Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Sliema – Amery Street – tibdil tal-isem tat-triq għal ġurnalista maqtula

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għamilx jew irċeviex rakkomandazzjoni biex Amery Street f’Tas-Sliema tissemma għal ġurnalista maqtula li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, it-triq li fiha trabbiet u għexet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Periodical evalutaion tal-GRECO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Malta qed tirrifjuta, anke jekk b’mod diplomatiku, li l-periodical evaluation tal-GRECO (li tinkludi review tal-implementazzjoni tad-direttivi tal-UE kontra l-ħasil tal-flus) fuq Malta tinġieb ‘il quddiem mill-2019 għall-2018? Il-Gvern għandu xi diffikultà biex tali evaluation sseħħ fl-2018 flok fl-2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-GRECO talbet lill-Malta sabiex l-evalwazzjoni ssir din is-sena minflok fl-2019, u hemm il-ħsieb li din iż-żjara issir aktar tard din is-sena.

Government Property Department – files digitised

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il file tal-Government Property Department ġew digitised kompletament fuq sistema elettronika mill-2014 sal-lum?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentement, l-Awtorità tal-Artijiet nediet dan il-proġett ġdid fejn qed jiġu analizzati ‘l fuq minn 250,000 fajl eżistenti kif ukoll oħrajn ġodda. Għal dan il-għan, l-Awtorità daħlet fi ftehim ma' MaltaPost biex din tal-aħħar twettaq parti minn dan il-proċess. Il-bqija tal-fajls u tad-dokumenti qed jiġu scanned internament mill-impjegati tal-Awtorità. Sa minn meta beda l-proċess tal-i scanning u diġitazzjoni f’Marzu 2018, ġew proċessati madwar 3,700 fajl.

Iż-Żonqor – Xogħlijiet fuq Park Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jelenka dettaljatament il-passi kollha u x-xogħol kollu li sar s’issa biex isir il-Park Nazzjonali fin-Nofsinhar, fl-akkwati taż-Żonqor?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar (u mhux tan-Nofsinhar) ikopri medda li bħala xtajta tibda minn quddiem il-Bajda u s-Sewda fiż-Żonqor u tibqa’ sejra sakemm taqbeż l-impjant Ta' Barkat fix-Xgħajra. Dawn il-konfini ġew ippubblikati fl-Avviż Legali 343 t’Ottubru 2016. Kien ġie deċiż li mal-konfini tiżdied il-medda tal-Ponta ta’ Żonqor, li fl-2006 kienet tħalliet barra mill-konfini ta’ park prospettiv skont il-Pjan Lokali tan-Nofsinhar ta’ Malta, u lanqas biss kienet ikkonsidrata bħala ODZ. Mal-ħatra tal-Bord tal-Governanza f’Novembru 2017 bdew diversi miżuri ta’ immaniġjar li jikkonsidraw lill-inħawi tal-park kollha bħala parti integrata waħda u għaldaqstant l-akwati taż-Żonqor, li huma biss parti mill-imsemmi park ikunu kkunsidrati bħala tali. Minn tmien CCTVs li jgħassu l-konfini tal-PNI, tnejn huma fl-akkwati taż-Żonqor, waħda eżatt kif tmiss mal-art pubblika u t-tieni fl-inħawi t’ Għar id-Duħħan. Dawn għenu ħafna biex trażżan ir-rimi ta’ skart illegali fl-inħawi, peress li l-aċċess minn din in-naħa tal-PNI huwa l-aktar wieħed miftuħ u l-aktar iffrekwentat anki minn vetturi. Is-CCTV huma 3G u jaħdmu b’sistema solari. Dawn tqiesu bħala ideali biex jiġi evitat l-ittrinkar fl-art u għalhekk l-impatt fuq il-veġetazzjoni u l-fawna tkun mill-inqas. Inkisbu l-permessi meħtieġa mill-ERA biex dan sar u l-PA kienet notifikata. Fir-rebbiegħa tal-2017 saret komunikazzjoni ma’ Transport Malta dwar il-periklu li jċedi s-sies tal-Bajda u s-Sewda għall-baħar, u dan minħabba kawżi naturali. Għaldaqstant saru tabelli fi Triq iż-Żonqor, kif ukoll bagi u ħabel ta’ sufri bojod u suwed fil-baħar biex javżaw lill-għawwiema u lill-pubbliku biex ma jidħlux f’dik iż-żona partikolari. Il-blat eventwalment ċeda fil-baħar waqt maltempata fix-xitwa li għaddiet. Saret talba f’ Marzu 2017 mal-Awtorità tal-Artijiet biex il-Gunpost tal-Ponta ta’ Żonqor, li hija partimonju storiku militari, tgħaddi f’idejn il-PNI peress li hija propjetà pubblika. Kif isir hekk, jibda l-proċess biex issir l-evalwazzjoni tal-ħsarat li ġarrbet biex jibda r-restawr fuqha. Il-ħsieb hu li tinfetaħ għall-pubbliku bħala post tal-viżitaturi. Il-Bord tal-Governanza fil-pjan finanzjarju ta’ din is-sena alloka l-fondi neċessarji għal dan. Il-proċess biex il-Gunpost taż-Żonqor tgħaddi f’idejn il-PNI għadu għaddej. F’Ottubru 2017 il-Bord tal-Governanza kiteb lill-ERA dwar il-proġett li jitneħħew l-ispeċi ta’ flora aljena li kienet ixxitlet fil-Ponta ta’ Żonqor. Din kienet qiegħda toħnoq il-flora mhedda ndiġena u endemika li tinsab fl-inħawi. Xi wħud mix-xtieli, partikolarment is-sukkulenti agave kienu wkoll ta’ periklu minħabba l-ponot fil-weraq għandhom xewka kbira. Wara li fl-20 ta’ Frar 2018 uffiċċjali mill-ERA għamlu żjara fuq il-post, il-Bord intalab jippreżenta studju xjentifiku tal-flora fl-inħawi u l- method statement ta’ kif il-flora aljena se titneħħa. Dan għamlu u meta ħareġ il-permess mill-ERA, saret sejħa biex jiġi kkummisjonat il-proġett. Dan kważi tlesta kollu u mistenni jiġi konkluż il-ġimgħa d-dieħla. Fl-istess żona, ġie identifikat bħala wieħed mill-ħames postijiet prospettivi ta’ designated leisure areas. Proġett ieħor li għalih diġà għaddejja diskussjoni mal-ERA hija biex fl-istess sit fiż-Żonqor jitħawlu siġar u pjanti indiġeni fix-xitwa li ġejja, inkluż il-mogħdija li jużaw l-għawwiema u l-bugħaddasa biex mit-triq jinżlu fil-baħar.

