Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Appoġġ – każijiet ta’ vjolenza domestika

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4638, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza domestika rrapportati lill-Aġenzija Appoġġ is-sena l-oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Aġenzija Appoġġ ħadmet mal-1,140 każ ta’ vjolenza domestika matul l-2017. Infakkar lill-Onor. Interpellant, illi dan it-tagħrif jinsab ukoll fir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, f’paġni 11 sa 14, liema rapport diġa kien ġie ppreżentat fil-Kamra, nhar it-Tnejn 21 ta’ Mejju, 2018.

Servizzi Residenzjali għall-Persuni b'Diżabilita — Standards Nazzjonali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6090, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali ma jżommx statistika dwar spezzjonijiet għall-għarrieda fid-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Nuqqas ta’ Saħħa Mentali/Hostels? Jista’ jgħid ukoll in-numru ta’ investigazzjonijiet ta’ ilmenti li rċeviet din il-Kummissjoni matul din il-Leġiżlatura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninsab infurmat illi l-Uffiċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jirċievi medja ta’ tnax -il talba għall-assistenza/informazzjoni fil-ġimgħa. Dawk l-ilmenti li jikkonċernaw materji koperti bil-Liġi dwar is-Saħħa Mentali, jiġu ndirizzati u fejn hu possibbli tinstab soluzzjoni.

Health Care Standards Directorate – xogħlijiet imwettqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuwa x-xogħol li jitwettaq mill-Health Care Standards Directorate? Kemm ilu mwaqqaf dan id-Direttorat? Jista’ jgħid ukoll kif wieħed jista’ jikkuntattja lill-Health Care Standards Directorate f’każ ta’ ilmenti minn persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed jgħixu f’xi Dar Residenzjali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għall-Istandards fil-Kura tas–Saħħa ġie mwaqqaf fis-sena 2007 u huwa wieħed mill-korpi regolatorji fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika. Permezz ta’ xogħol li jsir minn dan id-Direttorat tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika u tiġi spirata kura ta’ eċċellenza kif ukoll jiġu żgurati servizzi tas-saħħa siguri u ta’ kwalità għolja permezz ta’ spezzjonar strutturat, moniteraġġ u regolamentazzjoni.Id-Direttorat huwa responsabbli għal-liċenzjar ta’ sptarijiet privati ​​u pubbliċi, djar tal-anzjani, kliniċi tal-mediċina, dentisti, postijiet tat-tatwaġġ, postijiet fejn isir titqib f’partijiet diversi tal-ġisem, laboratorji kliniċi, faċilitajiet tal-X-rays, acupuncture clinics, chiropody clinics, kliniċi tal-fiżjoterapija, faċilitajiet tas-saħħa mentali, ċentru tal-onkoloġija , faċilitajiet ta’ riabilitazzjoni, stabbiliment fejn jiġi miġbur u proċessat id-demm u stabbilimenti tat-tessuti. Fi ħdan il-website tal-imsemmi Direttorat wieħed jagħmel kuntatt permezz ta’ contact form, email jew billi jċempel fin-numri tat-telefon indikati. Kull ilment li jasal fid-direttorat u li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet ta’ liċenzjar jiġi nvestigat immedjatament.
Leg 13 PQ #6293 Sitting 131 2018-06-13 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – safar — spejjeż

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont, maqsum safra b'safra, tal-ispejjeż kollha mħallsa minn fondi pubbliċi fuq biljetti tal-ivjaġġar, alloġġar, subsistence allowance, assigurazzjoni u spejjeż oħra marbuta ma' safar tal-mara tal-istess Prim Ministru minn Marzu 2004 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Port il-Kbir – dħul ta’ bastimenti Amerikani u Russi

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5950 waqt is-seduta ta' nhar l-4 ta' Ġunju 2018, jista' l-Ministru jgħid għal kull wieħed mill-bastimenti, jekk kienx bastiment militari jew inkella bastiment ċivili?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda fit-tabella t'hawn taħt. Sena Stati Uniti Bastiment 2018 2 Militari 2017 2 Militari 2016 4 Kummerċjali mikrija minn Navy Amerikana - 4 2015 0 -------------------------- 2014 1 Militari 2013 3 Proprjetà tal-iStat - 1 /Militari - 2 Sena Russja Bastiment Jan sa 29 ta Mejju 2018 0 Militari 2017 1 Militari 2016 8 Militari 2015 4 Militari 2014 5 Militari 2013 17 Militari
Leg 13 PQ #6295 Sitting 131 2018-06-13 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Due Diligence Reports

