoni fil-permess. Dawn l-ispezzjonijiet ser jibqgħu jsiru. Konsegwenza ta’ dawn l-ispezzjonijiet, infurmat li kienu ħarġu akkużi kontra d-diriġenti tal-lokal fil-passat u għad hemm ukoll akkużi pendenti quddiem il-Qorti dwar daqq ta’ mużika bil-qawwi minn dan l-istess stabbiliment. Akkużi oħra jibqgħu jinħarġu meta jkun hemm ksur tal-Liġi.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4609 u 5405 u ċjoè: Peress li ġie mħabbar li l-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jiġi investigat minn awtoritajiet fil-Lussumburgu minħabba ħasil ta’ flus, jista’ l-Ministru jgħid xi due diligence sar meta ġie aċċettat dan il-bank meta kien magħruf li ċertu pajjiżi Ewropej kienu qed jinvestigaw wieħed mis-sidien tal-bank? Jista’ jgħid meta l-aħħar saret spezzjoni fuq dan il-bank mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u kemm-il darba saret spezzjoni għal kull sena, waħda wara l-oħra, mis-sena 2014?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-bank in kwistjoni ġie liċenzjat wara li sar il-proċess kollu meħtieġ u skond il-proċeduri tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA). Dan il-proċess jinkludi due diligence assessment tal-persuni kollha li jkunu ser imexxu jew ikunu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw jew jikkontrollaw id-direzzjoni tal-entità u jinkludu s-sidien tal-entità. Bħala parti minn dan id-due diligence isiru wkoll kuntatti ma’ awtoritajiet regolatorji barranin fejn u jekk il-persuni msemmija jkunu involuti f’attivitajiet regolati minn dawn l-awtoritajiet. Ninsab infurmat li wara li sar proċess metikoluz kif mehtieġ, inkluz id-due diligence assessment minn fejn ma rrizultatx informazjoni negativa li setgħet twaqqaf licenzja, l-MFSA illiċenżjat il-bank in kwistjoni wara li assigurat ruha li l-kriterji kollha mehtiega skond il-ligi kienu soddisfatti.
Bhal kull bank iehor, il-bank in kwistjoni huwa soġġett għas-sorveljanza kontinwa tal-MFSA. Din tieħu l-forma kemm ta’
off-site assessments
ta’ informazzjoni u rapporti mogħtija mill-bank lill-Awtorità fuq bażi regolari, kif ukoll ezamijiet
on-site
fejn spetturi mill-Awtorita’ iżuru l-bank. L-Awtorità ma tistax tagħti informazzjoni specifika dwar is-sorveljanza tagħha ta’ xi bank jew entita ohra minħabba ragunijiet ta’ kunfidenzjalità.