Proċeduri dixxiplinari kontra surġent tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-proċeduri dixxiplinari kontra s-Surġent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament talli kien kiteb fuq Facebook li l-ġurnalista maqtula li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kienet ħadet li ħaqqha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6186.

Għawdex – Pulizija — serq, traffikar ta’ drogi u tipjip - każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-lum: a. Kemm-il serqa ġiet irrappurtata lill-Pulizija f’Għawdex u kemm minnhom ġew solvuti; b. Kemm-il persuna nqabdet tittraffika d-droga f’Għawdex u kemm minnhom ġew imressqa l-Qorti; c. Kemm-il persuna taħt l-età nqabdet f’diskoteki jew f’postijiet fejn huma pprojbiti; u d. Kemm-il persuna nqabdet tpejjep f’postijiet ipprojbiti u kemm minnhom tressqu l-Qorti jew quddiem Tribunal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bejn 1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena kien hemm sebgħin (70) serqa li ġiet irrapurtata lill-Pulizija f’Għawdex. Minn dawn erbgħa (4) ġew solvuti. Fl-istess perjodu tliet (3) persuni nqabdu jittraffikaw id-droga f’Għawdex u waqt li wieħed diġà tressaq il-Qorti, tnejn għad iridu jiġu mressqa. Infurmat li ma kien hemm ebda persuna taħt l-età li nqabdet f’diskoteki jew f’postijiet fejn huma pprojbiti u li seba’ (7) persuni nqabdu jpejpu f’postijiet ipprojbiti. Dawn tal-aħħar kollha għad iridu jkunu appuntati għas-seduta mil-LESA.
Leg 13 PQ #6168 Sitting 134 2018-06-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. mil-liema lokalità f'Għawdex kienu dawn is-86 labourer li ġew ingaġġati mal-Ministeru għal Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin; u b. f'kull każ kemm kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ jew JobsPlus?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li biex Jobsplus tkun tista tagħti l-informazzjoni mitluba tinħtieġ ikollha dettalji tal-individwi kkonċernati.

