Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #6049 Sitting 130 2018-06-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – toroq f’żoni rurali – fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux maħsub li jiġu allokati fondi tal-Unjoni Ewropea għal toroq f'żoni rurali f'Għawdex? Jekk iva, liema toroq rurali huma ppjanati li jsiru u kemm hu stmat li ser tiswa kull waħda minn dawn it-toroq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Il-Ministeru għal Għawdex qed jagħmel eżerċizzju biex jara x’fondi jista’ jakkwista mill-UE.
Leg 13 PQ #6050 Sitting 130 2018-06-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sports Complex — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ħaddiema talbu li ma jibqgħux jaħdmu fil-Gozo Sports Complex minn Marzu 2013 sal-lum? X’kien il-grad tagħhom u fejn marru jaħdmu u x'kienu r-raġunijiet li l-ħaddiema talbu biex ma jibqgħux jaħdmu fil-Gozo Sports Complex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Orthopaedic Unit – xogħol fuq bankina

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4261, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk tlestix ix-xogħol fuq il-bankina ta’ barra ħdejn il-bini tal-Orthopaedic Unit ġewwa l-iSptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista’ jgħid jekk inħariġx il-Compliance (Completion) Certificate għal din il-binja u jekk iva jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej il-proċess ta’ procurement rigward il-bankina ta’ barra ħdejn il-bini tal-Orthopaedic Unit ġewwa l-iSptar Ġenerali ta' Għawdex

In-Naxxar – Triq San Pawl – xogħol ta’ resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xogħol ta' resurfacing ta’ Triq San Pawl fin-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul ix-xahar li għadda fil-Parlament bdejna d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta. Permezz ta’ din l-aġenzija, ser inwettqu l-pjan ta’ dan il-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż. B’mod gradwali, din l-aġenzija ser tkun qed tikkollabora mal-kunsilli lokali u ma entitajiet oħra ħalli jinbnew mill-ġdid it-toroq residenzjali u toroq oħra f’Malta u Għawdex. L-aġenzija ser tagħti wkoll prijorità lil dawk it-toroq li baqgħu qatt ma ġew mibnija kif meħtieġ, biex dawn ukoll jiġu mibnija u miksija b’wiċċ ġdid kif meħtieġ. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jaħdem bla heda sabiex din l-aġenzija titwaqqaf mill-aktar fis. Permezz ta’ Infrastruttura Malta, pajjiżna ser ikollu ferm aktar riżorsi, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, prattiċi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq u standards ġodda ta’ sostenibilità u sigurtà, sabiex gradwalment niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità għolja, hekk kif jixraq lil Malta u Għawdex.

Intelligent Electronic Traffic Signs

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għandhom intelliġenti l-Intelligent Electronic Traffic Signs li ġew istallati mill-Awtorità għat-Trasport f'Malta f'numru ta' toroq f'Malta u Għawdex u li s'issa ħlief juru l-istess messaġġi b'mod ripetut mhumiex jagħmlu? Jista' jgħid kemm tammonta l-ispiża biex ġew mixtrija u installati dawn is-sinjali? Jista' jgħid x'sar mid-dikjarazzjoni pubblika li huwa għamel f'Novembru 2017 u ċjoè li l-imsemmija tabelli ser jibdew jaħdmu b'mod intelliġenti minn Jannar 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Intelligent Traffic Lights jew aħjar Variable Messaging System (VMS) isiru intelligenti meta jkollok bżonnhom, ċjoè meta miċ-Ċentru ta’ Kontroll jirriżulta li hemm inċident jew sitwazzjoni ta’ kriżi u jintbagħtu messaġġi ta’ devjazzjoni jew oħrajn skont il-bżonn. Meta ma jkunx hemm dan il-bżonn ikun hemm messaġġi standard u ripetuti kif qiegħed jgħid tajjeb l-Onor. Interpellant. Kif tħabbar, iċ-Ċentru tal-Kontroll f’Jannar beda jaħdem u miegħu għalhekk bdew jintużaw dawn l-iscreens fil-massimu tagħhom meta meħtiega. Wieħed ma jistax ma jsemmix mument ta’ kriżi fit-traffiku f’Wied iż-Żurrieq meta s-servizzi tal-emergenza kienu kollha fuq allert u dawn l-iscreensgħenu mhux ftit fid-direzzjoni li bdew jingħataw is-sewwieqa u avviżi relatati. Tajjeb li wieħed ifiehem lil Onor. Interpellant li f’xi wħud mill-pajjiżi Ewropej dawn saħansitra jibqghu mitfija u jinxtgħelu fil-mumenti ta’ krizi. F’pajjiżna wieħed jippreferi li meta kollox għaddej b’mod normali jiġu trasmessi avviżi oħra relatati mat-Traffiku. Pagament finali tax-xogħol li ġie ċertifikat, f’Mejju tal-2017, jammonta għall-€600,246.98 (VAT inkluż).

