Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar Residenzjali tal-Anzjani — kuntrattur - ikel

Question

B'referenza għall-kuntratt li huwa maħsub li jirregola lill-kuntrattur li se jkun qed jissupplixxi l-ikel fi djar residenzjali tal-anzjani, jista' l-Ministru jgħid: a. x'inhu l-kriterju li jirregola ix-xiri tal-ħaxix u frott skont dan il-kuntratt; b. x'kundizzjonijiet huma fil-kuntratt li jistabilixxu liema frott u ħaxix għandu jkun ta' produzzjoni lokali jew importat; u ċ. jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kuntratt li qed jirregola lill-kuntrattur li se jissupplixxi l-ikel fi djar tal-anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, għaddej bil-preparamenti meħtieġa, sabiex ikun hemm kuntratt ġdid għal dan is-servizz, skont r-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku. Is-suġġerrimenti msemmija mill-Onor. Interpellant, diġà ġew ikkunsidrati. Min-naħa l-oħra, il-menu provdut fir-Residenza San Vinċenz de Paule, huwa regolat minn kuntratt pubbliku li jistabilixxi menu għal perjodu ta’ żmien determinat u li huwa magħmul skont il-bżonn tar-residenti. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-menu huwa staġjonali u jinkludi fih ħaxix u frott skont l-istaġun. Kopja tal-kuntratt ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li fih informazzjoni ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Il-Mosta — Triq id-Difiża Ċivili - bankina

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li fi Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta, fejn qed isir it-tarmak, issir bankina ta' metru fuq kull naħa tat-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li għaddej bħalissa fit-triq indikata jinkludi tiswijiet tal-wiċċ tal-karreġġjata eżistenti. Transport Malta qed tfassal proposti għal proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ din it-triq, b’disinn aħjar u aktar faċilitajiet bħal bankini u tagħmir ieħor li jtejjeb l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ din l-infrastruttura għal dawk kollha li jużawha.
Leg 13 PQ #6345 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Finanzi

Pensjoni — żieda u taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent b'riżultat ta' dak kollu li tħabbar fl-aħħar budget: a. x'inhi r-rata ta' taxxa fuq il-pensjoni; u b. x'inhu l-ammont ta' pensjoni li mhux taxxabbli? Jista' jgħid x'kienet iż-żieda fil-pensjoni wara l-aħħar budget? Jista' jgħid sal-lum x'inhuma l-kriterji li jistabbilixxu r-rata ta' ħlas ta' taxxa fuq il-pensjoni fil-kategoriji u l-każijiet differenti kollha li jeżistu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena bażi 2018 'il quddiem, dħul minn pensjoni sa €13,200 ma titħallasx taxxa fuqu. Il-mekkaniżmu użat biex jintlaħaq dan il-għan huwa permezz ta’ tax rebate . Jiġifieri d-dħul tal-individwu jinħadem bir-rati normali tat-taxxa skont jekk hux ir-rati ta’ persuna wahidha, miżżewwġa jew ġenitur, u mbagħad mit-taxxa li tirriżulta jinaqqas it- tax rebate . Ir-riżultat finali jkun li għal kull kategorija (persuna waħidha, miżżewweġ, ġenitur), dħul minn pensjoni sa €13,200 ma jkunx taxxabbli. Ma dan ukoll, fil-każ ta’ individwu li huwa ntaxxat bir-rati ta’ miżżewweġ, jingħata tax rebate addizzjonali fuq €1,000 minn kull dhul ieħor. Rigward il-parti rigward “x’kienet iż-żieda fil-pensjoni wara l-aħħar budget”, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #6347 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

SportsMalta – manutenzjoni tal-open-air gym ta’ Ta’ Qali

Question

Jista' l-Ministru jitlob lil SportsMalta tagħmel il-manutenzjoni neċessarja fl-Open-air Gym ta' Ta' Qali għaliex hemm apparat, bħar-rota statika, li mhumiex jiffunzjonaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li SportMalta se tkun qed tikkomunika mas-supplier oriġinali biex jiġu manifatturati żewġ roti statiċi biex jinbidlu dawk li mhumiex jiffunzjonaw.

