Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mellieħa – Bajja tal-Għadira – skular tad-drenaġġ

Question

Peress li d-drenaġġ qed jiskula fil-bajja tal-Għadira l-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet? Is-Supratendenza tas-Saħħa Pubblika hi notifikata? X’passi ttieħdu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma sabet l-ebda evidenza ta’ xi drenaġġ li kien qiegħed jiskula fil-bajja tal-Għadira.
Leg 13 PQ #6183 Sitting 129 2018-06-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji – appelli pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji? Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-appelli pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji u jgħid għal kull wieħed minnhom f'liema stadju wasal is-smigħ tal-appell?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Awtorità għall-Ippjanar – pjan lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġu riveduti l-pjani lokali mill-Awtorità għall-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti.

Awtorità għall-Ippjanar — sottomissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku lill-Awtorità għall-Ippjanar bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjani lokali mill-istess Awtorità?

Response (BORG, IAN)

L-Awtorità tal-Ippjanar wettqet numru kbir ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-pjani lokali u għalhekk huwa meħtieġ li l-Onor. Interpellant jindika għal liema konsultazzjoni u dwar liema pjan lokali qed jirreferi.

Korp tal-Pulizija – każijiet ta’ dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-każijiet ta' dixxiplina fil-konfront tal-membru tal-Korp tal-Pulizija li ismu u kunjomu qegħdin jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif diġà ngħad fi tweġibiet oħra, il-każ kontra l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, għadhom pendenti.

Korp tal-Pulizija – membri sospiżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li jinsabu sospiżi minħabba każijiet ta' dixxiplina fil-konfront tagħhom? Jista' l-Ministru jgħid għal kull wieħed minnhom x'salarju qegħdin jirċievu sakemm jinsabu sospiżi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li sal-5 ta’ Ġunju 2018 kien hemm tlettax (13)-il membru fil-Korp tal-Pulizija li jinsabu sospiżi minħabba każijiet ta’ dixxiplina kontrihom. Dawn kollha qegħdin jirċievu nofs pagaskont il-proċeduri u li ilhom jeżistu.

Djar tal-Anzjani — Xiri ta’ Statwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex inxtrat statwa tal-Madonna li dwarha s-Segretarju Parlamentari għal Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva reċentement stqarr pubblikament li qiegħda ddur id-djar tal-anzjani biex tkun esposta fihom? Jista' jgħid f'liema djar tal-anzjani ttieħdet din l-istatwa tal-Madonna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ispiża biex inxtrat l-istatwa tal-Madonna, inkluż il-bradella, kienet ta’ €750. S’issa l-istatwa tal-Madonna ttieħdet, fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa.

Servizzi ta’ respite għall-familjari ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk humiex sejrin jinfetħu aktar servizzi ta’ respite għall-familjari ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali billi ta’ spiss is-servizzi li joffru Għaqdiet Mhux Governattivi bħall-għaqda li isimha qed jingħata separatament ma jkollhomx postijiet vakanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi tas-saħħa mentali tal-gvern jaħdmu id f’id mal-NGOs inkluż ma dik imsemmija separatament. Jekk id-domanda tiżdied u naraw il-bżonn ta’ aktar servizzi ma neskludix li dan is-servizz ikun jista’ jiżdied.

Servizzi ta’ psikjatrija għal tfal ta’ età żgħira

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka x’servizzi jeżistu f’pajjiżna li jispeċjalizzaw fil-psikjatrija għal tfal ta’ età żgħira? Kemm hemm tfal li qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għandna tlett dipartimenti li jispeċjalizzaw fil-psikjatrija għal tfal ta’ età żgħira. Dawn huma Young People’s Unit(YPU), Child and Young Person Service(CYPS) u Child Adolescent Psychiatric Emergency Services(CAPES). Fl-2018, ġewwa l- YPU ġew ammessi 56 tifel u tifla, l- CAPES 109 u l- CYPS bħalissa hemm 1,917 li qed jieħdu l-kura meħtieġa.

