Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq li mill-Pont tal-Mistra tagħti għall-bajja tal-Mistra – qtugħ ta’ qasab

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5429, jista’ l-Ministru jara li l-qasab fit-triq imsemmija jinqata’, peress li dan il-qtugħ għadu ma sarx u l-periklu għadu hemm?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma l-Onor. Interpellant li għas-segwitu tar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 5429, saret spezzjoni fuq is-sit fejn ittieħdu d-dettalji relatati mal-estent tal-qasab li jinsab fil-medda tat-triq li minn fuq il-pont tal-Mistra tagħti għal bajja tal-Mistra. Sar pjan biex fl-immedjat jitneħħa ammont ta’ qasab li jinsab biswit it-triq u mat-tul kollu ta din it-triq. Ħa ssir applikazzjoni biex ikun hemm permessi neċessarji biex kif jitneħħa l-qasab kollu u nkunu nistgħu nħawwlu siġar u pjanti ndiġeni adattati għal dan is-sit. Dan il-pjan huwa ntiż li jsir lejn l-aħħar tas-sajf meta jkun iktar opportun li jitħawwlu s-siġar u l-arbuxxel.
Leg 13 PQ #6321 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Titjiriet tal-Air Malta — delays

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm tant delays fuq it-tijiriet tal-Air Malta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa’ spjegajt fis-seduta Parlamentari tal-11 ta’ Ġunju, kien hemm dewmien imprevist sabiex l-ajruplan il-ġdid jingħaqad mal-kumplament tal-flotta tal-Air Malta. Saru arranġamenti biex it-titjiriet skedati li kellhom isiru b’dan l-ajruplan jiġu operati minn ajruplani oħra fuq bażi ta’ wet lease.Wieħed minn dawn l-ajruplani kellu jiddaħħal għal manutenzjoni minħabba ħsara teknika. Kien hemm ukoll dewmien li l-Air Malta ma kellha l-ebda kontroll fuqu fosthom strikes tal- Air Traffic Control ġewwa diversi pajjiżi, żewġ bird strikes , kundizzjonijiet ta’ temp ħażin fl-Ewropa, kif ukoll aċċident fejn trakk laqat wieħed mill-ajruplani.
Leg 13 PQ #6322 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Żieda ta’ rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex żdiedu r-rotot meta m'hemmx biżżejjed ajruplani? Tant hu hekk li sar reklamar fuq wieħed mill-mezzi soċjali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6321, ninfurmah li l-Air Malta għamlet arranġament sabiex iżżid il-flotta tagħha b’żewġ ajruplani oħra biex topera l-iskeda kollha tagħha.

Naxxar – It-Telgħa t’Alla u Ommu — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux possibbli li t-Telgħa t’Alla u Ommu fin-Naxxar tkompli tinbarax (kif diġà hi fil-parti ta' fuq) sa' isfel nett ċjoè sa fejn ir-round about, dan peress li varji persuni li jużaw din it-triq qed jilmentaw li qed isibuha perikoluża meta jsuqu għax faċilment jiskiddjaw mhux biss meta jkun maltemp iżda wkoll meta t-temp ikun tajjeb anke meta jieħdu l-prekawzjoni li jsuqu bil-mod?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għaddejja bit-tħejjijiet sabiex it-triq indikata tiġi mtejba. Id-diffikultà msemmija qed jiġu meqjusa sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa

Trasport Pubbliku – żieda fir-rotot 41 u 42

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiżdied is-servizz fuq ir-rotot 41 u 42, li jitilqu miċ-Ċirkewwa, bħala parti miż-żieda ta’ servizz fil-qasam tat-trasport pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Triq tal-Armier – kontroll tat-traffiku minħabba xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ kontroll tat-traffiku ħa l-kuntrattur li d-dettalji tiegħu qed jingħataw b’mod separat, meta nhar it-Tlieta 5 ta’ Ġunju 2018 kien qiegħed jaħdem fit-triq tal-Armier fejn kien qiegħed jagħti t-tarmak u kien imqabbad mill-Enemalta? Jista’ jgħid jekk kienx hemm pulizija jew wardens imexxu t-traffiku, u jekk kien hemm, kemm kien hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-kuntratturi mqabbdin mill-Enemalta plc huma obbligati jimxu skont ir-regoli u d-direzzjonijiet tal-Awtorità responsabbli.

Berġa taż-Żejtun — drenaġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jara li b’mod immedjat jittieħdu l-passi biex drenaġġ li ilu ħiereġ xi ħamest ijiem mill-Berġa taż-Żejtun fi Triq Mater Boni Consigli Żejtun jiġi rranġat anke minħabba l-fatt li din hija l-ġimgħa tal-festa u minn din it-triq prinċipali mhux biss jgħaddu l-marċijiet imma anki l-istatwa tal-purċissjoni ta’ Santa Katarina? Billi jien infurmat li dan id-drenaġġ mill-berġa ġie rrapurtat jiem ilu mill-Pulizija, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi mmedjati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li immedjatament li wasal dan l-ilment (it-Tnejn 11/06/18) saret spezzjoni fil-Berġa taż-Żejtun u ma jirriżultax li kien ħiereġ xi drenaġġ mill-post imsemmi minnu.