Diskoteka fil-miftuħ – inkonvenjent lill-pazjenti ta’ Mount Carmel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa biex jipproteġi d-drittijiet tal-pazjenti morda b’diżordni mentali fl-Isptar ta’ Mount Carmel minħabba l-inkonvenjent li qed toħloq id-diskoteka miftuħa fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbug li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li għandu permess li jdoqq sal-4.00 am, u li qed jolqot lill-morda ta’ ċertu swali bil-ħoss esaġerat tal-mużika tad-diskoteka? Kemm ir-rapport sar lill-Pulizija? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sa meta nġabret l-informazzjoni (il-Ħamis, 14/06/18) l-amministrazzjoni tal-Isptar Mount Carmel ma kien waslilha l-ebda lment dwar xi forma ta’ inkonvenjent li seta kien ikkaġunat minn ħsejjes esaġerati ta’ mużika mid-diskoteka li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.

Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment — skumdità lir-residenti – kejl tal-volum tal-ħoss tal-mużika

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbug li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hu ta’ disturb lir-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbug, Rabat, Siġġiewi u Ħ’Attard u b’mod partikolari għall-ispezzjonijiet tal-pulizija, jista’ l-Ministru jgħid x’tagħmir għandha l-pulizija biex tkejjel b’decibles il-volum tal-ħoss tal-mużika? Jista’ l-Ministru jipprovdi tabella ta’ dawn l-ispezzjonijiet li jindikaw il-volum tal-ħoss u d-distanza minn fejn ittieħed? Jekk il-pulizija ma għandhiex dan l-apparat, fuq minn taqa’ bħala entità biex jitkejjel dan? Jekk il-pulizija ma għadhiex tuża dan l-apparat, jista’ l-Ministru jgħid kif tista’ l-Pulizija tressaq din l-entità diskoteka bi provi konkreti l-qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma għandha l-ebda apparat biex tkejjel b’decibles il-volum tal-ħoss tal-mużika u ma hemm l-ebda liġi li tirregola tali livell ta’ dawn il-ħsejjes. Għaldaqstant ma teżistix tabella ta’ xi spezzjonijiet li saru u li jindikaw il-volum tal-ħoss u d-distanza minn fejn ittieħed. Infurmat illi madankollu l-Pulizija dejjem taġixxi meta xi ħadd jirraporta li sofra inkonvenjent bil-ħsejjes u jinħarġu akkużi kontra min jikkaġuna l-inkonvenjent meta jkun il-każ, skont l-evidenza miġbura u kif tipprovdi l-liġi. Bħalissa m’hemmx entità partikulari li tkejjel b’decibles il-volum tal-ħoss tal-mużika.
Leg 13 PQ #6350 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment – ħruġ tal-permess

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hi ta’ disturb għar-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, Rabat, Siġġiewi u Ħ’Attard, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji tal-ħruġ tal-permess? X’superviżjoni ssir mill-Ministeru? X’inhi l-proċedura ta’ tiġdid tal-permess? Kemm hu l-ħlas tal-liċenzja ta’ stabbilimenti ta’ din ix-xorta? X’miżuri ġew imposti fuq id-diskoteka biex ikun hemm sound buffers u b’hekk il-ħoss tal-mużika ma jiġiex trasmess b’inkonvenjent?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-MTA ma kinitx l-Awtorita’ li dak iż-żmien ipproċessat u ħarġet il-liċenzja ta’ diskoteka, iżda kien il-Kummissarju tal-Pulizija li ħareġ din il-liċenzja. Il-parir li l-MTA intalbet tagħti dak iż-żmien kien jekk il-liċenzji ta’ dan l-istabbiliment kinux imħallsin jew le.

Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment — skumdità lir-residenti – volum eċċessiv

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hi ta’ inkonvenjent għar-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, Rabat, Siġġiewi u Ħ’Attard. Hu fir-remit tal-ERA li tipproteġi d-drittijiet tar-residenti minn volum eċċessiv ta’ storbju. Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid kemm-il darba l-Korp tal-Pulizija u/jew il-Ministeru għall-Intern irrikorru għall-għajnuna f’dan ir-rigward? X’miżuri ġew imposti fuq id-diskoteka biex ikun hemm sound buffers u b’hekk il-ħoss tal-mużika ma tiġix trasmessa b’inkonvenjent?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dak li jikkonċerna noise pollution, il-Ministru għal Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima appunta Kummissjoni ad hoc. Din il-Kummisjoni ngħatat il-karigu sabiex tipproponi qafas leġislattiv sabiex tiġi regolata u ndirizzata din il-problema b’mod ħolistiku. Din il-Kummissjoni qed taħdem id f’id mal-ERA u fil-ġimgħat li ġejjin hu mistenni li d-dokument relattiv ikun konkluż u ppreżentat lill-Ministru għal kunsiderazzjoni tiegħu.

Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment – ħruġ tal-permess

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hi ta’ inkonvenjent lir-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat, is-Siġġiewi u Ħ’Attard, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji tal-ħruġ tal-permess? Il-permess joħroġ fuq permess ta’ spirti biss? X’superviżjoni jsir mill-Ministeru? X’inhi l-proċedura ta’ tiġdid tal-permess? Kemm hu l-ħlas tal-liċenzja ta’ stabbilimenti ta’ din ix-xorta? X’miżuri ġew imposti fuq id-diskoteka biex ikun hemm sound buffers u b’hekk il-ħoss tal-mużika ma tiġix trasmessa b’inkonvenjent?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il mistoqsija lil Ministeru konċernat.

Awtorità tad-Djar – Binja Buqana fl-Imtarfa – tiswijiet strutturali

Question

B’referenza għat-tiswijiet strutturali li qed isiru f’Binja Buqana fl-Imtarfa mill-Awtorità tad-Djar, wara li dawn id-difetti strutturali li wara 20 sena ġew ikkonfermati li huwa stat ta’ fatt u li huma periklu, jista’ l-Ministru jgħid x’mistrieħ il-moħħ għandu jkollu r-resident li x-xogħol qed isir skont is-sengħa f’kull post fil-blokka? Liema huma l-entitajiet li qegħdin jagħmlu l-ispezzjonijiet u kemm hi l-frekwenza ta’ dawn iż-żjarat? Min qiegħed iħares id-drittijiet kuntrattwali tar-resident? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn inbidlet it-teknika fuq l-infurzar tal-pilastri? Meta l-ex Ministru l-Onor Dr Michael Farrugia kien qal waqt press release li l-pilastri ħa jinbidlu, beda jsir hekk imma ma tkomplix. Hu nnutat li bil metodu l-ġdid ta’ kif qegħdin jiġu rranġati l-pilastri ta’ bejn il-garaxxijiet, qed jittieħed spazju mill-komun privat u x-xogħol mhux qiegħed jinforza l-irjus propja. Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed tieħu l-Awtorità tad-Djar jekk dan hu minnu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-analiżi tal-ħsarat li kien hemm fil-binja msemmija, kienet saret minn kumpanija internazzjonali, b’reputazzjoni tal-ogħla livell, ARUP u x-xogħolijiet ta’ tiswija li qed isiru bħalissa, qegħdin jiġu sorveljati minn kumpanija ta’ Periti lokali, QP Management. L-istess kumpanija ta’ Periti, qed tieħu ħsieb is-sorveljanza tal-proġett u qed tagħmel l-ispezzjonijiet kollha neċessarji bejn darba u darbtejn fil-ġimgħa, skont in-natura tax-xogħlijiet li ikunu qed isiru. Ir-residenti tal-blokka, għandhom Assoċjazzjoni tar-Residenti li tirrappreżentahom. Dwar il-metodoloġija tal-infurzar tal-pilastri, wara li saru l-investigazzjonijiet u l-ispezzjonijiet f’kull appartament, irriżulta li kien hemm bżonn illi jinbidlu il-metodi strutturali ta’ kif kienu ser jiġu rranġati l-pilastri u dan minħabba diversi raġunijiet fosthom li; · tibdil totali tal-pilastri seta jirriżulta f’riskju strutturali għall-appartamenti waqt ix-xogħlijiet u għalhekk ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti. Għaldaqstant ittieħdet deċiżjoni sabiex il-pilastri jitħallew u jisaħħu il-pilastri eżistenti; · Wara diskussjonijiet u b’approvazzjoni mill-Assoċjazzjoni illi tirrappreżenta r-residenti tal-Binja kif ukoll tal-Awtorita` tad-Djar ġie konkluż illi l-aħjar soluzzjonji kienet illi l-pilastri eżistenti jissaħħu minn barra. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tnaqqis fil-wisa’ tal-komun quddiem il-garaxxijiet huwa minimu u konformi mal-linji gwida tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Leg 13 PQ #6360 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MFSA — tweġiba għat-talba għal informazzjoni addizzjonali magħmula miċ-Chairman tal-European Banking Authority

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra u/jew ta' kwalunkwe dokument ieħor tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni addizzjonali magħmula miċ-Chairman tal-European Banking Authority lill-istess Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) u liema tweġiba kellha tingħata lill-European Banking Authority sa nhar il-Ħadd 10 ta' Ġunju 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni li għaddiet bejn l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-MFSA hija suġġetta għall-kunfidenzjalità kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru. 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi l-Awtorità Supervizorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea).

