Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4844 u jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid kemm saru ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul il-perjodu msemmi kien hemm 32 persuna, li kienu maħtura fil-gradi, minn Maniġer ‘il fuq.

Akkomodazzjoni Soċjali – ħlasijiet b’lura ta’ pagament ta’ taxxi fuq id-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb min-naħa tal-Awtoritajiet sabiex iniedu xi tip ta’ skema li permezz tagħha, persuni u entitajiet kummerċjali u anke entitajiet oħrajn li jkunu sidien ta’ proprjetajiet li jkunu tajba għall-finijiet t’akkomodazzjoni soċjali u li jkollhom jagħtu lill-Gvern ammonti sinjifikanti ta’ flus bħal ħlasijiet b’lura ta’ pagamenti tat-taxxa fuq id-dħul (Income tax) u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif ukoll pagamenti tas-social security contributions u dawn ma jkollhomx minn fejn iħallsu dawn l-ammonti ta’ flus lill-Gvern sabiex permezz ta’ din l-iskema jkunu jistgħu jpaċu dawn id-djun billi jgħaddu lill-Gvern dawk il-proprjetajiet li jkunu tajbin għall-akkomodazzjoni soċjali? Hemm xi ħsieb min-naħa tal-Awtorità li jiġi mgħoddi xi att ta’ liġi minn din il-Kamra tal-Parlament sabiex jiġi regolarizzat dan il-mod ta’ tpaċija sabiex b’hekk il-Gvern ikun jista’ jiġbor ammont sostanzjali ta’ flus li għandu jiġbor u kollox isir skont il-liġi u skont regoli u ‘prassi’ stabbiliti mingħajr ħafna qawmien ta’ dubji u tfigħ ta’ tajn bla bżonn minn min suppost jaf aħjar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

In-Naxxar – Labour Avenue – traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jikkonsidra li jitpoġġew traffic lights fejn Labour Avenue tingħaqad mal-Pjazza tan-Naxxar peress li qiegħed ikun hemm konġestjoni tat-traffiku matul il-ġurnata kollha u dan minħabba li kull min ikun se jaqsam minn fuq iż-zebra crossing li hemm bejn il-każin tal-banda Peace u l-ATM tal-HSBC, jaqsam kif ġie ġie u l-ħin kollu jwaqqaf it-traffiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt dan is-suġġeriment lil Transport Malta sabiex tagħmel analiżi ta’ dan il- bżonn. Kif wieħed jista’ japprezza, qabel ma jitwaħħlu dawn l-istrutturi jinħtieġ li jsir studju dettaljat sabiex l-impatt li jħalli, kemm dak pożittiv u negattiv, ikun wieħed magħruf

Awtorità tal-Artijiet – entità sportiva — każ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-każ li l-entità sportiva li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandha quddiem l-Awtorità tal-Artijiet? Peress li dan il-każ ilu għal numru ta’ snin quddiem din l-Awtorità, jista’ jara li dan il-każ jitmexxa kemm jista’ jkun malajr?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet qegħdha tipproċessa l-każ sabiex l-imsemmija art tgħaddi lil Sports Malta.

Għajnsielem – Triq l-Imġarr – bozza mhux mixgħula

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-bozza bin-numru 163 li qiegħda fi Triq l-Imġarr Għajnsielem, u li ilha mitfija għal aktar minn sena, tinxtegħel kemm jista’ jkun malajr?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #6413 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ta’ Kandja Shooting Range — tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min se jkun qed jitmexxa r-range tal-isparar f’Ta’ Kandja wara li jintemm il-World Cup tal-Isparar? Jista’ jgħid jekk il-Malta Shooting Sport Federation hiex se tingħata r-responsabilità tal-immaniġġar tal-faċilità tal-isparar f’Ta’ Kandja wara li tintemm il-World Cup tal-Isparar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta National Shooting Ranges jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ SportMalta b’mod konġunt mal-Pulizija ta’ Malta u l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati. Fl-aħħar jiem dan il-kumpless state-of-the-art li investa fih il-Gvern ospita għall-ewwel darba t-Tazza tad-Dinja tal-Isparar bil-parteċipazzjoni ta’ 61 pajjiż u 400 atleta. Kulħadd seta’ jinnota l-kummenti pożittivi li ngħataw pubblikament u li fissru dawn il-faċilitajiet bħala fost l-aqwa fid-dinja. Issa li ntemmet din l-ewwel kompetizzjoni ta’ prestiġju internazzjonali, il-Gvern ser jibda diskussjonijiet ma’ dawk kollha involuti biex isir l-aqwa użu possibbli mix-Shooting Ranges, billi anke jiġu kkunsidrati mudelli oħra li diġà jeżistu fil-qasam sportiv. Il-prijorità tal-Gvern hija li jassigura li dan il-proġett iservi biex jogħla l-livell tal-isport u t-taħriġ f’pajjiżna, b’mod sostenibbli u b’opportunità li jinkisbu riżultati aħjar minn qatt qabel.
Leg 13 PQ #6414 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Facebook Groups