Ordinanza dwar il-Kummissjunarji – setgħa li jagħtu ġurament

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jindika għal kull waħda mill-persuni jekk il-persuna hijiex uffiċjal pubbliku, persuna li għandha x’taqsam mas-servizz barrani tal-Gvern f’xi pajjiż barra minn Malta, avukat, prokuratur legali jew persuna privata? Jista' l-Ministru jindika għal kull waħda mill-persuni, id-data tal-ħatra tagħha bħala Kummissjunarju b’setgħa li jagħti Ġurament u jekk il-ħatra saritx bħala waħda personali jew bl-isem tal-kariga jew tal-funzjonijiet moqdija minnha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Ordinanza dwar il-Kummissjunarji – setgħa li jagħtu ġurament

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali inkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-uffiċjali fil-Ministeru responsabbli biex jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji huma għaxra (10). L-entitajiet/dipartimenti li dawn l-uffiċjali huma assenjati fihom huma d-Dipartiment tal-Ġustizzja, l-Aġenzija tal-Għajnuna, Qrati u Tribunali Kriminali, Dipartiment Qrati tal-Ġustizzja u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Ordinanza dwar il-Kummissjunarji – setgħa li jagħtu ġurament

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali nkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-uffiċjali fil-Ministeru responsabbli biex jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji jammontaw għal 191. L-entitajiet/dipartimenti li dawn l-uffiċjali huma assenjati fihom huma Il-Pulizija, Il-Forzi Armati u REFCOM.

Ordinanza dwar il-Kummissjunarji – setgħa li jagħtu ġurament

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar inkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent ma hemm l-ebda persuni fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar li huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament, skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta).

Ordinanza dwar il-Kummissjunarji – setgħa li jagħtu ġurament

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru għas-Saħħa nkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni fil-Ministeru għas-Saħħa u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali fil-Ministeru għas-Saħħa responsabbli biex jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji jammontaw għal 38. L-entitajiet/dipartimenti li dawn l-uffiċjali huma assenjati fihom huma fid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, fl-isptar Mater Dei, fl-ispiżerija tal-Għażla tiegħek, fl-isptar Sir Anthony Mamo, fid-Dipartiment tal-Kura Primarja, fis-Servizzi tas-Saħħa Mentali u fl-isptar Ġenerali t’Għawdex.