Programmi ta' ġrajjiet kurrenti, diskussjonijiet, inkluż programmi mtella' mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Television Malta – lista’ ta’ persuni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li ħadu sehem fi programmi ta' ġrajjiet kurrenti, diskussjonijiet, inkluż programmi mtella' mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Television Malta matul il-perjodu mill-4 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid għal kull waħda mill-persuni f'liema kapaċità ġiet mistiedna jew lil min kienet qiegħda tirrappreżenta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar u għaldaqstant tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità tal-Ippjanar – Pjan Lokali tal-Majjistral ta’ Malta — sottomissjonijiet li saru mill-pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru lill-Awtorità tal-Ippjanar mill-pubbliku bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika preliminari li saret mill-istess Awtorità bejn Lulju u Settembru tas-sena 2013 dwar il-Pjan Lokali tal-Majjistral ta' Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-ammont kbir ta’ riżorsi meħtieġa, hu meqjus diffiċli ħafna, jekk mhux prattikament impossibbli, li tali informazzjoni tinġabar fi żmien raġjonevoli. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli interpellant biex ikun iżjed speċifiku.

Awtorità tal-Ippjanar – Pjan Lokali tan-Nofsinhar ta’ Malta — sottomissjonijiet li saru mill-pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru lill-Awtorità tal-Ippjanar mill-pubbliku bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika preliminari li saret mill-istess Awtorità bejn Lulju u Settembru tas-sena 2013 dwar il-Pjan Lokali tan-Nofsinhar ta' Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-ammont kbir ta’ riżorsi meħtieġa, hu meqjus diffiċli ħafna, jekk mhux prattikament impossibbli, li tali informazzjoni tinġabar fi żmien raġjonevoli. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun iżjed speċifiku.

Awtorità tal-Ippjanar – Pjan Lokali tal-Portijiet tat-Tramuntana ta’ Malta — sottomissjonijiet li saru mill-pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru lill-Awtorità tal-Ippjanar mill-pubbliku bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika preliminari li saret mill-istess Awtorità bejn Lulju u Settembru tas-sena 2013 dwar il-Pjan Lokali tal-Portijiet tat-Tramuntana ta' Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-ammont kbir ta’ riżorsi meħtieġa, hu meqjus diffiċli ħafna, jekk mhux prattikament impossibbli, li tali informazzjoni tinġabar fi żmien raġjonevoli. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun iżjed speċifiku.

Xiri ta’ flat – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara kif l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien issottometta applikazzjoni biex jixtri l-flat tal-housing u wara li għamel il-konvenju u saħansitra kellu jagħmel kuntratt f’Diċembru, ċemplulu u qalulu li dan ma jistax isir għax il-post hu tal-Lands? (Dan meta ż-żewġ appartamenti ta’ fuqu nbiegħu). Jista’ jgħid x’inhi l-problema?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Applikazzjoni/Permess għal veranda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, fil-każ tal-veranda stallata minn ħaddiema tal-Gvern fid-dar tiegħu, kienx applika għal permess jew Development Notification Order (DNO) mal-Awtorità tal-Ippjanar u jippreżenta l-evidenza dokumentarja ta’ dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari 6253.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – Triq il-Marfa u Triq Dun Franġisk Sciberras – permessi approvati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3681 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kif approvati mill-awtoritajiet konċernati tal-proġett li qed isir mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bejn Triq il-Marfa u Triq Dun Franġisk Sciberras?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-permess kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar - PA 02572/15 kif ipprovduti mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Il-Mellieħa – Triq il-Kbira u Triq in-Nasses — pjanti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti li tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-bini tal-lukanda li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa bejn Triq il-Kbira u Triq in-Nasses? Fl-istess waqt jindika jekk kienx hemm xi forma ta' oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

L-applikazzjoni msemmija hi PA 5909/17, għadha fl-istadju ta’ Screening. L-Awtorita’ tal-Ippjanar qed tistenna risposta mingħand l-ERA fir-rigward ta’ studji sottomessi mill-perit fit-18 u 25 ta’ Mejju 2018 (Air Quality Study u Noise Impact Study Report). L-ERA ġiet konsultata fil-25 ta’ Mejju 2018 u ż-żmien ta’ konsultazzjoni jagħlaq fil-25 ta’ Ġunju 2018. Fl-istadju ta’ Screening ma kien hemm ebda oġġezzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, imma ta’ min jinnota li ż-żmien uffiċjali fejn persuna/i jew entitajiet jistaw jissottomettu l-kummenti tagħhom jiskatta wara li l-applikazzjoni tkun inqalbet għal ‘Full Process’.