Jobsplus – skemi għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Jobsplus għandhomx skema li tinkorpora miżuri mmirati għall-persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u li jixtiequ jsibu impjieg?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus tamministra diversi skemi li huma mmirati għall-persuni b’dizabilità inklużi dawk li għandhom problema ta’ saħħa mentali li jixtiequ jsibu impjieg. Biex persuni li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali ikunu eliġibbli għal dawn l-iskemi/programmi irid ikollhom isimhom fir-Reġistru tal-Persuni b’Diżabilità tal-Jobsplus. Dawn l-iskemi/programmi jinkludu: Ftehim li għandha Jobsplus mar-Richmond Foundation li jipprovdi assistenza minn professjonisti inkluż sessjonijiet fuq livell personali mal-persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Il-programm Sheltered Employment Training li jipprovdi taħrig assistit għal persuni b’diżabilità iktar severi bl-għan li jtejbu l-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Diversi job coaches huma assenjati sabiex jissapportjaw lill-persuni li jattendu l-programm ta’ taħriġ. Il-Job Bridge Training and Development Centre li huwa ċentru li jiffoka fuq taħriġ speċifiku fuq ħiliet soċjali u ta’ impjegabbilità kif ukoll ħiliet għal ħajja indipendenti fost l-oħrajn. L-iskema Bridging the Gap toffri opportunità ta’ prova fuq il-post tax-xogħol (work exposure) lill-persuni b’diżabilità għal numru ta’ ġimgħat. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw allowance minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. Jekk il-persuna ddum aktar minn tnax-il ġimgħa f’din l-iskema, hi trid iċċedi l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tagħha. Min-naħa l-oħra min iħaddem ma jkunx obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, il-paga u benefiċċji oħra bħas-sick leave. L-iskema Access to Employment (A2E), kofinanzjata mill-Fond Socjali Ewropew u l-Gvern Malti, tipprovdi sussidju ta €125 fil-ġimgħa għal kull persuna b'diżabilità ġdida f’impjieg fultajm għal 156 ġimgħa. Fil-kaz ta’ impjieg part-time jingħata sussidju pro rata ta’ jew 20, 25 jew 30 siegħa fil-ġimgħa. Fl-impjieg ta’ persuni b’diżabilità kumpaniji (mhux governattivi) jistgħu jitolbu biex: - Jiġu eżentati mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità. - Jirċievu inċentiv fiskali ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali għal kull persuna b’diżabilità diġà impjegata sa massimu ta’ €4,500, immedjatament wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja. Barra mill-iskemi/programmi msemmija hawn fuq, il-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) li ġiet imwaqqfa bejn Jobsplus u min iħaddem, tgħin lill-persuni b'diżabilità kif ukoll lil min iħaddem biex it-tnejn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn suq tax-xogħol aktar aċċessibbli u aktar divers bl-għajnuna tal-job coaches. Il-Fondazzjoni għandha l-għan li ssib modi biex bihom tneħħi l-barrieri u tkabbar l-opportunitajiet ta' xogħol għal persuni b'diżabilità. Il-Fondazzjoni tipprovdi servizz ippersonalizzat bi pjan t’azzjoni skont il-ħtieġa tal-persuni b'diżabilità inkluż lill-persuni li għandhom problema ta’ saħħa mentali.

Servizz pubbliku ta’ emerġenza għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali biss

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwaqqaf servizz pubbliku ta’ emerġenza biex jintuża’ minn persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali biss, billi s-servizz eżistenti ta’ għajnuna (179) qiegħed ikun ta’ spiss okkupat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm biss s-servizz ta’ għajnuna 179.

Community Work Scheme – ħaddiema bi problema ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5785, jista’ l-Ministru jgħid kemm parteċipanti mit-total ta’ 839 persuni li qegħdin f’din l-iskema, għandhom xi problema ta’ saħħa mentali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, mal-Community Work Scheme Enterprise Foundation hemm 15-il persuna li għandha problema ta’ saħħa mentali.
Leg 13 PQ #6200 Sitting 129 2018-06-11 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identity Malta – tħaffif tal-proċess għal work permits