Żona Industrijali tax-Xewkija – area tal-Ħofra – applikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fiex tikkonsisti l-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġewwa l-area tal-Ħofra fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija u jgħid x’inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar xhur u sal-ġurnata tal-lum qed isir xogħol infrastrutturali f’dan is-sit, minkejja li issa saret din l-applikazzjoni u l-permessi għadhom ma ħarġux?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet infrastrutturali li għaddejjin bħalissa fiż-żona industrijali tax-Xewkija magħrufa bħala il-Ħofra huma kollha koperti bil-permessi kollha neċessarji skond (DN 00509/17) li ġġib id-data tat-22 ta’ Ġunju, 2017. Peress li dan it-tip ta’ permess għandu terminu ta’ sena, kien neċessarju li tiġi sottomessa notifika oħra ta’ żvilupp (DN 00414/18) sabiex jiġi estiż il-permess oriġinali kif inhu mitlub mir-regolamenti u fl’istess waqt jiġu notifikati emendi zgħar fl’imsemmi permess.

Għawdex – Ix-Xagħra – Area tal-Qortin – solar panels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-pjan li f’parti l-kbira ta’ fejn qabel kien hemm il-miżbla fl-area tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex jiġu stallati solar panels? Jekk iva kemm hi l-area li se tintuża għas-solar panels? Jekk le, jista' jgħid għaliex inbidel il-pjan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hu maħsub li dan is-sit, fix-xhur li ġejjin jinfetaħ bħala Park għall-godiment tal-Għawdxin. Jingħad li baqa’ ftit xogħol xi jsir f’dan ir-rigward sabiex dan iseħħ. Jingħad ukoll li dan il-Park kien ġie rijabilitat mill-Wasteserv permezz ta’ Fondi Ewropej u għalhekk l-użu tal-istess sit huwa limitat fil-binarji imposti tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu mhux eskluż li proġett ta’ solar panelling ikun jista’ jiġi integrat f’dan il-proġett, basta dan ma jippreġudikax id-destinazzjoni pre-stabbilità tas-sit.

Pazjenti bl-Epatite C – mediċina b’xejn

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3578 u 4075, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta bdiet tingħata l-mediċina b'xejn lill-pazjenti tal-Epatite C?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li fil-jiem li għaddew tnieda l-Pjan Nazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Epatite C mill-Gżejjer Maltin, din il-ġimgħa stess inbeda t-trattament mediku b’xejn tal-pazjenti bl-Epatite C. Filfatt sa issa, fl-ewwel ġimgħa, diġà nbeda l-proċess ma’ 25 pazjent. Il-pjan huwa li l-pazjenti kollha li llum nafu li għandhom l-Epatite C f’Malta u Għawdex jingħataw trattament fi żmien sentejn.

Pazjenti bl-Epatite C – mediċina b’xejn

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3578 u 4075, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-1000 pazjent li għandhom l-Epatite C, kemm hemm pazjenti li ngħataw il-mediċina b'xejn minn Frar 2018 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal misoqsija parlamentari 6210.
Leg 13 PQ #6212 Sitting 134 2018-06-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – direct orders

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5900, tista’ l-Ministru tagħti d-dati meta d-direct orders li ngħataw mid-direttorati u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex bejn Marzu 2013 sal-lum, ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba kienet ingħatat fit-tweġibiet tiegħi għad-domanda 5900. Id-dati ta’ meta din l-informazzjoni ġiet ipubblikata hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #6213 Sitting 134 2018-06-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – proposti għall-kiri ta’ proprjetà fir-Rabat – expression of interest

Question

B’referenza għall-Expression of Interest li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li permezz tagħha l-Ministeru għal Għawdex talab proposti għall-kiri ta’ proprjetà fir-Rabat, Għawdex, tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kemm-il proposta l-Ministeru rċieva, mingħand min irċevihom u kemm kienu l-ammonti ta’ flus mitluba rispettivament?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li kien hemm ħames proposti dwar l-Expression of Interest imsemmija. L-informazzjoni mitluba diġà tinsab fuq il-website tal-Ministeru għal Għawdex.

In-Naxxar – Triq Francis Attard — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6100 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex itaffi mill-problemi kbar li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' Triq Francis Attard fin-Naxxar minħabba l-impatt ta' proġetti ta' żvilupp massiv f'din iż-żona, liema xogħol qed ikollu effett qawwi fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti tal-imsemmija triq, kif ukoll liema xogħlijiet ukoll ħolqu ħsarat fi wħud mir-residenzi tal-imsemmija triq? (Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li fiż-żona se jibda żvilupp ieħor ta' kobor li se jkollu effett fuq il-ħajja tar-residenti ta' din it-triq fiż-żmien li ġej) (Ara ritratti li qed jintbagħtu separatament).