Eleġibilità Għal Fondi Mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentar 6242 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: peress li anke l-Gvern Malti qiegħed jammetti li mhux eskluża l-possibbiltà li għall-perjodu finanzjarju (baġitarju) tal-Unjoni Ewropea 2021-2027, Malta taf ma tibqax eleġibbli għall-istess ammont ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea daqs qabel, speċjalment minħabba l-Brexit, tista’ tgħid kif f'dan ix-xenarju se tiġi mwettqa l-wegħda li kienet saret lill-Għawdxin, li skont id-Dikjarazzjoni 36, annessa mat-Trattat ta' Sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li tgħid hekk: " in the event that Malta, as a whole, would no longer be eligible to certain measures of the regional policy, the report (by the Commission to the Council on the economic and social situation in Gozo, and in particular, on the disparities in the social and economic development levels between Gozo and Malta) would assess whether the specific economic situation of Gozo justifies a continued eligibility of Gozo to these measures, and under which conditions, during the reference period" ? Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni unilaterali, tista’ tgħid jekk saritx diġà t-talba għal rapport speċifiku dwar Għawdex lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-Politika ta’ Koeżjoni li ħarġu fid-29 u 30 ta’ Mejju 2018. Il-Gvern Malti se jiskatta l-mekkaniżmu skont l-imsemmija Dikjarazzjoni sabiex jintalab rapport mill-Kummissjoni Ewropea dwar Għawdex. Il-Gvern ikompli jagħmel ħiltu fix-xhur li ġejjin biex fiċ-ċirkustanzi preżenti Malta u Għawdex jibqgħu jibbenefikaw sostanzjalment mill-fondi msemmija.
Leg 13 PQ #6332 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Tibdil ta’ Tabelli bis-sinjali tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 6159 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u ċjoè: Peress li t-tabelli bis-sinjali tat-traffiku f’Għawdex qegħdin ġeneralment fi stat ħażin għax ħafna minnhom m'għadhomx jintgħarfu u jkun diffiċli għat-turisti u l-barranin biex isibu minn fejn jgħaddu, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li ssir il-manutenzjoni tagħhom jew inkella jinbidlu? Jekk iva, meta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk it-tabelli li għandhom bżonn ta’ tibdil se jsiru fi żmien qarib wara li l-ġimgħa li għaddiet ġie ffirmat it-tender document mill-kuntrattur li ħa t-tender.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – servizzi/għajnuna soċjali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6970 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista eżistenti ta’ servizzi kollha offruti mill-Ministeru tiegħu jew minn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jindika min hi l-persuna responsabbli għal kull wieħed minn dawn is-servizzi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija disponibbli pubblikament fil-portal tal-Ministeru li huwa https://family.gov.mt

Servizzi fil-Komunità biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 719, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi indikati fir-risposta u jekk hemmx xi waiting list biex jirċievu dawn is-servizzi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi msemmija, li fil-preżent qed jagħmlu użu minnhom l-klijenti tal-Aġenzija Sapport, huma kif ġej : · Direct Payment - fejn jingħataw fondi sabiex familji li għandhom persuni b'diżabilità, jkollhom servizz fid-dar għal ħinijiet qosra sa 12-il siegħa matul il-ġimgħa, minn aġenziji privati li jassistu f'għajnuna ta' kura, għal persuna b'diżabilità skont il-bżonn.74 persuna qed tutilizza dan s-servizz. · Community Services - fejn impjegati tal-Aġenzija Sapport, jaħdmu mal-klijenti fil-komunità sabiex jgħinuhom, biex ikollhom kwalità ta' ħajja aħjar. 86 persuna qed tutilizza dan s-servizz. Il-lista ta’ stennija għas-Servizz ta’ Direct Payment u Community Services bejniethom, hija ta’ 47 persuna. · Independent Community Living (ICL) - fejn jingħataw fondi sabiex familji li għandhom persuni b'diżabilità, jkunu jistgħu jkollhom servizz, kemm fid-dar u kemm fil-komunità, għal iktar minn 13-il siegħa, skont il-każ. 78 persuna qed tutilizza dan s-servizz, waqt li hemm 4 persuni fuq il-lista ta’ stennija. · Personal Assistance Fund (PAF) - sabiex persuni b'diżabilità bi bżonnijiet partikolari, jkun jista' jkollhom persuna li toffrilhom is-servizz bħala live in carer u saħansitra jkun hemm l-opportunità li jieħdu servizzi minn professjonisti oħra skont it-talba u l-fond mogħti. 33 persuna qed tutilizza s-servizz, waqt li m’hemmx persuni fuq il-lista ta’ stennija.