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-due diligence reports dwar il-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-proċess ta’ procurement saret evalwazzjoni tal-promoturi tal-proġett, u li tali hija soġġett għal obbligi ta’ kunfidenzjalità kummerċjali.
Leg 13 PQ #6296 Sitting 131 2018-06-13 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – kontijiet bankarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandha kontijiet bankarji l-Aġenzija Identità Malta? Jista' l-Ministru jgħid f'liema bank jew bankijiet huma l-imsemmija kontijiet bankarji u x'tip ta' kontijiet bankarji huma (pereżempju: savings account, current account, term deposit account etc)? Jista' jgħid għal kull wieħed mill-kontijiet bankarji kemm huwa l-ammont li jinsab depożitat fih?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat illi l-Aġenzija Identity Malta għandha 16-il-kont bankarju bil-bilanċ ilaħħaq €32,477,164.82 sal-31 ta’ Mejju 2018.
Leg 13 PQ #6297 Sitting 131 2018-06-13 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta u Bank Ċentrali ta’ Malta — Laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, x'laqgħat saru bejn l-Aġenzija Identità Malta u l-Bank Ċentrali ta' Malta? Jista' jagħti d-data ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat, min talab li jsiru dawn il-laqgħat, min kienu l-uffiċjali tal-Aġenzija Identità Malta u tal-Bank Ċentrali ta' Malta li kienu preżenti għal kull waħda mil-laqgħat u x'kienu s-suġġetti li ġew diskussi waqt dawn l-imsemmija laqgħat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat li ma kienx hemm laqgħat formali bejn Identity Malta u l-Bank Ċentrali fiż-żmien indikat mill-Onorevoli Interpellant. Fiż-żmien li kien qed jiġi ippreparat il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment saret laqgħa teknika dwar il-proposta ta’ xiri tal-bonds fuq is-suq lokali.
Leg 13 PQ #6298 Sitting 131 2018-06-13 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta u l-FIAU — laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, x'laqgħat saru bejn l-Aġenzija Identità Malta u l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit)? Jista' jagħti d-data ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat, min talab li jsiru dawn il-laqgħat, min kienu l-uffiċjali tal-Aġenzija Identità Malta u tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) li kienu preżenti għal kull waħda minn dawn il-laqgħat u x'kienu s-suġġetti li ġew diskussi waqt l-imsemmija laqgħat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li fil-kors tal- ħidma tagħha Identity Malta tikkomunika regolarment mal-FIAU. Dawn l-komunikazzjonijiet huma ta’ natura sensittiva. L-Onoveroli Interpellant bħala avukat jaf tajjeb li huwa ukoll reat bil-ligi li tingħata informazzjoni dwar ix-xogħol tal-FIAU.
Leg 13 PQ #2575 Sitting 130 2018-06-12 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proċeduri Dixxiplinari fuq individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kien kiteb kliem dispreġjativ kontra s-Sinj. Daphne Caruana Galizia ftit wara li din inqatlet fis-16 t’Ottubru 2017, u liema kliem kien ġie rrapurtat anke mill-media barranija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.

Proċeduri Dixxiplinari fuq individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kien kiteb kliem dispreġjativ kontra s-Sinj. Daphne Caruana Galizia ftit wara li din inqatlet fis-16 t’Ottubru 2017, u liema kliem kien ġie rrapurtat anke mill-media barranija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6186 li saret mill-Onorevoli Karol Aquilina.

Il-Fgura – Triq il-Karmelitani – xogħlijiet fuq bankina

Question

Peress li waslu diversi lmenti li l-bankina fi Triq il-Karmelitani fil-Fgura tinsab fi stat perikoluż ferm u ilha hekk ix-xhur, jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet biex ikun indirizzat dan il-periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li fi Triq il-Karmelitani hemm sit kbir ta’ kostruzzjoni u li ta’ spiss il-bankina qed tiġi użata minn vetturi kbar li jgħaddu minn fuqha. Ninsab infurmat wkoll li minkejja li l-Kunsill għamel ta’ spiss manutenzjoni meħtieġa, ukoll, għamel kuntatt mal-iżviluppatur biex appenna jitlesta dan il-proġett jassigura li din il-bankina tiġi rrnanġata skont ir-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà.