Response (BORG, IAN)

Fl-istadju ta’ ppjanar tal-proġetti msemmija Transport Malta tikkollabora mal-awtoritajiet tal-ippjanar u tal-ambjent sabiex l-iżviluppaturi jsegwu kundizzjonijiet u prekawzjonijiet li jnaqqsu l-impatt tal-ivvjaġġar marbut max-xogħol ta’ kostruzzjoni. Dan jinkludi miżuri bħall-kundizzjoni li l-kuntrattur jagħmel sensiela ta’ sinjali tat-traffiku applikabbli skont il-proġett għal waqt ix-xogħlijiet. L-Awtorità kontinwament issegwi l-qagħda tat-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha, sabiex fejn ikun meħtieġ isir it-titjib meħtieġ. Din il-ħidma ser tkun qed tissaħħaħ fiż-żmien li ġej bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, l-aġenzija li ser tmexxi u twettaq programm ta’ titjib u bini mill-ġdid tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż, b’investiment bla preċedent ta’ madwar €700 miljun. Infrastructure Malta ser tieħu ħsieb il-kwalità tat-toroq arterjali u b’mod gradwali anke dawk residenzjali li bħalissa jieħdu ħsiebhom il-kunsilli lokali. L-Occupational Health and Safety Authority (OHSA), min-naħa tagħha titratta kwistjonijiet ta’ trab u saħħa fuq il-post tax-xogħol, u l-Building Regulation Office (BRO) tieħu ħsieb li jiġu indirizzati kwalunkwe ħsarat strutturali li jaffettwaw terzi.

In-Naxxar – Triq il-Markiż Ċensu Depiro — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6102 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex itaffi mill-problemi kbar li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' Triq il-Markiż Ċensu Depiro fin-Naxxar minħabba l-impatt ta' proġetti ta' żvilupp massiv f'din iż-żona, liema xogħol qed ikollu effett qawwi fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti tal-imsemmija triq, kif ukoll liema xogħlijiet ukoll ħolqu ħsarat fi wħud mir-residenzi tal-imsemmija triq? (Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li fiż-żona se jibda żvilupp ieħor ta' kobor li se jkollu effett fuq il-ħajja tar-residenti ta' din it-triq fiż-żmien li ġej).

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6245.

Cables – tneħħija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6104 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett pilota mħabbar mill-Prim Ministru f'Birkirkara, f'Mejju 2017 li kellu jara li l-cables tal-Enemalta u oħrajn jibdew jinqalgħu mill-faċċati tad-djar u l-arbli fl-irħula tagħna u jitpoġġew taħt l-art qabel jirranka l-proġett ta' €700m f'manutenzjoni estensiva tat-toroq Maltin tul din il-leġiżlatura?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma sabiex jintaqqsu l-linji fuq l-arbli u mal-faċċati tal-bini teħtieġ kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet, fosthom entitajiet pubbliċi u azjendi privati. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jemmen li dan l-impenn għandu jiġi kkordinat ukoll mal-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex itejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta u Għawdex fis-snin li ġejjin. Fiż-żmien li ġej, din il-ħidma ser tkun qed titmexxa u titwettaq mill-aġenzija Infrastructure Malta, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament. Nemmen li Infrastructure Malta jeħtieġ tikkollabora mal-entitajiet konċernati, li jiffurmaw parti minn Ministeri differenti, sabiex flimkien inwettqu l-proġett pilota msemmi. Dan il-proġett se jgħin lil pajjiżna jistabbilixxi l-kriterji u r-riżorsi meħtieġa biex fil-futur din il-ħidma tkompli madwar il-pajjiż kollu. Qed nesiġi wkoll li fl-investimenti ta’ Infrastructure Malta sabiex ittejjeb il-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza tal-infrastruttura tat-toroq, fejn ikun possibbli, nibdew inħarsu wkoll lejn sistemi li jiffaċilitaw it-tneħħija tal-wires minn mal-faċċati u fuq l-arbli. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lil kull inizzjattiva li tgħin sabiex intejbu l-kwalità tal-ambjent tat-toroq f’pajjiżna.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – persuni b’diżabilità — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali– persuni b’diżabilità — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex it-tagħrif jinġabar.
Leg 13 PQ #6315 Sitting 134 2018-06-20 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – persuni b’diżabilità — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tagħha?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għat-tweġiba għal din il-mistqosija parlamentari għadha qed tinġabar.