Sheltered Employment — taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti t-taħriġ tal-Sheltered Employment? Kemm kien hemm persuni b’diżabilità li qed jirċievu dan it-taħriġ biex itejbu l-ħiliet tagħhom? X’għandha tagħmel persuna b’diżabilità biex tkun intitolata għal dan it-taħriġ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-programm Sheltered Employment Training, li huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, jipprovdi taħriġ assistit għall-persuni b’diżabilità l-aktar severa bl-għan li jtejbu l-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Diversi job coaches huma assenjati sabiex jissapportjaw lill-persuni li jattendu l-programm ta’ taħrig li jinkludi perjodu f’ambjent reali tax-xogħol. In-numru ta’ persuni b’diżabilità li rċevew dan it-taħriġ huwa indikat fit-tabella hawn taħt: Sheltered Employment Training MaleFemaleXTotal 20161723040 20172419043 201888016 Total4950099 Persuna b’diżabilità interessata tidħol fid-dinja tax-xogħol għandha tirreġistra ma’ Jobsplus biex tiġi rreferuta mill-professjonisti li jaħdmu ma’ Jobsplus jew mal-Lino Spiteri Foundation.

Job Bridge Training and Development Centre

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 718, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Job Bridge Training and Development Centre ? Kemm hemm persuni b’diżabilità li qed jibbenefikaw minn dan iċ-Ċentru? X’tip ta’ taħriġ speċifiku jingħata lil min qed jagħmel użu minn dan iċ-Ċentru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Job Bridge Training and Development Centre huwa fergħa ta’ Jobplus ġewwa Pembroke li tipprovdi taħriġ speċifiku li jiffoka fuq ħiliet ta' impjegabilità, komunikazzjoni, ħiliet soċjali, kif ukoll ħiliet għal ħajja indipendenti. Se jibda wkoll dalwaqt taħriġ addattat għall-persuni b’diżabilità u persuni oħra vulnerabbli biex il-parteċipanti jakkwistaw ħiliet bażiċi tal-uffiċċju u IT. Dan it-taħriġ huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. In-numru ta’ persuni b’diżabilità li rċevew dan it-taħriġ huwa indikat fit-tabella hawn taħt: Pre-Employment Training MaleFemaleXTotal 20164318162 20176029089 20181512027 Total118591178

Bridging the Gap – persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm persuni b’diżabilità li qed jagħmlu użu mill-iskema Bridging the Gap? Jista’ applikant jagħmel użu minn din l-iskema biex jaħdem part-time? X’għandu wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-iskema Bridging the Gap (BTG) toffri opportunità ta’ prova fuq il-post tax-xogħol (work exposure) lill-persuni b’diżabilità għal numru ta’ ġimgħat (skont il-bżonn). Matul il-perjodu miftiehem, Jobsplus tagħti allowance fil-ġimgħa lill-parteċipanti, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. Jekk il-persuna ddum aktar minn tnax-il ġimgħa f’din l-iskema, hi trid iċċedi l-benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali tagħha. Min-naħa l-oħra min iħaddem ma jkunx obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, il-paga u benefiċċji oħra bħal sick leave. Individwu għandu jirreġistra ma’ Jobsplus bħala persuna b’diżabilità, kif ukoll għandu jirreġistra għal xogħol full-time jew part-time biex jagħmel użu minn din l-iskema. Mill-2016 sal-lum ibbenefikaw minn din l-iskema 134 persuni b’diżabilità.

Privatizzazzjoni tat-Telecare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-Telecare hux se tiġi pprivatizzata? Dan se jkun ifisser li l-anzjani jkollhom jibdew iħallsu ferm aktar għal dan is-servizz tant importanti għall-anzjani? X’inhi l-mira ewlenija tal-gvern li jżomm it-telecare jew jipprivatizzah? F’każ li jiġi pprivatizzat, il-Gvern se jżarma l-istruttura li għandu, inkluż l-apparat u l-ħaddiema?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-Telecare huwa servizz li jingħata mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. M’hemmx pjanijiet illi dan is-servizz jiġi privatizzat. Id-Dipartiment bħalissa għaddej b’diskussjonijiet fuq kif dan is-servizz għandu jiżviluppa fl-aħjar interess għall-persuni li jagħmlu użu minnu.

Ħ’Attard – siġar protetti fiż-żona tal-bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx siġar protetti fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ħ’Attard – siġar taċ-ċitru u siġar oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm siġar taċ-ċitru u siġar oħra fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali, Ħ’Attard?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ħ’Attard – għelieqi ta’ bdiewa fiż-żona tal-bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa u jew persuni reġistrati li għandhom l-għelieqi fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Sptarijiet tal-Gvern — kuntrattur - ikel

Question

B'referenza għall-kuntratt li huwa maħsub li jirregola lill-kuntrattur li se ikun qed jissupplixxi l-ikel fl-isptarijiet, jista' l-Ministru jgħid: a. x'inhu l-kriterju li jirregola x-xiri tal-ħaxix u frott skont dan il-kuntratt; b. x'kundizzjonijiet hemm fil-kuntratt li jistabbilixxi liema frott u ħaxix għandu jkun ta' produzzjoni lokali jew importat; u ċ. jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li qed jirregola lill-kuntrattur li qed jissuplixxi l-ikel lill-isptarijiet tal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt konċernat, u li għadu fis-seħħ, huwa dak li kien ingħata mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista li minnu ma nbidel xejn la mill-amministrazzjoni 2013-2017 u lanqas s’issa. Il-kuntratt konċernat kien ġie estiż sas-sena 2022 ftit jiem biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013.