Il-Fgura – Triq il-Karmelitani – xogħlijiet fuq bankina

Question

Peress li waslu diversi lmenti li l-bankina fi Triq il-Karmelitani fil-Fgura tinsab fi stat perikoluż ferm u ilha hekk ix-xhur, jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet biex ikun indirizzat dan il-periklu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija responsabilità tal-kunsill lokali ta’ din il-lokalità. Madankollu, Transport Malta infurmat lill-kunsill lokali konċernat sabiex jieħu l-azzjoni meħtieġa mill-aktar fis. Matul ix-xahar li għadda fil-Parlament bdejna d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta. Permezz ta’ din l-aġenzija, ser inwettqu l-pjan ta’ dan il-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż. B’mod gradwali, din l-aġenzija ser tkun qed tikkollabora mal-kunsilli lokali ħalli jinbnew mill-ġdid ukoll it-toroq residenzjali u toroq oħra li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-istess kunsilli lokali. Sfortunatament, fil-passat, dawn il-kunsilli lokali tgħabbew bir-responsabilità tal-manutenzjoni tat-toroq mingħajr ma ġew mgħejjuna bir-riżorsi tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex iwettqu dawn id-dmirijiet b’mod sħiħ. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jaħdem bla heda sabiex din l-aġenzija titwaqqaf mill-aktar fis. Permezz ta’ Infrastruttura Malta, pajjiżna ser ikollu ferm aktar riżorsi, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, prattiċi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq u standards ġodda ta’ sostenibilità u sigurtà, sabiex gradwalment niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità għolja, hekk kif jixraq lil Malta u Għawdex.

Malta Philharmonic Orchestra -kunċert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Malta Philharmonic Orchestra hijiex ser tkun qed tilqa' sejħiet biex iżżomm kunċerti li fihom iddoqq il-mużika favorita ta' kulmin iwieġeb tali sejħiet, kif ser tagħmel fi Frar li ġej, bil-mużika favorita tal-Prim Ministru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għandha tim artistiku li jiddeċiedi fuq il-programm ta’ kunċerti li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ser tkun involuta fihom. Dan it t-tim artistiku jevalwa u jiddiskuti kull proposta li tiġi quddiemu u jiddeċiedi fl-aħjar interess ta l – Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Malta Philharmonic Orchestra – organizzazzjoni ta’ kunċert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pajjiżi Ewropej li minnhom iddakret il-Malta Philharmonic Orchestra li fl-aħħar 50 sena l-orkestri nazzjonali rispettivi tagħhom organizzaw kunċerti li fihom tindaqq il-mużika favorita tal-Prim Ministru ta' dak il-pajjiż, u jagħti wkoll is-sena li fihom dak il-pajjiż ikun organizza dak l-avveniment?

Response (BONNICI, OWEN)

Huwa xogħol l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali li tkun innovattiva u l-mistoqsija tikkonferma dan.

Il-Mellieħa – Bypass – Service Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet valutata s-service road (kif indikata mill-Ministru stess f'risposta parlamentari 4634) li saret fil-bypass tal-Mellieħa u jekk kienx hemm ħlas dovut lid-Dipartiment tal-Artijiet u jekk kien hemm ħlas, jista’ jgħid kemm kien dan il-ħlas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-art imsemmija (li l-Onor. Interpellant jirreferi għaliha bħalha Service Road) li kienet u għadha proprjetà pubblika, ġiet mogħtija b’cens temporanju għal 150 sena fl-1933 u qatt ma ġiet mittiefsa.

Mġarr — Triq Fisher - tranġar tal-lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li tittranġa l-ħsara fil-lights taż-zebra crossing li hemm fi Triq Fisher fl-Imġarr (Malta) quddiem l-iskola primarja tal-gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif daħal ir-rapport permezz tal-istess Mistoqsija Parlamentari, t-taqsima li tieħu ħsieb dawn it-tiswijiet ħadet ħsieb mill-ewwel. Minbarra li ssewwiet il-ħsara, Transport Malta ser tieħu ħsieb ukoll tiffriska ż-żebgħa.
Leg 13 PQ #6046 Sitting 130 2018-06-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ingaġġ ta’ labourers — korsijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-86 Labourer li ġew ingaġġati mal-Ministeru għal Għawdex matul dawn l-aħħar 5 snin, intbagħtux jagħmlu xi korsijiet u jekk iva x'korsijiet kienu, u jekk hemmx ippjanati li jsirulhom iktar korsijiet matul is-sena 2018?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għal din il-Mistoqsija Parlamentari għadha qed tinġabar.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – il-verbali online — sistema elettronika

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra l-possibilità li fil-każ tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur tiġi introdotta sistema elettronika fejn wieħed ikun jista’ jara on line l-verbali eċċ. ta’ kull każ bħal ma jiġri għat-Tribunal għal Talbiet Żgħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-proposta qiegħda tiġi kkunsidrata.
Leg 13 PQ #6048 Sitting 130 2018-06-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Rabat Għawdex – car parks

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3023 jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet u jgħid fejn huma ppjanati li jinbnew car parks fir-Rabat Għawdex biex tkun tista’ tittaffa l-problema tal-parkeġġ f’din il-lokalità?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Projects Malta Ltd flimkien mal-Ministeru għal Għawdex qed jesploraw il-possibilitajiet dwar din il-materja.