Korsijiet fil-professjoni tal-infermiera u qwiebel

Question

Jista’ d- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif kien ir-rispons ta’ studenti żgħażagħ għall-kampanja u s-sejħa li saret biex aktar żgħażagħ jieħdu korsijiet fil-professjoni ta’ infermiera u qwiebel minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema f’dan is-settur? Jista’ jelenka kif żdied il-complement tal-infermiera u l-qwiebel fis-servizz tas-saħħa tal-Gvern fl-aħħar ħames snin u x’miżuri qed jieħu l-Ministeru għas-Saħħa biex itaffi n-nuqqas f’dan il-qasam?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din is-sena mistennija jiggradwaw 153 student mill-Universita’ ta’ Malta, waqt li fl-2019 se jiggradwaw 176 u fl-2020 se jiggradwaw 164. Barra minn hekk fl-istess sena, iġifieri fl-2020, se jiggradwaw ukoll 30 infermiera oħra mill-MCAST b’kollaborazzjoni mal-Universita’ ta Northumbria. Dan ifisser illi, grazzi għal kampanja kontinwa tal-gvern għar-reklutaġġ ta’ studenti nfermiera, bil-kollaborazzjoni tal-Union tal-Infermiera u Qwiebel, u għal-parteċipazzjoni tad-Direttorat għas-Servizzi Infermeristiċi f’diversi Career Convesions li jiġu organzzati matul is-sena, fl-2017 kien hemm żieda ta’ 25% fuq is-sena 2015. Il-figuri ta’ reklutaġġ għal din is-sena għad iridu jinġabru peress li s-sejħa mill-Universita ta’ Malta, u issa anke l-universita’ ta Northumbria , jiftħu għal nofs dan ix-xahar. Mill-2013 sas-sena l-oħra il- complement żdied b’400 infermier fejn minn 2,905 fl-2013, tela’ għal 3,306 fl-2017. Aktar tard din is-sena għandom jiġu ngaġġati mhux inqas minn 193 infermiera u qwiebel. Il-Ministeru għas-Saħħa, din is-sena s’issa ħareġ tlett sejħiet għal rekrutaġġ ta’ infermiera. Dawn is-sejħiet ġew promossi ukoll fuq siti tal-EURES kif ukoll ġurnali online fl-Ewropa. Bejnietom mistennija li jiġu ngaġġati madwar 220 infermier. Dawn jinkludu studenti li se jiggradwaw din is-sena, infermiera Maltin li huma diġa rreġistrati, u barranin. Dawn apparti numru konsidervoli ta’ infermiera li se jiġu re-employed jew re-instated mas-Servizz pubbliku wara li kienu rreżenjaw fil-passat.

Qasam tas-Saħħa – vakanzi – tobba, kirurgi u konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’vakanzi jeżistu fil-qasam tas-saħħa f’dawk li huma tobba, kirurgi u konsulenti u jekk hux kontinwament jittieħdu passi biex dawn il-vakanzi jimtlew?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2015 sal-aħħar tal-2017 kienet hemm 202 sejħiet għal tobba, kirurgi u konsulenti u ġew ingaġġati 817 tobba, kirurgi u konsulenti ġodda. Ninfurmah ukoll illi bħalissa hemm diversi sejħiet miftuħin. Dawn huma għal Resident Specialist (General/Internal Medicine), Resident Specialist (Anaesthetics and Intensive Care), Resident Specialist (Emergency Medicine), Principal General Practitioner in the Primary Health Care.

Korp tal-Emerġenza / kumpaniji parastatali — suldati - ħlas dovut

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5965 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jiċċara jekk persuni li kienu f’Korp tal-Emerġenza jew impjegati mal-kumpaniji parastatali fejn kienu jaħdmu bħala suldati u ħafna minnhom bħala tradesmen u li kienu impjegati bejn is-snin 1972 u l-1997 hux se jieħdu flus dovut lilhom kif qed jieħdu ħaddiema oħrajn? Billi dawn wettqu xogħol importanti u taw servizz utli lil pajjiż, jaħsibx li dawn ukoll għandhom jibbenefikaw minn flus (somma) li l-Gvern qed jagħti l-ħaddiema oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kuntratt ta’ xogħol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ xogħol tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Dan l-individwu għalaq l-età tal-irtirar? Jekk iva, b'kemm snin? Hemm xi raġuni għaliex tħalla fl-impieg? X'inhu xogħlu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji tiegħu inagħataw seperatament qatt ma kien impjegat tal-PBS, iżda jipprovdi servizz ta’ traduzzjoni fuq bażi ta’ self employed.
Leg 13 PQ #6229 Sitting 130 2018-06-12 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għal Finanzi — Għajnuna finanzjarja lill-knisja

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-Knisja, lill-għaqdiet u soċjetajiet tal-Knisja, lill-parroċċi, lill-istituzzjonijiet, fosthom edukattivi li jitmexxew mill-Knisja, lid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Knisja, lill-ordnijiet reliġjużi u lil NGOs tal-Knisja, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet, korporazzjonijiet, awtoritajiet, dipartimenti, kumpaniji u aġenziji li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jagħti d-dettalji relatati dwar kull forma t’għajnuna finanzjarja mogħtija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.