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu minn Identity Malta biex issa li ninsabu fl-aqwa tal-istaġun turistiku, jitħaffef il-proċess biex ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea (Third Country Nationals) jitħaffilhom kemm jista’ jkun il-proċess għall-ħruġ ta’ work permits f’Malta? Ma jaħsibx li minħabba s-sitwazzjoni ta’ full employment fil-pajjiż, għandna bżonn miżuri urġenti biex il-qasam turistiku u anke oqsma ekonomiċi oħra, ikunu jistgħu jsibu l-ħaddiema li għandhom bżonn kemm jista’ jkun malajr u bl-inqas burokrazija possibbli?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma l-Onor, Interpellant li l-gvern huwa kommess li jnaqqas il-burokrazija u jħaffef il-proċessi tiegħu fil-livelli kollha. Dan bil-għan li l-pubbliku jkun jista jinqeda aħjar filwaqt li jiġu indirizzati wkoll il-bżonnijiet tal-ekonomija. F’dak li jirrigwarda l-ħruġ ta’ single permits, Identity Malta diġà ħadet numru ta’ miżuri biex tħaffef dan il-proċess u mingħajr ma’ tikkomprometti l-kontrolli tas-sigurtà tagħha. Madanakollu, minħabba ż-żieda kbira fin-numru t’applikazzjonijiet li deħlin, b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku bla preċident li qed jesperjenza pajjiżna, qed jinħass il-bżonn li dan il-proċess jieħu inqas żmien. Fid-dawl ta’ dan, Identity Malta imbarkat fuq eżerċizzju intern biex issaħħaħ l-id operattiva tagħha sabiex tkun tista’ tilqa’ aħjar għal din ir-realtà ekonomika. Fost il-miżuri li ħadet, l-aġenzija nediet il-Key Employee Initiative, liema skema se tiġi estiża biex tilħaq numru akbar t’applikanti, fejn l-applikazzjoni ta’ dawk li jaqilgħu ċertu dħul u li għandhom ħiliet partikolari, tiġi pproċessata f’ħames t’ijiem tax-xogħol. Dawn l-istess ħaddiema speċjalizzati ingħataw ukoll l-opportunità li jġeddu l-permess ta’ residenza u xogħol għal massimu ta’ tliet snin. Fejn jikkonċerna ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li ma jeħtiġux ħiliet partikolari, Identity Malta introduċiet rekwiżiti partikolari li jgħoddu l-aktar għal industriji bħat-turiżmu u l-manifattura. Minn żmien għall-ieħor, Jobsplus jaġġornaw il-lista ta’ karigi li huma eżenti mill-verifiki relatati mas-suq tax-xogħol. Din il-miżura tapplika għal dawk is-setturi li qed jesperjenzaw l-akbar nuqqas ta’ ħaddiema bħall-qasam tas-saħħa, is-servizzi finanzjarji, l-IT u il-gaming. Identity Malta tinsab ukoll fil-process li tniedi pjattaforma elettronika li tati l-opportunità lil min iħaddem sabiex japplika għall-permess għan-nom ta’ ħaddiem li ġej minn pajjiż terz u li għadu barra mill-pajjiż. L-aġenzija estendiet ukoll dan is-servizz marbut mas-single permits f’Għawdex u fetħet ukoll it-tieni front-desk office ġewwa l-Belt biex jipproċessa speċifikament it-tiġdid tal-istess permess u b’hekk ikompli jitħaffef dan il-proċess. Barra minn hekk, Identity Malta toffri s-servizz ta’ Outreach fuq il-post lill-entitajiet li jħaddmu magħhom numru kbir ta’ ħaddiema barranin. Fl-aħħar mill-aħħar, Identity Malta hija impenjata li ittejjeb l-operat tagħha u se tkompli tibni fuq ir-rapport tajjeb li għandha mal-imsieħba soċjali sabiex tkun tista tantiċipa u tilqa aħjar għad-domanda tal-ekonomija.

Kummissjoni Għolja ta’ Malta fi New Delhi — Ħruġ ta’ Visas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed ikun hemm problemi fil-ħruġ ta’ visas mill-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fi New Delhi minħabba li jidher li diversi intrapriżi kienu qed jippruvaw jingaġġaw ħaddiema minn dan il-pajjiż?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li t-talba għal viżi mill-Indja żdiedu, l-Ministeru diġà ħa ħsieb li jżid l-istaff tiegħu fil-Kummissjoni Għolja billi żied impjegati kemm lokali kif ukoll minn Malta. Għaldaqstant ma hemmx problema dwar il-ħrug ta' viżi f'dan il-pajjiż, liema ħruġ isir wara l-verifikazzjonijiet meħtieġa mas-Central Visa Unit fi ħdan Identity Malta u l-entitajiet l-oħra konċernati.
Leg 13 PQ #6202 Sitting 129 2018-06-11 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qasam tal-Blockchain u Cryptocurrencies – kumpaniji barranin