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta’ Facebook Groups, miftuħa jew ristretti, li huwa membru tagħhom? Jista’ jgħid jekk dan l-aħħar ħariġx minn xi gruppi li jintużaw bħala hate groups u li fihom tiġi ġġenerata u/jew tinxtered mibgħeda dwar in-nies, speċjalment avversarji politiċi tal-istess Prim Ministru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-paġna politika attiva tal-Prim Ministru, @josephmuscatdotcom, hija dik uffiċjali u vverifikata minn Facebook stess. Din ma hi parti jew membru tal-ebda grupp fuq Facebook. Min-naħa l-oħra jeżisti wkoll ‘profil’ fuq Facebook, li huwa distint mill-‘paġna’. Ninsab infurmat li kwalunkwe grupp fuq Facebook jista’ jdaħħal profil ta’ xi ħadd bħala membru ta’ grupp fuq Facebook mingħajr il-bżonn li dak il-profil jaċċetta. F’dan il-każ, jekk hemm il-profil f’xi grupp ma sarx b’kunsens jew b’mod konxju.

Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika – ħatra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu ma nħatarx Kummissarju għall- Istandards fil-Ħajja Pubblika ai termini tal-Att XIII tal-2017 dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, aktar minn sena wara li din il-liġi għaddiet mill-Parlament?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Hepatitis C – persuni li jieħdu l-kura

Question

Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6292 u jgħid x'jisimhom il-pilloli li jingħataw għall-kura tal-Hepatitis C u kemm jiswew dawn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jagħti dettalji dwar l-istrateġija li se titħaddem bil-għan li filwaqt li jkunu kkurati dawk milqutin mill-Hepatitis C, din tkun eliminata mill-pajjiż.

Dar tal-Anzjani – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li teħtieġ tidħol f'home minħabba l-kundizzjoni tagħha, u li din tinsab weħidha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, qed isegwi mill-qrib dan il-każ u diġa nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall- mistoqsija li saret f’isimha.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – biedja u sajd

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni rigward fondi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-biedja u s-sajd u ċjoe: a) kemm huwa n-numru ta’ applikanti għal kull applikazzjoni ta’ fond differenti li hemm, u li fil-preżent qed ikun iġġudikat mill-aġenzija rispettiva li għandha responsabilità li tiġġudika l-applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea; b) id-deskrizzjoni tal-fondi li fil-preżent qed ikunu aġġudikati; u c) meta huwa ż-żmien (id-data) li fih il-perjodu tal-aġġudikazzjoni jagħlaq?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #6436 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MFSA – reġistrazzjoni tal-accounts ta’ kumpaniji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk il-kumpaniji li kienu ntitolati li jirreġistraw l-accounts tagħhom mal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) fl-2016 u fl-2017 rispettivament, imma ma rreġistrawx l-accounts tagħhom f’dawn is-snin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mir-Registry of Companies li minhabba accounting year-ends differenti tal-kumpaniji, u anki minħabba li ċertu numru ta’ kumpaniji huma de facto inoperattivi, huwa diffiċli biex tasal għal-ċifri eżatti dwar l-informazzjoni mitluba. Dan anke fid-dawl li kumpaniji ġodda jistgħu jkollhom l-ewwel perjodu finanzjarju tagħhom twil sa anke 18-il xahar, u terġa sa ħames xhur wara sabiex jissottomettu l-accounts lir-reġistru tal-kumpaniji. Iżda minn investigazzjoni tar-records elettronici estimu tajjeb huwa li għas-snin msemmija kien hemm madwar 30% tal-kumpaniji li ma ssottomettewx l-accounts jew li għadhom fil-proċess li jagħmlu dan. Naturalment dejjem jibqgħu jsiru sforzi u miżuri skond il-ligi mir-reġistratur sabiex accounts li huma dovuti jiġu sottomessi.
Leg 13 PQ #6440 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Port tal-Imġarr – gates qabel ma tidħol għall-marshalling area

Question

Peress li l-pożizzjoni u l-mod li ġew installati l-gates li hemm qabel ma’ tidħol għall-marshalling area tat-terminal tal-Port tal-Imġarr Għawdex, qed jinħolqu problemi għas-sewwieqa meta jiġu biex jgħaddu minnhom, bil-konsegwenza li ħafna drabi qed jaħbtu magħhom, bir-riżultat li qed ssir ħsara fil-vetturi tagħhom, tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-gates ġew installati xi 8 snin ilu biex jgħinu fit-traffic management ġewwa il-marshalling area. Il-kumpanija qiegħda tistudja kif is-sistema tista’ tiġi mtejba mingħajr ma jinħolqu problemi oħra ta’ traffic management.

Investiment Barrani f’Malta u f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3320 u 3912 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ investiment barrani f'Malta u f’Għawdex (separatament) matul is-snin 2016 u 2017 (separatament)?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat peress li l-Malta Enterprise iżżomm informazzjoni fuq dawk li applikaw għal assistenza taħt l-skemi tagħha. L-informazzjoni mitluba għandha tinġabar mingħand l-NSO li l-istatistika miġbura minnhom tagħti stampa aktar ċara tal-Investiment barrani li qed isir f’Malta u f’Għawdex minn setturi varji li jinkludu u mhux biss is-settur finanzjarju u dak tal-igaming.
Leg 13 PQ #6448 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Ħlas għal siegħa xogħol f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5431 u ċjoè: B'referenza għal dak li ġie kkwotat fil-media lokali fejn intqal li skont il-Eurostat, il-ħlas medju għal siegħa xogħol f'Malta hu kważi €14, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema (separatament) li jitħallsu minn €4 sa €6, minn €6 sa €8, minn €8 sa €10, minn €10 sa €12 u minn €12 sa €14 fis-siegħa?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #6449 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bastimenti ta’ riċerka u salvataġġ fil-Mediterran

Question

Peress li l-bieraħ, it-13 ta’ Ġunju 2018, il-Prim Ministru ddikjara li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li qed joperaw bastimenti ta’ riċerka u salvataġġ fil-Mediterran għandhom jiġu rregolati, jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex? B’liema mod jista’ jiġri dan? Jista’ jgħid jekk entitajiet non-governattivi għandhomx jidħlu fil-qasam tas-sigurtà ta’ pajjiżi bħal tagħna?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #6450 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – bini ta’ pixxina

Question

B'referenza għall-bini ta' pixxina f'Għawdex kif ukoll għall-mistoqsija parlamentari 1494, fejn fit-tweġiba għaliha ngħad li kien ġie iffirmat Memorandum of Understanding f'Novembru 2016 u li n-negotiating team kien għaddej b'negozjati mal-privat, issa li għaddew tmien xhur minn meta saret din il-mistoqsija tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra bl-aħħar żviluppi fuq dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 5491.

Art industrijali mgħoddija lil individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx trasferita art industrijali liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jew lil xi kumpanija li fiha huwa għandu interess dirett jew indirett mill-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija u jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti tagħrif dwar it-trasferiment in kwistjoni u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relevanti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-atti ta’ trasferiment huma minn natura tagħhom pubbliċi u għalhekk huma għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Malta Philharmonic Orchestra — kunċert

Question

Peress li l-Malta Philharmonic Orchestra fi Frar li ġej ser ittella’ kunċert ta' mużika favorita tal-Prim Ministru, jikkunsidra l-Ministru li l-Malta Philharmonic Orchestra ttella' kunċert li jikkommemora l-ħajja u x-xogħol tal-ġurnalista maqtula li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament b'omaġġ lejn il-vittmi kollha tal-intolleranza u l-libertà tal-espressjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposta se titpoġġa għall-kunsiderazzjoni.

Tidal Lane Bollards — ħofor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-ħofor tat-tidal lane bollards ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata mtlew bil-konkos?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jaf ben tajjeb, il-proġett tat- Tidal Lane kien wieħed temporanju sakemm Transport Malta timbarka fuq il-proġett tal-Marsa. It-taqsima tat-TMRSD minn qabel ma beda l-proġett għamlet studju kif tista tagħmel aktar flessibli l-idea ta’ Tidal Lane aktar effettiva anke waqt il-proġett. Hekk kif qabel it-tibdil fil-kareġġati kien limitat għall-ħinijiet partikulari, il-flesibbilita’ li ġiet introdotta riċentament ippermettit li dan it-tibdil isir aktar ta’ spiss u b’ħeffa akbar. Transport Malta dejjem tħares li ttejjeb l-istrutturi tagħha skont tibdil li jseħħ ma’ l-ħin. Wieħed tajjeb jinnota li l-effett tax-xogħlijiet ta’ proġett massiv kif inhu dak tal-Marsa qajla ħalla effett negattiv fuq l-andament tat-traffiku fl- inħawi. Dan ukoll grazzi għall-istudji u moniteraġġ kontinwu li jagħmlu l- ħaddiema ta’ Transport Malta. It-toqob li mtlew bil-konkos hu ukoll xogħol temporanju u kif żgur jifhem l-Onor. Interpellant kieku kienu permanenti kienu jimtlew bit-tarmac.