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm huma u liema huma l-kumpaniji barranin fil-qasam tal-blockchain u cryptocurrencies li s’issa wrew interess jew li fil-fatt diġà allokaw l-operat tagħhom f’Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej t tieni qari fuq 3 abbozzi ta ligijiet : Att tal-2018 dwar l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta – Abbozz 45/2018; Att tal-2018 dwar Arranġamenti u Servizzi ta’ Teknoloġija Innovattiva – Abbozz 43/2018 Att tal-2018 dwar Attiv Finanzjarju Virtwali – Abbozz 44/2018. Kif jgħaddi l proċess parlamentari u jiġu kostitwiti l-awtorità u l-istrutturi neċessarji tkun tista' tibda tinġabar din l-istatistika.

Transport Malta – Iż-Żejtun, Marsaxlokk u Marsaskala – pjanijiet għal irranġar ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq rurali fl-inħawi taż-Żejtun, Marsaxlokk u Marsaskala, li qegħdin fil-pjani ta’ Transport Malta jew tal-Aġenzija li qed tiġi mwaqqfa għat-toroq, biex jingħataw wiċċ ġdid minħabba li stat ħażin li jinsabu fih?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Is-Siġġiewi – Housing soċjali — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-housing soċjali tas-Siġġiewi li qed isir bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-proġett mhux ser isir bl-għajnuna ta’ fondi li huma ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Rigward l-istadju li fih wasal dan il-proġett, bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ skavar waqt illi ġie ppubblikat l-appalt għall-kostruzzjoni ta’ dan is-sit.

Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun – proċess ta’ tendering għal bini mill-ġdid tal-arterja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tat-tendering għall-bini mill-ġdid tal-arterja ewlenija li tgħaqqad Ħaż-Żabbar maż-Żejtun u meta huwa maħsub li jinbeda x-xogħol f’din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess sabiex tinbena mill-ġdid Triq Bormla, jew kif inhi magħrufa, it-Triq taċ-Ċawsli, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, beda f’Lulju li għadda, meta nħarġet is-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet meħtieġa. Wara li ntagħżlet l-aħjar offerta, wieħed mill-kuntratturi mhux magħżula appella d-deċiżjoni. Għalhekk, ix-xogħol għadu ma jistax jibda. Ninsab infurmat li s-smiegħ tal-appell mistenni jintemm dalwaqt, sabiex din it-triq ewlenija fin-naħa t’isfel tal-pajjiż tkun tista’ tinbena mill-ġdid mill-aktar fis.

Bajja ta’ San Ġorġ – użu ta’ art pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konċessjoni mogħtija lis-sidien tal-hotel li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-użu ta’ art pubblika (coastline) ġewwa l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-konċessjoni mogħtija lis-sidien tal-hotel li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-użu ta’ art pubblika (coastline) ġewwa l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville, hija aċċessibli għall-pubbliku u tista’ tinkiseb mingħand in-Nutar tal-Gvern. L-informazzjoni mitluba tinsab f’Att nru. 89, fl-atti tan-Nutar Vincent Miceli, datat 15 ta’ April 2005, kif ukoll permezz tal-Att nru. 77, fl-atti tan-Nutar Vincent Miceli, datat 10 ta’ Mejju 2006. Flimkien ma’ dan imsemmi, l-emfitewta ngħata encroachment permit fl-2012 biex jokkupa żewġ siti adjaċenti.

Bajja ta’ San Ġorġ – xogħlijiet — permessi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi li jirregolaw ix-xogħlijiet li saru, u li qed isiru mis-sidien tal-hotel li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq art pubblika fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini ma rċieva ebda dokumentazzjoni kif stipulat fl-Avviz Legali 72/2013 peress li l-imkien imsemmi m’għandu ebda proprjetà kontigwa* tmiss miegħu *proprjetà li tmiss mal-proprjeta’ li tmiss magħha